105. Is-sagramentalità taż-żwieġ taħt l-aspett tas-sinjal

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  12/01/1983.

1. Issa nanalizzaw is-sagramentalità taż-żwieġ taħt l-aspett tas-sinjal.  Meta niddikjaraw li fl-istruttura taż-żwieġ bħala sinjal sagramentali, jidħol essenzjalment ukoll il-“lingwaġġ tal-ġisem”, nagħmlu referenza għat-tradizzjoni twila bibblika, Din għandha l-oriġni tagħha fil-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2, 23-25) u ssib l-inkurunament definittiv tagħha fl-ittra lill-Efesin (cf. Ef 5, 21-33).

Il-Profeti tat-Testment il-Qadim kellhom rwol essenzjali fil-formazzjoni ta’ din it-tradizzjoni. Waqt li nanalizzaw it-testi ta’ Osea, Eżekjel, Deutero-Iżaija, u ta’ profeti oħra, insibu ruħna fit-triq ta’ dik l-analoġija kbira, li l-espressjoni tagħha aħħarija hija l-proklamazzjoni tal-allejanza l-ġdida taħt forma ta’ żwieġ bejn Kristu u l-Knisja (cf. Ef 5, 21-33). A bażi ta’ din it-tradizzjoni twila, huwa possibbli li wieħed jitkellem minn “profetiżmu tal-ġisem” speċifiku, kemm minħabba l-fatt li niltaqgħu ma’ din l-analoġija speċjalment fil-Profeti, kif ukoll minħabba il-kontenut stess tagħha. Hawn il-“profetiżmu tal-ġisem” ifisser appuntu l-“lingwaġġ tal-ġisem”.

2. L-analoġija donnha tidher li għandha żewġ saffi. Fl-ewwel u fundamentali saff, il-Profeti jindikaw il-paragun tal-allejanza, stabbilità bejn Alla u Iżrael, bħal żwieġ (li jippermettilna mill-ġdid nifhmu iż-żwieġ innifsu bħala allejanza bejn ir-raġel u martu) (cf. Pro 2, 17; Ml 2, 14). F’dan il-każ, l-allejanza l-ewwel ma’ Abraham u mbagħad ma’ Mosè, diġa tixhed elezzjoni partikulari. U għalhekk il-Profeti waqt li jassumu il-kontenut kollu ġuridiku-morali tal-allejanza imorru iktar fil-fond, waqt li jirrivelaw dimensjoni iktar profonda b’mod inkomparabbli ta’ dik tal-“patt” uniku. Alla, waqt li jagħżel lill-Iżrael, ingħaqad mal-poplu tiegħu permezz tal-imħabba u l-grazzja. Intrabat bir-rabta partikolari, profondament personali, u allura Iżrael, għalkemm huwa poplu, jiġi ppreżentat f’din il-viżjoni profetika tal-allejanza bħala l-“għarusa” jew “mara miżżewġa”, mela, f’ċertu sens, bħala persuna: “. . . L-għarus tiegħek huwa l-Ħallieq tiegħek / Mulej tal-eżerċti huwa ismu; / il-feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael / huwa msejjaħ Alla tal-art kollha . . . /Jgħid Alla tiegħek . . . / ma titbiegħdx minnek imħabbti, / lanqas ma tiġi nieqsa l-allejanza tiegħi ta’ paċi ( 54, 5. 6,10),

3. Jahwè huwa l-Mulej ta’ Iżrael, imma jsir ukoll l-Għarus tiegħu. Il-kotba tat-Testment il-Qadim jixhdu l-oriġinalità sħiħa tad-“dominju” ta’ Jahwè fuq il-poplu tiegħu. Mal-aspetti l-oħra tad-dominju ta’ Jahwè, Mulej tal-allejanza u Missier Iżrael, tiżdied rivelazzjoni ġdida mill-Profeti, jiġifieri d-dimensjoni stupenda ta’ dan id-“dominju”, li hija d-dimensjoni sponsali. B’tali mod, l-assolut tad-dominju jirriżulta l-assolut tal-imħabba. Fir-rigward ta’ tali assolut, il-ksur tal-allejanza jfisser mhux biss l-infrazzjoni tal-“patt” marbuta mal-awtorità tal-Leġislatur suprem, imma l-infedeltà u t-tradiment: kolp li saħansitra jinfed qalbu ta’ Missier, ta’ Għarus u ta’ Mulej.

4. Jekk, fl-analoġija użata mill-Profeti, wieħed jistà jitkellem minn saffi, dan huwa f’ċertu sens l-ewwel saff u fundamentali. Meta nqisu li l-allejanza ta’ Jahwè ma’ Iżrael għandha l-karattru ta’ rabta sponsali b’xebħ tal-patt konjugali, dak l-ewwel saff tal-analoġija jiżvela t-tieni, li huwa appuntu il-“lingwaġġ tal-ġisem”. Hawn għandna f’moħħna, l-ewwelnett, il-lingwaġġ f’sens oġġettiv, il-Profeti jqabblu l-allejanza maż-żwieġ, jerġgħu jmorru lura għal dak is-sagrament primordjali li dwaru jitkellem il-Ġenesi 2, 24, li fih ir-raġel u l-mara isiru, b’għażla libera tagħhom, ġisem wieħed”. Madankollu huwa karatteristiku tal-mod kif jesprimu ruħhom il-Profeti il-fatt li, waqt li jissopponu il-“lingwaġġ tal-ġisem” f’sens oġġettiv, huma jgħaddu, fl-istess ħin, għal sinifikat soġġettiv tiegħu; jiġifieri jippermettu, biex ngħidu hekk, għall-ġisem stess biex jitkellem. Fit-testi profetiċi tal-allejanza, a bażi tal-analoġija tal-għaqda sponsali tal-miżżewġin, huwa l-ġisem stess li “jitkellem”; jitkellem bil-maskulinità jew il-femminilità tiegħu, jitkellem bil-lingwaġġ misterjuż tad-don personali, jitkellem fl-aħħarnett – u dan iseħħ iktar spiss – kemm bil-lingwaġġ tal-fedeltà, jiġifieri tal-imħabba, kif ukoll b’dak tal-infedeltà konjugali, jiġifieri tal-adulterju”.

5. Huwa magħruf li kien hemm id-dnubiet diversi tal-poplu magħżul – u speċjalment l-infedeltà spissa marbutin mal-kult tal-Alla wieħed, jiġifieri varji forom ta’ idolatrija – biex joffru lill-Profeti l-okkażjoni għall-imsemmija espressjonijiet. Il-profeta tal-“adulterju” ta’ Iżrael sar b’mod partikolari Osea, li jistigmatizza mhux biss bil-kliem, imma, f’ċertu sens, ukoll b’atti tas-sinifikat simboliku: “Mur, ħu mara prostituta u ħalli jkollok ulied il-prostituzzjoni, għaliex il-pajjiż ma jagħmilx għajr jipprostitwixxi ruħu waqt li jitbiegħed mill-Mulej (Os 1, 2). Osea jenfasizza l-isplendur kollu tal-allejanza, ta’ dik l-għerusija li fiha Jahwè juri ruħu għarus-miżżewweġ sensibbli, maħbub, dispost li jaħfer, u fl-istess ħin esiġenti u sever. L-“adulterju” u l-“prostituzzjoni” ta’ Iżrael jikkostitwixxu kuntrast evidenti mar-rabta sponsali, fuq liema hija bbażata l-allejanza, hekk bħal, similment, iż-żwieġ tar-raġel mal-mara.

6. Eżekjel jistigmatizza b’mod simili l-idolatrija, billi jinqeda bis-simbolu tal-adulterju ta’ Ġerusalem (cf. Ez 16) u, f’pass ieħor, ta’ Ġerusalem u tas-Samarija e (cf. Ez 23): “Għaddejt viċinek u rajtek; hekk hu l-età tiegħek kienet l-età tal-imħabba . . . Ħlift allejanza miegħek, jgħid il-Mulej Alla, u ssir tiegħi” (Ez 16, 8). “Int iżda, infatwata minħabba sbuħitek u waqt li approfittajt ruħek mill-fama tiegħek, ipprostitwejt ruħek waqt li offrejt lilek innifsek lil kull min għadda minn ħdejk” (Ez16, 15).

7. Fit-testi profetiċi, il-ġisem uman jitkellem “lingwaġġ”, li tiegħu mhuwiex l-awtur. L-awtur tiegħu huwa l-bniedem inkwantu maskju jew femmina, inkwantu għarus jew għarusa: il-bniedem bil-vokazzjoni perenni tiegħu għall-komunjoni tal-persuni. Madankollu l-bniedem mhuwiex kapaċi, f’ċertu sens,, li jesprimi mingħajr ġisem dan il-lingwaġġ singulari tal-eżistenza tiegħu personali u tal-vokazzjoni tiegħu. Huwa kien kostitwit b’dan il-mod sa mill-“bidu”, hekk li l-kliem l-iktar profond tal-ispirtu – kliem ta’ mħabba, ta’ donazzjoni, ta’ fedeltà – jesiġi “lingwaġġ tal-ġisem” adegwat. U mingħajru ma jistax ikun espress pjenament. Nafu mill-Vanġelu li dan jirreferi kemm għaż-żwieġ kif ukoll għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”.

8. Il-Profeti, bħala l-portavuċi tal-allejanza ta’ Jahwè ma’ Iżrael, ifittxu appuntu, permezz ta’ dan “il-lingwaġġ tal-ġisem”, li jesprimu kemm il-profondità sponsali tal-imsemmiha allejanza, kif ukoll dak kollu li jikkontradiċiha. Ifaħħru l-fedeltà, jistigmatizzaw għall-kuntrarju l-infedeltà bħall-“adulterju”: jitkellmu nsomma skont kategoriji etiċi, waqt li jikkontrapponu b’mod reċiproku it-tajjeb u l-ħażin morali. Il-kontrapposizzjoni tat-tajjeb u l-ħażin hija essenzjali għall-ethos. It-testi profetiċi għandhom f’dan il-qasam sinifikat essenzjali, kif diġa rrivelajna fir-riflessjonijiet preċedenti tagħna. Donnu, iżda, li l-“lingwaġġ tal-ġisem” skont il-Profeti mhuwiex unikament lingwaġġ tal-ethos, eloġju tal-fedeltà u tal-purezza, inqas kundanna tal-“adulterju” u tal-“prostituzzjoni”. Infatti għal kull lingwaġġ, bħala espressjoni tal-koxjenza, il-kategoriji tal-verità u tan-nuqqas ta’ verità (jew aħjar tal-falsità) huma essenzjali. Fit-testi tal-Profeti, li jinnutaw l-analoġija tal-allejanza ta’ Jahwè ma’ Iżrael fiż-żwieġ, il-ġisem jgħid il-verità permezz tal-fedeltà u l-imħabba konjugali, u meta jikkummetti “adulterju”, jġħid il-gidba, jikkummetti il-falz.

9. Hawn m’aħniex nitkellmu dwar is-sostituzzjoni tad-differezjazzjonijiet etiċi b’dawk loġiċi. Jekk it-testi profetiċi jindikaw il-fedeltà konjugali u l-kastità bħala “verità”, u l-adulterju, minflok, jew il-prostituzzjoni, bħala non-verità, bħala “falsità” tal-lingwaġġ tal-ġisem, dan isir għaliex fl-ewwel każ is-soġġett (Iżrael bħala għarusa) jaqbel mas-sinifikat sponsali li jikkorrispondi għall-ġisem uman (minħabba l-maskulinità jew il-femminilità tiegħu) fl-istruttura integrali tal-persuna; fit-tieni każ, iżda, l-istess oġġett jikkontradixxi u jikklaxxja ma’ dan is-sinifikat.

Nistgħu mela ngħidu li l-essenzjali għaż-żwieġ bħala sagrament huwa l-“lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid fil-verità. Propju permezz tiegħu jikkostitwixxi s-sinjal sagramentali.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

106. ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 19 ta’ Jannar 1983

1. It-testi tal-Profeti għandhom importanza kbira biex wieħed jifhem iż-żwieġ bħala allejanza ta’ persuni bħala xbiha tal-allejanza ta’ Jahwè ma’ I zrael) u, b’mod partikulari, biex jifhem l-allejanza sagramentali tar-raġel u tal-mara fid-dimensjoni tas-sinjal. Il-“lingwaġġ tal-ġisem” jidħol – kif diġa kien ikkonsidrat qabel – fl-istruttura integrali tas-sinjal sagramentali, li s-suġġett ewlieni tiegħu huwa l-bniedem, maskju u femmina. Il-kliem tal-kunsens konjugali jikkostitwixxi dan is-sinjal, għaliex fih isib l-espressjoni is-sinifikat sponsali tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu. Tali sinifikat jiġi espress speċjalment mill-kliem: “Jien . . . nieħu lilek . . .  bħala marti . . . bħala żewġi”. L-iktar l-iktar b’dan il-kliem tiġi kkonfermata l-“verità” essenzjali tal-lingwaġġ tal-ġisem u tiġi wkoll (almenu b’mod indirett) eskluża n-“non-verità” essenzjali, il-falsità tal-lingwaġġ tal-ġisem. Infatti, il-ġisem jgħid il-verità permezz tal-imħabba, il-fedeltà, l-onestà konjugali, hekk bħalma n-non-verità, jew aħjar il-falsità, tiġi espressa permezz ta’ dak kollu li huwa negazzjoni tal-imħabba, tal-fedeltà, tal-onestà konjugali. Jistà mela wieħed jgħid li, fil-waqt tal-espressjoni tal-kliem tal-kunsens konjugali, l-għarajjes ġodda ipoġġu lilhom infushom fuq il-linja tal-istess “espressjoni tal-ġisem”, li l-portavuċi tiegħu kienu l-Profeti antiki. Il-“lingwaġġ tal-ġisem”, espress bil-fomm tal-ministri taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja, jistabilixxi l-istess sinjal viżibbli tal-allejanza u tal-grazzja, li – waqt li jmur lura bl-oriġni tiegħu għall-misteru tal-ħolqien – jitma lilu nnifsu kontinwament bil-qawwa tar-“redenzjoni tal-ġisem”, offrutha minn Kristu lill-Knisja.

2. Skont it-testi profetiċi il-ġisem uman jitkellem “lingwaġġ . . . li tiegħu mhuwiex hu l-awtur. L-awtur huwa l-bniedem. Li bħala maskju u femmina, għarus u għarusa, jaqra mill-ġdid is-sinifikat ta’ dan il-“lingwaġġ”. Mela jarġà jaqra mill-ġdid dak is-sinifikat sponsali tal-ġisem kif miktub integralment fl-istruttura tal-maskulinità jew tal-femminilità tas-soġġett personali. Qari mill-ġdid korrett “fil-verità” huwa kondizzjoni ndispensabbli biex tipproklama l-verità, jew aħjar biex tistabilixxi s-sinjal viżibbli taż-żwieġ bħala sagrament. L-għarajjes, appuntu, jipproklamaw dan “il-lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid fil-verità, bħala kontenut u prinċipju tal-ħajja tagħhom ġdida fi Kristu u fil-Knisja. Dwar il-bażi tal-“profetiżmu tal-Gisem”, il-ministri tas-sagrament taż-żwieġ iwettqu att ta’ karattru profetiku. B’tali mod jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-missjoni profetika tal-Knisja, riċevuta mingħand Kristu. “Profeta” huwa dak li jesprimi bi kliem uman il-verità ġejja minn Alla, dak li jesprimi tali verità f’sostituzzjoni ta’ Alla, f’ismu u, f’ċertu sens, bl-awtorità tiegħu.

3. Dan kollu jirreferi għall-għarajjes ġodda, li, bħala l-ministri tas-sagrament taż-żwieġ, jistabilixxu bil-kliem tal-kunsens konjugali s-sinjal viżibbli, waqt li jipproklamaw il-“lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid fil-verità, bħala kontenut u prinċipju tal-ħajja ġdida tagħhom fi Kristu u fil-Knisja. Din il-proklamazzjoni “profetika” għandha karattru kumpless. Il-kunsens konjugali huwa fl-istess ħin aħbar u kawża tal-fatt li, minn issa ‘l quddiem, it-tnejn se jkunu quddiem il-Knisja u s-soċjetà raġel u mara miżżewġin (tali aħbar nifhmuha bħala “indikazzjoni” fis-sens ordinarju tat-terminu). Madankollu, il-kunsens konjugali għandu b’mod speċjali l-karattru ta’ professjoni reċiproka tal-miżżewġin ġodda, magħmula quddiem Alla. Biżżejjed nieqfu b’attenzjoni fuq it-test, biex nikkonvinċu ruħna li dik il-proklamazzjoni profetika tal-lingwaġġ tal-ġisem, moqrija fil-verità, hija minnufih u b’mod dirett ndirizzata mill-“jien” għall-“int”: mir-raġel għall-mara u minn l-“hi” għall-“hu”. Post ċentrali fil-kunsens konjugali għandhom propju l-kliem li jindikaw is-soġġett personali, il-pronomi “jien” u “int”. Il-lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid fil-verità tas-sinifikat sponsali tiegħu, jikkostitwixxi permezz tal-kliem tal-miżżewġin ġodda l-għaqda-komunjoni tal-persuni. Jekk il-kunsens konjugali għandu karattru profetiku, jekk huwa l-proklamazzjoni tal-verità ġejja minn Alla, u f’ċertu sens l-espressjoni ta’ din il-verità f’isem Alla, dan jattwa ruħu speċjalment fid-dimensjoni tal-komunjoni nterpersonali, u ndirettament biss quddiem l-oħrajn u “għall”-oħrajn.

4. Fuq l-isfond tal-kliem pronunzjali tal-ministri tas-sagrament taż-żwieġ, jinsab il-perenni “lingwaġġ tal-ġisem”, għal-liema Alla “ta bidu” waqt li ħalaq il-bniedem bħala maskju u femmina; lingwaġġ, li ġġedded minn Kristu. Dan il-perenni “lingwaġġ tal-ġisem” iġorr fih l-għana kollha u l-profondità tal-Misteru: qabel il-ħolqien, imbagħad tar-redenzjoni. Il-miżżewġin, waqt li jattwaw is-sinjal viżibbli tas-sagrament permezz tal-kliem tal-kunsens konjugali tagħhom, jesprimu fih “il-lingwaġġ tal-ġisem”. Bil-profondità kollha tal-misteru tal-ħolqien u tar-redenzjoni  (il-liturġija tas-sagrament taż-żwieġ toffri kuntest għani). Waqt li jerġgħu jaqraw b’tali mod “il-lingwaġġ tal-ġisem” il-miżzewġin mhux biss jiġbru fil-kliem tal-kunsens konjugali s-soġġettività sħiħa tal-professjoni, indispensabbli biex tattwa s-sinjal propju ta’ dan is-sagrament, imma jilħqu wkoll, f’ċertu sens, is-sorsi nfushom, li minnhom dak is-sinjal jikseb kull darba l-elokwenza poetika tiegħu u l-qawwa tiegħu sagramentali. Mhuwiex leċitu li ninsew li “l-lingwaġġ tal-ġisem”, qabel ma kien ippronunzjat mix-xuftejn tal-miżżewġin, ministri taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja, kien ippronunzjat mill-kelma tal-Alla l-ħaj, tibda mill-Ktieb tal-Ġenesi, permezz tal-Profeti tal-allejanza l-qadima, sal-Awtur tal-Ittra lill-Efesin.

