120. Dixxiplina li Tinnobilita l-Imħabba Umana

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  29/08/1984.

1. L-enċiklia Humanae Vitae, waqt li turi, il-ħażin morali tal-kontraċezzjoni, fl-istess ħin tapprova għal kollox ir-regolazzjoni naturali tal-fertilità u, f’dan is-sens, tapprova il-paternità u l-maternità responsabbli. Hawn jinħtieġ neskludu li tistà tikkwalifika “responsabbli” mill-punt di vista etiku dik il-prokrejazzjoni li fiha wieħed jirrikorri għall-kontraċezzjoni biex jattwa r-regolazzjoni tal-fertilità. Il-veru kunċett ta’ “paternità u maternità responsabbli huwa iżda marbut mar-regolazzjoni tal-fertilità onesta mill-punt di vista etiku.

2.Rigward dan naqraw: “Prattika ta’ regolazzjoni tat-twelid onesta titlob qabel xejn mill-miżżewġin li jakkwistaw u jippossiedu konvinzjonijiet solidi dwar il-veri valuri tal-ħajja u tal-familja, u li jfittxu li jakkwistaw padronanza perfetta tagħhom infushom. Id-dominju tal-istint, permezz tar-raġuni u tar-rieda libera, jimponi bla dubju axetiżmu, sabiex il-manifestazzjonijiet affettivi tal-ħajja jonjugali jkunu skont l-ordni retta u b’mod partikolari għall-osservanza tar-rażan perjodiku. Imma din id-dixxiplina, propja tal-purezza tal-miżżewġin, ‘il bogħod milli tagħmel ħsara lill-imħabba konjugali, tagħtihom iżda valur uman iktar għoli. Tesiġi sforz kontinwu, imma grazzi għall-influss benefiku l-miżżewġin jiżviluppaw integralment il-personalità tagħhom waqt li jistagħnew b’valuri spiritwali . . . (Pauli VI,Humanae Vitae, 21).

3. L-enċiklika tiċċara aktar imbagħad il-konsegwenzi ta’ tali mġieba mhux biss għall-istess miżżewġin, imma wkoll għall-familja kollha, mifhumha bħala komunità ta’ persuni. Hemm bżonn li nerġgħu nqisu dan l-argument. Din tenfasizza li r-regolazzjoni etikament onesta tal-fertilità tesiġi mill-miżżewġin qabel kollox imġieba familjari u prokrejattiva deċiża: jiġiofieri tesiġi li “jakkwistaw u jippossiedu konvinzjonijiet solidi dwar il-valuri tal-ħajja u tal-familja” (Humanae Vitae, 21). Waqt li nitilqu minn din il-premessa, kien meħtieġ li nipproċiedu għal konsiderazzjoni globali tal-kwestjoni, bħalma għamel is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1980 (De muneribus familiae christianae). Wara, id-duttrina relattiva għal din il-problema partikolari tal-morali konjugali u familjari, li dwarha titratta l-enċiklika Humanae Vitae, sabet il-post ġust u l-ottika opportuna fil-kuntest komplessiv tal-eżortazzjoni apostolika Familiaris Consortio. It-tejoloġija tal-ġisem, b’mod partikolari bħala pedagoġija tal-ġisem, tgħaddas għeruqha , f’ċertu sens, fit-tejoloġija tal-familja u, fl-istess ħin, twassal għaliha. Tali pedagoġija tal-ġisem, li l-muftieħ tagħha llum huwa l-enċiklika Humanae Vitae, tispjega ruħha biss fil-kuntest sħiħ ta’ viżjoni korretta tal-valuri tal-ħajja u tal-familja.

4. Fit-test fuq ikkwotat il-Papa Pawlu VI jergà jsejjaħ għall-kastità konjugali, billi jikteb li l-osservanza tar-rażan perjodiku huwa l-forma ta’ padronanza tiegħek innifsek, li fiha timmanifesta lilha nfisha “il-purezza tal-miżżewġin” (Pauli VI,Humanae Vitae, 21).

Fl-aċċettazzjoni issa ta’ analiżi iktar profonda ta’ din il-problema, jeħtieġ inqisu d-duttrina kollha dwar il-purezza intiża bħala ħajja tal-Ispirtu (cf. Gal 5, 25), meqjusa minna diġa qabel biex hekk nifhmu l-indikazzjonijiet rispettivi tal-enċiklika fuq it-tema tar-“rażan perjodiku”. Dik id-duttrina infatti tibqà l-vera raġuni, li minnha jitlaq it-tagħlim ta’ Pawlu VI li jiddefenixxi r-regolazzjoni tat-twelid u l-paternità u l-maternità responsabbli bħala etikament onesti.

Għalkemm il-“perjodiċità” tar-rażan tiġi f’dan il-każ applikata għal hekk imsejħa “ritmi nsaturali” (Humanae Vitae, 16), madankollu r-rażan innifsu huwa atteġġjament morali determinat u permanenti, huwa virtù, u allura l-mod kollu ta’ mġieba, minnu ggwidat, jakkwista karattru virtuż. L-enċiklika tenfasizza b’mod ċar biżżejjed li hawn ma tidħolx biss “teknika” determinata, imma l-etika fis-sens strett tat-terminu bħala moralità ta’ mġieba.

Għalhekk, b’mod opportun l-enċiklika tenfasizza, minn naħa, il-bżonn li tirrispetta bl-imġieba fuq imsemmiha l-ordni stabbilit mill-Ħallieq, u, mill-oħra, il-bżonn tal-motivazzjoni mmedjata ta’ karattru etiku.

5. Rigward l-ewwel aspett naqraw: “Tużaw . . . id-don tal-imħabba konjugali waqt li tirrispettaw il-liġijiet tal-proċess ġenerattiv ifisser li tagħrfu lilkom infuskom non-arbitri tas-sorsi tal-ħajja umana, imma pjuttost ministri tal-pjan stabbilit tal-Ħallieq” (Humanae Vitae, 13). “Il-ħajja umana hija sagra” – bħalma fakkar il-predeċessur tagħna Ġwanni XXIII – sa mill-bidu tagħha timpenja b’mod dirett l-azzjoni krejatriċi ta’ Alla” (Mater et magistra; cf.Humanae Vitae, 13). Inkwantu għall-motivazzjoni mmedjata, l-enċiklika Humanae Vitae titlob li “biex tispazja t-twelidijiet jeżistu mottivi serji, li jiġu jew mill-kondizzjonijiet fiżici jew psikoloġiċi tal-miżżewġin, jew minn ċirkustanzi esterjuri . . .”(Humanae Vitae, 16).

6. Fil-każ ta’ regolazzjoni moralment retta tal-fertilità li tattwa ruħha permezz ta’ rażan perjodiku,  dan juri b’mod ċar li tidħol il-prattika tal-kastità konjugali, jiġifieri ta’ atteġġjament determinat etiku. Fil-lingwaġġ bibbliku, ngħidu li jidħol l-għixien tal-Ispirtu  (cf. Gal 5, 25).

Ir-regolazzjoni moralment retta tiġi wkoll denominata “regolazzjoni naturali tal-fertilità”, li tistà tkun spjegata bħala konformità mal-“liġi naturali”. B’“;liġi naturali” nifhmu hawn l-“ordni tan-natura” fil-kamp tal-prokrejazzjoni, inkwantu mifhum mir-raġuni retta: tali ordni hija l-espressjoni tal-pjan tal-Ħallieq fuq il-bniedem. U huwa propju dan li l-enċiklika, flimkien mat-tradizzjoni kollha tad-duttrina u tal-prattika kristjana, tenfasizza b’mod partikolari: il-karattru virtuż tal-atteġġjament, li jesprimi ruħu fir-regaolazzjoni “naturali” tal-fertilità, huwa determinat mhux tant mill-fedeltà lejn “liġi naturali” impersonali daqs kemm il-Ħallieq-persuna, sors u Mulej tal-ordni li timmanifesta ruħha f’tali liġi.

Minn dan il-punt di vista, ir-riduzzjoni għar-regolarità bijoloġika weħedha, maqtugħa mill-“ordni tan-natura” jiġifieri tal-“pjan tal-Ħallieq” jisforma l-ħsieb awtentiku tal-enċiklika Humanae Vitae (cf. Humanae Vitae, 14).

Id-dokument ikompli bla dubju dik ir-regolarità bioloġika, anzi, iħeġġeġ il-persuni kompetenti biex jistudjawha u japplikawha b’mod ferm iktar profond, imma jifhem dejjem tali regolarità bħala l-espressjoni tal-“ordni tan-natura” jiġifieri tal-pjan providenzjali tal-Ħallieq, li fl-esekuzzjoni fidila tagħha jikkonsisti l-veru ġid tal-persuna umana.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb