118. Fedeltà lejn il-Pjan Divin fit-Trażmissjoni tal-Ħajja

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  08/08/1984.

1. Qabel għidna li l-prinċipju tal-morali konjugali, mgħallem mill-Knisja (Konċilju Vatikan II, Pawlu VI), huwa l-kriterju tal-fedeltà għall-pjan divin.

Bi qbil ma’ dan il-prinċipju l-enċiklika Humanae Vitae tiddistingwi b’mod rigoruż bejn dak li jikkostitwixxi il-mod moralment illeċitu tal-ippjanar tat-twelid jew, b’iktar preċizjoni, tal-ippjanar tal-fertilità u dak moralment rett.

L-ewwelnett, hija moralment illeċità “l-interruzzjoni diretta tal-proċess ġenerattiv diġa mibdi” (“abort”) (Ibid., 14), L-“isterilità diretta” u “kull azzjoni li, jew in antiċipazzjoni tal-att konjugali, jew fit-twettiq tiegħu, jew fl-iżvilupp tal-konsegwenzi naturali jipproponi ruħu, bħala skop jew bħala mezz, li jirrendi mpossibbli l-prokrejazzjoni” (Ibid., 14), mela, il-mezzi kontraċettivi kollha. Huwa mill-banda l-oħra moralment leċitu “l-użu ta’ perijodi nfertili” (Ibid., 16): “Mela jekk biex jitbegħdu t-twelidijiet jeżistu motivi serji, li jiġu jew minn kondizzjonijiet fiżiċi jew psikoloġiċi tal-miżżewġin, jew minn ċirkustanzi esterni, il-Knisja tgħallem li jkun allura leċitu li żżomm akkont tar-ritmi naturali inerenti għall-funzjonijiet ġenerattivi għall-użu taż-żwieġ fil-perijodi nfertili biss u allura jirregolaw it-twelid mingħajr ma joffendu l-prinċipji morali . . .” (Ibid., 16).

2. L-enċilika tenfasizza b’mod partikolari li “bejn iż-żewġ każi teżisti differenza essenzjali” u jiġifieri differenza ta’ natura etika: “Fl-ewwel każ, il-miżżewġin jużufruwixxu b’mod leġittimu minn dispożizzjoni naturali; fil-każ l-ieħor, huma jimpedixxu l-iżvolġiment tal-proċessi naturali”  (Pauli VI, Humanae Vitae, 16).

Iqumu żewġ azzjonijiet bi kwalifika etika differenti, anzi, saħansitra opposta: ir-regolazzjoni naturali tal-fertilità hija moralment retta, il-kontraċezzjoni mhix moralment retta. Din id-differenza essenzjali bejn iż-żewġ azzjonijiet (modi ta’ aġir) tolqot il-kwalifika etika inerenti tagħhom, għalkemm il-predeċessur tiegħi Pawlu VI jiddikjara li “fil-każ u fl-ieħor, il-miżżewġin jaqblu fil-volontà pożittiva li jevitaw l-ulied għal raġunijiet kredibbli”, u saħansitra jikteb: “waqt li jfittxu s-sikurezza li ma tiġix”  (Ibid., 16). F’dan il-kliem id-dokument jammetti li, għalkemm ukoll dawk li jagħmlu użu mill-prattiċi antikonċezzjonali jistgħu jkunu ispirati minn “raġunijiet kredibbli”, madankollu dan ma jbiddilx il-kwalifika morali li tibbaża lilha nfisha fuq l-istruttura stess tal-att konjugali bħala tali.

3. Wieħed, f’dan il-punt, jistà josserva li l-miżżewġin, liema jirrikorru għar-regolazzjoni naturali tal-fertilità, jistgħu ikunu nieqsa minn raġunijiet varji, dwar liema tkellimna qabel: dan jikkostitwixxi, iżda, problema etika għaliha, fejn jidħol is-sens morali tal-“paternità u tal-maternità responsabbli”.

Waqt li nissopponu li r-raġunijiet biex wieħed jiddeċiedi li ma jipprokrejax huma moralment retti, jibqà l-problema morali tal-mod kif jaġixxi f’dan il-każ, u dan jesprimi ruħu f’att li – skont id-duttrina tal-Knisja mgħoddija fl-enċiklika – tippossiedi kwalifika intrinsika morali pożittiva jew negattiva. Tal-ewwel, pożittiva, tikkorrispondi għar-regolazzjoni “naturali” tal-fertilità; tat-tieni, negattiva, tikkorrispondi għall-“kontraċezzjoni artifiċjali”.

4. L-argomentazzjoni kollha preċedenti tinġabar fl-espożizzjoni tad-duttrina miġbura fl- Humanae Vitae, billi tirrivela il-karattru normattiv u fl-istess ħin pastorali. Fid-dimensjoni normattiva din hija il-preċiżjoni u l-kjarezza tal-prinċipji morali tal-aġir; fid-dimensjoni pastorali din hija speċjalment l-ispjega tal-possibiltà tal-aġir skont dawn il-prinċipji (“possibiltà tal-osservanza tal-liġi divina”: Humanae Vitae, 20).

Jinħtieġ nieqfu fuq l-interpretazzjoni tal-kontenut tal-enċiklika. Għal tali skop hemm bżonn naraw dak il-kontenut, dik it-totalità normattiva-pastorali fid-dawl tat-tejoloġija tal-ġisem, li toħroġ mill-analiżi tat-testi bibbliċi.

5. It-tejoloġija tal-ġisem mhix tant tejorija, daqskemm pjuttost pedagoġija tal-ġisem speċifika, evanġelika, kristjana. Dan jiġi mill-karattru tal-Bibbja, u b’mod speċjali mill-Vanġelu li, bħala messaġġ feddej, jirrivela dak li huwa l-veru ġid tal-bniedem, għall-iskop li jimmudella – skont dan il-ġid – il-ħajja fid-dinja fil-prospettiva tat-tama tad-dinja futura.

L-enċiklika Humanae Vitae, waqt li ssegwi din il-linja, twieġeb għall-mistoqsija dwar il-veru ġid tal-bniedem bħala persuna, inkwantu maskju u femmina; dwar dak li jikkorrispondi għad-dinjità tar-raġel u tal-mara, fejn għandu x’jaqsam mal-problema mportanti tat-trażmissjoni tal-ħajja fil-konvivenza konjugali.

Għal din il-problema niddedikaw riflessjonijiet ulterjuri.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.