5. Nadoperaw hawn għal iktar stadji l-espressjoni “lingwaġġ tal-ġisem”,  waqt li nerġgħu nduru għat-testi profetiċi. F’dawn it-testi, bħalma diġa għidna, il-ġisem uman jitkellem “lingwaġġ”, li tiegħu hu mhux l-awtur fis-sens propju tat-terminu. L-awtur huwa l-bniedem – maskju u femmina – li jergà jaqra l-veru sens  ta’ dak il-“lingwaġġ” waqt li jerġà jġib lura għad-dawl is-sinifikat sponsali tal-ġisem bħala miktub integralment fl-istruttura nfisha tal-maskulinità u femminilità tas-soġġett personali. Tali qari mill-ġdid “fil-verità” tal-lingwaġġ tal-ġisem diġa minnha nfiha tagħti karattru profetiku lill-kliem tal-kunsens konjugali, permezz ta’ liema r-raġel u l-mara jattwaw is-sinjal viżibbli taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja. Dan il-kliem fih madankollu xi ħaġa iktar minn sempliċi qari mill-ġdid fil-verità ta’ dak il-lingwaġġ, li dwaru titkellem il-femminilità u l-maskulinità tal-miżżewġin novelli fir-rapport reċiproku tagħhom: “Jien nieħu lilek bħala marti – bħala żewġi”. Fil-kliem tal-kunsens konjugali huma miġbura: l-intenzjoni, id-deċiżjoni u l-għażla. Iż-żewġ miżżewġin jiddeċiedu li jaġixxu b’konformità mal-lingwaġġ tal-ġisem, moqri mill-ġdid fil-verità. Jekk il-bniedem, maskju u femmina, huwa l-awtur ta’ dak il-lingwaġġ, huwa b’mod speċjali inkwantu jrid jagħti, u effettivament jagħti lil imġibtu u lill-azzjonijiet tiegħu s-sinifikat konformi mal-elokwenza moqrija mill-ġdid fil-verità tal-maskulinità u tal-femminilità fir-rapport konjugali reċiproku.

6. F’dan il-qasam il-bniedem huwa l-awtur tal-azzjonijiet li għandhom minnhom infihom sinifikati definittivi. Huwa mela l-awtur tal-azzjonijiet u fl-istess ħin awtur tas-sinifikat tagħhom. Is-somma ta’ dawk is-sinifikati tikkostitwixxi, f’ċertu sens, it-totalità tal-“lingwaġġ tal-ġisem”, li biha l-miżżewġin jiddeċiedu li jitkellmu bejniethom bħala ministri tas-sagrament taż-żwieġ. Is-sinjal li huma jattwaw bil-kliem tal-kunsens konjugali mhuwiex biss sinjal immedjat u li jgħaddi, imma sinjal prospettiku li jirriproduċi effett dejjiemi, jiġifieri rabta konjugali, unika u indissolubbli (“il-jiem kollha ta’ ħajti, jiġifieri sal-mewt”). F’din il-prospettiva huma jridu jimlew dak is-sinjal tal-kontenut multiplu offrut mill-komunjoni konjugali u familjari tal-persuni, u wkoll ta’ dak il-kontenut li, oriġinat “mil-lingwaġġ tal-ġisem”, jiġi kontinwament moqri mill-ġdid fil-verità. B’tali mod il-“verità” essenzjali tas-sinjal tibqà organikament marbuta mal-ethos tal-kondotta konjugali. F’din il-verità tas-sinjal u, wara, fl-ethos tal-kondotta konjugali, jinserixxi ruħu prospettikament is-sinifikat prokrejattiv tal-ġisem, jiġifieri l-paternità u l-maternità, li dwarhom iddiskutejna qabel. Għad-domanda: “Disposti li tilqgħu b’mod responsabbli b’imħabba t-tfal li Alla jogħġbu jagħtikom u tedukawhom skont il-liġi ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu?”, ir-raġel u l-mara jwieġbu: “Iva”.

U għalissa nipposponu għal laqgħat oħra l-approfondamenti ulterjuri tat-tema.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading