107. Il-lingwaġġ tal-ġisem isaħħaħ il-patt taż-żwieġ

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  26/01/1983.

1. Is-sinjal taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja jiġi kostitwit kull darba skont dik id-dimensjoni, li hija propju għalih sa mill-“bidu”, u fl-istess ħin jiġi kostitwit fuq is-sies tal-imħabba sponsali ta’ Kristu u tal-Knisja, bħala l-espressjoni unika u irrepetibbli tal-allejanza bejn “dan” ir-raġel u “din” il-mara, li huma l-ministri taż-żwieġ bħala sagrament tal-vokazzjoni tagħhom u ta’ ħajjithom.

Meta ngħidu li s-sinjal taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja jikkostitwixxi fuq il-bażi tal-“lingwaġġ tal-ġisem”, ninqdew bl-analoġija (“analogia attributionis”), li fittixna li niċċaraw diġa qabel. Huwa ovvju li l-ġisem bħala tali ma “jitkellimx”, imma jitkellem il-bniedem, waqt li jaqra mill-ġdid dak li jesiġi li jkun espress appuntu minħabba l-“ġisem”, il-maskulinità jew il-femminilità tas-soġġett personali, anzi, minħabba dak li jistà jkun espress mill-bniedem unikament permezz tal-ġisem.

F’dan is-sens,il-bniedem – maskju u femmina – mhux biss jitkellem bil-lingwaġġ tal-ġisem, imma f’ċertu sens jippermetti lill-ġisem li jitkellem “għalih” u “da parti tiegħu”: ikolli ngħid, f’ismu u bl-awtorità personali tiegħu. B’tali mod, ukoll il-kunċett ta’ “profetiżmu tal-ġisem” donnu jkun imsejjes: il-“profeta”, infatti, huwa dak li jitkellem “għal” u “da parti ta’”: f’isem u bl-awtorità ta’ persuna.

2. L-għarajjes ġodda jkunu konsapevoli li meta, waqt li jikkuntrattaw iż-żwieġ, huma jikkostitwixxu s-sinjal viżibbli. Fil-prospettiva tal-ħajja flimkien u tal-vokazzjoni konjugali, dak is-sinjal inizjali, sinjal oriġinarju taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja, jiġi kontinwament mimli mill-“profetiżmu tal-ġisem”. L-iġsma tal-għarajjes jitkellmu “għal” u “da parti ta’” kull wieħed minnhom, jitkellmu “f’isem” u bl-awtorità tal-persuna, ta’ kull waħda mill-persuni, waqt li jiżvolġi ruħu d-djalogu konjugali, propju tal-vokazzjoni tagħhom u bbażat fuq il-lingwaġġ tal-ġisem, moqri mill-ġdid f’waqtu b’mod opportun u kontimwu; u huwa meħtieġ li hu jkun moqri mill-ġdid fil-verità! L-għarajjes huma msejħa biex jiffurmaw ħajjithom u l-konvivenza tagħhom bħala “komunjoni tal-persuni” fuq il-bażi ta’ dak il-lingwaġġ. Meqjus li mal-lingwaġġ tikkorrispondi kombinazzjoni ta’ sinifikati, l-għarajjes – permezz tal-kondotta u l-imġieba tagħhom, permezz tal-azzjonijiet u l-ġesti tagħhom (“ġesti ta’ tenerezza”) (cf. Gaudium et Spes, 49) – huma msejħa biex isiru l-awturi ta’ tali sinifikati tal-“lingwaġġ tal-ġisem”, li tiegħu konsegwentement jibnu lilhom infushom u kontinwament japprofondixxu l-imħabba, il-fedeltà, l-onestà konjugali u dik l-għaqda li tibqà indissolubli sal-mewt.

3. Is-sinjal taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja jifforma lilu nnifsu infatti b’dawk is-sinifikati, li tagħhom il-miżżewġin huma l-awturi. Dawn is-sinifikati kollha huma mibdija u f’ċertu sens “ipprogrammati” b’mod sintetiku fil-kunsens konjugali, sabiex wara jinbena – bil-mod analitiku, jum wara jum – l-istess sinjal, waqt li jirrelataw miegħu fid-dimensjoni tal-ħajja kollha. Hemm rabta organika bejn il-qari mill-ġdid fil-verità tas-sinifikat integrali tal-“lingwaġġ tal-ġisem” u l-użu konsegwenti ta’ dak il-lingwaġġ fil-ħajja konjugali.  F’dan l-aħħar qasam l-esseri uman – maskju u femmina – huwa l-awtur tas-sinifikati tal-“lingwaġġ tal-ġisem”. Dan jimplika li dan il-lingwaġġ, li tiegħu huwa l-awtur jikkorrispondi mal-verità li ġiet moqrija mill-ġdid. A bażi tat-tradizzjoni bibblika, hawn nitkellmu mill-“profetiżmu tal-ġisem”.  Jekk l-esseri uman – maskju u femmina – fiż-żwieġ (u b’mod indirett fl-oqsma kollha tal-konvivenza mutwa) jagħti lil imġiebtu sinifikat simili għall-verità fondamentali tal-lingwaġġ tal-ġisem, allura ukoll huwa nnifsu “huwa fil-verità”. Fil-każ kuntrarju, huwa jikkummetti gideb u jiffalsifika l-lingwaġġ tal-ġisem.

4. Jekk inpoġġu lilna nfusna fuq il-linja prospettika tal-kunsens konjugali, li – kif issa diġa għidna – toffri lill-miżżewġin parteċipazzjoni partikolari għall-missjoni profetika tal-Knisja, mgħoddija minn Kristu nnifsu, jistà għal dan il-għan iservina wkoll bħala distinzjoni bejn profeti “veri” u profeti “foloz”.

Permezz taż-żwieġ bhala sagramenttal-Knisja, ir-raġel u l-mara huma b’mod espliċitu msejħa biex jagħtu – waqt li jinqdew b’mod korrett tal-“lingwaġġ tal-ġisem” – ix-xhieda tal-imħabba sponsali u prokrejattiva, xhieda denja ta’ “veri profeti”. F’dan jikkonsisti s-sinifikat ġust u l-kobor tal-kunsens konjugali fis-sagrament tal-Knisja.

5. Il-problematika tas-sinjal sagramentali taż-żwieġ għandha karattru altament antropoloġiku. Nibnuha fuq il-bażi tal-antropoloġija tejoloġika u b’mod partikolari fuq dik li, sa mill-bidu tal-konsiderazzjonijiet preżenti, iddefinejnieha bħala “tejoloġija tal-ġisem”. Għalhekk, fil-kontinwazzjoni ta’ dawn l-analiżi, hemm bżonn li dejjem ikollna quddiem għajnejna il-konsiderazzjonijiet preċedenti, li jirreferu għall-analiżi tal-kliem-muftieħ ta’ Kristu (ngħidu “kliem-muftieħ, għaliex jiftħulna – bħall-imfietaħ – id-dimensjonijiet singoli tal-antropoloġija tejoloġika, speċjalment tat-tejoloġija tal-ġisem). Waqt li nibnu fuq din il-bażi l-analiżi tas-sinjal taż-żwieġ ta’ liema – wkoll wara d-dnub tan-nisel – huma dejjem parteċipi r-raġel u l-mara, bħala bniedem “storiku”, hemm bżonn niftakru b’mod kostanti l-fatt li dak il-bniedem “storiku”, maskju jew femmina, huwa fl-istess ħin l-“bniedem tal-konkupixxenza” bħala tali, kull raġel u kull mara jidħlu fl-istorja tal-fidwa u jiġu nvoluti permezz tas-sagrament, li huwa sinjal viżibbli tal-allejanza u tal-grazzja..

6. Għalhekk, fil-kuntest tar-riflessjonijiet preżenti fuq l-istruttura sagramentali tas-sinjal taż-żwieġ, hemm bżonn li nżommu kont mhux biss ta’ dak li Kristu qal dwar l-għaqda u l-indissolubiltà taż-żwieġ waqt li nagħmlu referenza għall-“bidu”, imma wkoll (u forsi iktar) ta’ dak li huwa jesprimi fid-Diskors tal-Muntanja, meta jalludi għall-“qalb umana”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

108. ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 9 ta’ Frar 1983

1. Għidna qabel li fil-kuntest tar-riflessjonijiet preżenti dwar l-istruttura taż-żwieġ bħala sinjal sagramentali, hemm bżonn nikkunsidraw mhux biss dak li Kristu ddikjara dwar l-unità u l-indissolubiltà waqt li għamel referenza għall-“bidu”, imma wkoll (u anzi iktar) ta’ dak li huwa qal fid-Diskors tal-Muntanja, meta alluda għall-“qalb umana”. B’referenza għall-kmandament: La tikkommettix adulterju”, Kristu tkellem dwar l-“adulterju tal-qalb”: “Kulmin iħares lejn mara biex jixtieqha diġa kkummetta adulterju magħha f’qalbu” (Mt 5, 28).

Hekk, mela, fl-affermazzjoni li s-sinjal sagramentali taż-żwieġ – sinjal tal-allejanza konjugali tar-raġel u l-mara – jifforma ruħu a bażi tal-“lingwaġġ tal-ġisem” ġaladarba moqri mill-ġdid fil-verità (u kontinwament moqri mill-ġdid), nindunaw li dak li jaqra mill-ġdid dan il-“lingwaġġ” u mbagħad jesprimih, mhux skont l-esiġenzi propji taż-żwieġ bħala patt u sagrament, huwa naturalment u moralment il-bniedem tal-konkupixxenza: maskju u femmina, mifhuma t-tnejn bħala l-“bniedem tal-konkupixxenza”. Il-Profeti tat-Testment il-Qadim għandhom quddiem għajnejhom dan il-bniedem meta, waqt li jinqdew bl-analoġija, jistigmatizzaw l-“adulterju ta’ Iżrael u ta’ Ġuda”. L-analiżi tal-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja jwassalna biex nifhmu b’mod iktar profond l-“adulterju” nnifsu. U fl-istess ħin iwassalna biex nikkonvinċu lilna nfusna li l-“qalb” umana mhix tant “akkużata u kkundannata” minn Kristu minħabba l-konkupixxenza  (“concupiscentia carnis”), daqskemm qabel xejn “imsejħa”. Hawn tgħaddi differenza deċiża bejn l-antropoloġija (jew l-ermenewtika antropoloġika) tal-Vanġelu u diversi rappreżentanti tal-ermenewtika kontemporanja tal-bniedem (l-hekk imsejħa esperti tas-suspett).

2. Waqt li nirfsu l-art tal-analiżi preżenti tagħna, nistgħu nosservaw li għalkemm il-bniedem, minkejja s-sinjal sagramentali taż-żwieġ, minkejja l-kunsens konjugali u l-attwazzjoni tiegħu, jibqà naturalment l-“bniedem tal-konkupixxenza”, bdanakollu huwa hu kontemporanjament il-bniedem tas-“sejħa”. Huwa “msejjaħ” permezz tal-misteru tar-redenzjoni tal-ġisem, misteru divin, li fl-istess ħin huwa – fi Kristu u għal Kristu f’kull bniedem – realtà umana. Dak il-misteru, barra minn hekk, jinħtieġ ethos speċifiku li fl-essenza tiegħu huwa “uman”, u li diġa qabel sejjaħna ethos tar-redenzjoni.

3. Fid-dawl tal-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja, fid-dawl tal-Vanġelu kollu u tal-allejanza l-ġdida, il-konkupixxenza tripla (u b;mod partikulari il-konkupixxenza tal-ġisem) ma teqridx il-ħila tal-qari mill-ġdid fil-verità tal-“lingwaġġ tal-ġisem” – u li terġà taqrah kontinwament b’mod iktar matur u iktar sħiħ – għal-liema s-sinjal sagramentali jiġi kostitwit kemm fl-ewwel waqt liturġiku tiegħu kif ukoll, wara, fid-dimensjoni tal-ħajja kollha. F’dan id-dawl jinħtieġ nosservaw li, jekk il-konkupixxenza minnha nfiha tiġġenera “żbalji” multipli fil-qari mill-ġdid tal-“lingwaġġ tal-ġisem” u fl-istess ħin ma’ dan tiġġenera wkoll id-“dnub”, il-ħażin morali, kuntrarju għall-virtù tal-kastità (kemm konjugali kif ukoll extra-konjugali), madankollu fil-qasam tal-ethos tar-redenzjoni tibqà dejjem il-possibiltà ta’ ritorn  li tgħaddi mill-“iżball” għall-“verità”, kif ukoll il-possibiltà ta’ ritorn, jew aħjar konverżjoni, mid-dnub għall-kastità, bħala espressjoni ta’ ħajja skont l-Ispirtu (cf. Gal 5, 16).

4. B’dan il-mod, fil-perspettiva evanġelika u Kristjana tal-problema, il-bniedem “storiku” (wara d-dnub tan-nisel), a bażi tal-“lingwaġġ tal-ġisem” moqri mill-ġdid fil-verità, għandu l-ħila – bħala maskju u femmina – li jibni s-sinjal sagramentali tal-imħabba, tal-fedeltà u tal-onestà konjugali, u dan bħala sinjal dejjiemi.: “Inkun lejk dejjem fidil, fil-ferħ u fin-biket, fis-saħħa u l-mard, u li nħobbok u nonorak il-jiem kollha ta’ ħajti”. Dan ifisser li l-bniedem, b’mod reali, huwa awtur tas-sinifikati permezz  ta’ liema, wara li jkun qara mill-ġdid fil-verità “il-lingwaġġ tal-ġisem”, ikollu wkoll il-ħila li jifforma fil-verità dak il-lingwaġġ fil-komunjoni konjugali u familjari tal-persuni. Għandu din l-ħila wkoll bħala “bniedem tal-konkupixxenza”, billi fl-istess ħin huwa “msejjaħ” mir-realtà tar-Redenzjoni ta’ Kristu (“simul lapsus et redemptus”).

5. Permezz tad-dimensjoni tas-sinjal, propja taż-żwieġ bħala sagrament, tiġi mwettqa l-antropoloġija tejoloġika speċifika, l-ermenewtika speċifika tal-bniedem, li f’dan il-każ tistà wkoll tissejjaħ “ermenewtika tas-sagrament”, għaliex tippermetti li nifhmu l-bniedem a bażi tal-analiżi tas-sinjal sagramentali. Il-bniedem – maskju u femmina – bħala ministru tas-sagrament, awtur (ko-awtur) tas-sinjal sagramentali, huwa suġġett koxjenti u kapaċi ta’ awtodeterminazzjoni. Fuq din il-bażi biss huwa jistà jkun l-awtur tal-“lingwaġġ tal-ġisem, jista jkun ukoll awtur (ko-awtur) taż-żwieġ bħala sinjal: sinjal tal-ħolqien divin u tar-“redenzjoni tal-ġisem”. Il-fatt li l-bniedem (il-maskju u l-femmina) huwa l-“bniedem tal-konkupixxenza”, ma jippreġudikax li huwa għandu l-ħila li jaqra mill-ġdid il-lingwaġġ tal-ġisem fil-verità. Huwa l-“bniedem tal-konkupixxenza”, imma fl-istess ħin għandu l-ħila li jiddistingwi l-verità mill-falsità fil-lingwaġġ tal-ġisem u jista jkun l-awtur tas-sinifikati veri (jew foloz) ta’ dak il-lingwaġġ  .

6. Huwa l-bniedem tal-konkupixxenza, imma mhux għal kollox deċiż mil-“libidu” (fis-sens li fih jiġi spiss użat dan it-terminu). Tali determinazzjoni tfisser li l-flimkien tal-imġibiet tal-bniedem, saħansitra wkoll, per eżempju, l-għazla tar-rażan minħabba motivi reliġjużi, jiġu spjegati biss permezz tat-trasformazzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-“libidu”. F’tali każ – fil-qasam tal-lingwaġġ tal-ġisem – il-bniedem ikun f’ċertu sens ikkundannat għal faksifikazzjonijiet essenzjali: ikun biss dak li jesprimi determinazzjoni speċifika da parti tal-“libidu”, imma ma jesprimix il-verità (jew il-falsità) tal-imħabba sponsali u tal-komunjoni tal-persuni, ukoll jekk jaħseb li jimmanifestaha. Konsegwentement, huwa jkun mela kkundannat li jissuspetta lilu nnifsu u lill-oħrajn, rigward il-verità tal-lingwaġġ tal-ġisem. Minħabba l-konkupixxenza tal-ġisem jistà jkun biss “akkużat”, imma ma jistax ikun verament “imsejjaħ”.

L-“ermenewtika tas-sagrament” tippermettilna li niġbdu l-konklużjoni li l-bniedem huwa dejjem essenzjalment “imsejjaħ” u mhux biss “akkużat”, u dan propju bħala “bniedem tal-konkupixxenza”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.