116. L-Importanza tal-Armonizzazzjoni tal-Imħabba Umana b’Rispett għall-Ħajja

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  25/07/1984.

1. Nerġgħu naqbdu r-riflessjonijiet tagħna li jippruvaw jgħaqqdu l-enċiklika Humanae Vitae mat-totalità tat-tejoloġija tal-ġisem.

Tali enċiklika ma tillimitax ruħha li tfakkar ir-regola morali li tolqot il-konvivenza konjugali, waqt li tirrikonfermaha quddiem iċ-cirkostanzi l-ġodda. Pawlu VI, fil-kumment mal-maġisteru awtentiku permezz tal-enċiklika (1968), kellu quddiem għajnejh l-espressjoni awtorevoli tal-Konċilju Vatikan II, miġbura fil-kostituzzjoni Gaudium et Spes (1965).

L-enċiklika ma tinstabx biss fuq il-linja tat-tagħlim konċiljari, imma tikkostitwixxi wkoll l-isvolġiment u l-kompletament tal-problemi hemm miġbura, b’mod partikolari rigward il-problema tal-“ftehim tal-imħabba umana mar-rispett tal-ħajja”. Fuq dan il-punt, naqraw fil- (Gaudium et Spes, n. 51): “Il-Knisja tfakkar li ma jistax ikun hemm kontradizzjoni vera bejn il-liġi divina tat-trażmissjoni tal-ħajja u d-dmir li jiffavorixxi l-imħabba konjugali awtentika”.

2. Il-kostituzzjoni pastorali tal-Vatikan II teskludi kwalunkwè “kontradizzjoni vera” fl-ordni normattiva, li, min-naħa tiegħu, jikkonferma Pawlu VI, waqt li jfittex fl-istess ħin li jitfà dawl fuq dik in-“non-kontradizzjoni” u b’tali mod li jimmotiva r-regola morali rispettiva, waqt li juri l-konformità mar-raġuni.

Madankollu, l-Humanae Vitae titkellem mhux tant dwar in-“non kontradizzjoni” fl-ordni normattiva, daqs kemm dwar il-“konnessjoni nseparabbli” bejn it-trasmissjoni tal-ħajja u l-imħabba awtentika konjugali mill-punt di vista taż-“żewġ sinifikati” tal-att konjugali: is-sinifikat unittiv u s-sinifikat prokrejattiv “(Pauli VI,Humanae Vitae, 12), li dwarhom diġa tkellimna.

3. Hawn nistgħu nieqfu fit-tul fuq l-analiżi tal-istess regola: imma l-karattru tad-dokument wieħed u tal-ieħor jikkawża pjuttost riflessjoni, almenu b’mod indirett, pastorali. Infatti l-Gaudium et Spes hija kostituzzjoni pastorali u l-enċiklika ta’ Pawlu VI – bil-valur duttrinali tagħha –  għandha t-tendenza li jkollha l-istess orjentament. Din, infatti, trid tweġiba għall-mistoqsijiet tal-bniedem kontemporanju. Huma, dawn, il-mistoqsijiet ta’ karattru demografiku, konsegwentement ta’ karattru soċjo-ekonomiku u politiku, dwar il-kobor tal-popolazzjoni fuq il-globu dinji . Huma mistoqsijiet li jitilqu mill-kamp tax-xjenzi partikolari, u id f’id huma l-mistoqsijiet tal-moralisti kontemporanji (tejoloġi-moralisti). Huma speċjalment il-mistoqsijiet tal-miżżewġin, li diġa jinsabu fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-kostituzzjoni konċiljari u li l-enċiklika terġà taqbad bil-preċiżjoni kollha mixtieqa. Infatti hemm naqraw: “Ibbażati fuq il-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-lum u bbażat fuq is-sinifikat li r-relazzjonijiet konjugali għandhom għall-armonija bejn il-miżżewġin u għall-fedeltà mutwa tagħhom, mhijiex forsi ndikata reviżjoni tar-regoli etiċi fl-użu kurrenti, speċjalment jekk wieħed jikkunsidra li huma ma jistgħux ikunu osservati mingħajr sagrifiċċji, kultant erojci?” (Ibid., 3).

4. Fl-imsemmija formulazzjoni huwa evidenti b’kemm urġenza l-awtur tal-enċiklika jfittex li jiffaċċja l-mistoqsijiet tal-bniedem kontemporanju fl-importanza kollha tagħhom. Ir-rilevanza ta’ dawn il-mistoqsijiet tissupponi tweġiba proporzjonalment maħsuba sewwa u profonda. Jekk mela minn naħa waħda huwa ġust li nistennew trattazzjoni akuta tar-regola, mill-oħra, nistgħu wkoll nistennew li piż xejn iżgħar jiġi mogħti lill-argumenti pastorali, li jikkonċernaw iktar b’mod dirett il-ħajja tal-bnedmin konkreti, appuntu ta’ dawk li jagħmlu l-mistoqsijiet imsemmija fil-bidu.

Pawlu VI kellu dejjem dawn in-nies quddiem għajnejh. Ta dan huwa espressjoni, fost l-oħrajn, il-pass li ġej tal- Humanae Vitae (Pauli VI, Humanae Vitae, n. 20): “Id-duttrina tal-Knisja dwar ir-regolazzjoni tat-twelid, li tippromwovi l-liġi divina, faċilment tidher lil ħafna ta’attwazzjoni diffiċli jew saħansitra mpossibbli. U bla dubju, bħar-rejaltajiet kollha kbar u benefiċi, hija titlob impenn serju u bosta sforzi, individwali, familjari u soċjali. Anzi, ma jkunux attwabbli mingħajr l-għajnuna ta’ Alla, li jissapportja u jikkorrobora r-rieda tajba, tal-bnedmin. Imma għal min jirrifletti sewwa ma jistax ma jidhirx li tali sforzi huma nobilitanti għall-bniedem u benefiċi għall-komunità umana”.

5. F’dan il-punt ma nitkellmux aktar dwar in-normativa “non-kontradizzjoni”, imma pjuttost dwar il-“possibiltà tal-osservanza tal-liġi divina”, jiġifieri dwar argument, almenu ndirettament, pastorali. Il-fatt li l-liġi trid tkun ta’ attwazzjoni “possibli”, tappartjeni b’mod dirett għan-natura stess tal-liġi, u mela, huwa kontenut fil-kwadru tan-“normativa non-kontradittorja”. Madankollu l-“possibiltà”, mifhumha bħala “attwabiltà” tar-regola, tappartjeni wkoll għall-isfera prattika u pastorali. Fit-test ikkwotat il-predeċessur tiegħi jitkellem, preċiżament, minn dan il-punt di vista.

6. Wieħed hawn jistà jżid konsiderazzjoni: il-fatt li l-isfond bibbliku, imsejjaħ “tejoloġija tal-ġisem”,  joffrilna, wkoll jekk indirettament, il-konferma tal-verità tar-regola morali, miġbura fl- Humanae Vitae, jippreparana biex nikkonsidraw iktar fil-fond l-aspetti prattiċi u pastorali tal-problema fit-totalità tagħha. Il-prinċipji u s-suppożizzjonijiet ġenerali tat-“tejoloġija tal-ġisem” ma kinux forsi maħruġa kollha kemm huma mit-tweġibiet li Kristu jagħti għall-mistoqsijiet tal-interlokoturi konkreti tiegħu? U t-testi ta’ Pawlu – bħal per eżempju dawk tal-ittra lill-Korintin – mhumiex forsi manwal ċkejken rigwardanti l-problemi tal-ħajja morali tal-ewwel segwaċi ta’ Kristu? U f’dawn it-testi nsibu bla dubju dik ir-regola ta’ komprensjoni”, li donnha tant indispensabbli quddiem il-problemi li dwarhom tittratta l-Humanae vitae, u li f’din l-enċiklika hija preżenti.

Min jemmen li l-Konċilju u l-enċiklika ma jqisux biżżejjed  id-diffikultajiet preżenti fil-ħajja konkreta, ma jifhimx il-preokkupazzjoni pastorali li kienet fl-oriġni ta’ dawk id-dokumenti. Preokkupazzjoni pastorali tfisser riċerka tal-veru ġid tal-bniedem, promozzjoni tal-valuri stampati minn Alla fil-persuna tiegħu; jiġifieri tfisser l-attwazzjoni ta’ dik ir-“regola ta’ komprensjoni”, li timmira għall-iskoperta dejjem iktar ċara tal-pjan ta’ Alla fuq l-imħabba umana, fiċ-ċertezza li l-uniku u veru ġid tal-persuna jikkonsisti fl-attwazzjoni ta’ dan il-pjan divin.

Wieħed jistà jgħid li, propju f’isem l-ikkwotatha “regola ta’ komprensjoni” l-Konċilju li poġġa l-kwistjoni tal-“ftehim tal-imħabba umana mar-rispett tal-ħajja” (Gaudium et Spes, 51), u l-enċiklika Humanae Vitae wara fakkar mhux biss ir-regoli umani li jobbligaw f’dan il-qasam, imma barra minn dan jieħu ħsieb b’mod wiesà tal-problema tal- “possibiltà tal-osservanza tal-liġi divina”.

Ir-riflessjonijiet preżenti fuq il-karattru tad-dokument Humanae Vitae iħejjijna biex wara nittrattaw it-tema tal-“paternità responsabbli”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb