123. Il-Qawwa tal-Imħabba tingħata lir-Raġel u lill-Mara bħala Sehem fl-Imħabba ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  10/10/1984.

1. Inkomplu niddelinejaw l-ispiritwalità konjugali fid-dawl tal-enċiklika  Humanae Vitae.

Skont id-duttrina miġbura fiha, bi qbil mas-sorsi bibbliċi u mat-tradizzjoni kollha, l-imħabba hija – mill-punt di vista soġġettiv – “qawwa”, jiġifieri ħila tal-ispirtu uman, ta’ karattru “tejoloġiku”  (jew pjuttost “tejologali”). Din hija mela l-qawwa mogħtija lill-bniedem biex jieħu sehem f’dik l-imħabba li biha Alla nnifsu jħobb fil-misteru tal-ħolqien u tar-redenzjoni. Hija dik l-imħabba li “tingħoġob mal-verità” (1 Kor 13, 6), li fiha jiġifieri tesprimi l-ferħ spiritwali (il-“frui” agostinjan) ta’ kull valur awtentiku: ferħ simili għall-ferħ tal-istess Ħallieq, li fil-bidu jara li “kienet ħaġa tassew tajba” (Ġen 1, 31).

Jekk il-qawwiet tal-konkupixxenza jippruvaw li jifirdu l-“lingwaġġ tal-ġisem” mill-verità, jippruvaw jiġifieri li jiffalsifikawlu, il-qawwa tal-imħabba minflok ma jikkorroboraw  dejjem mill-ġdid f’dik il-verità, sabiex il-misteru tar-redenzjoni tal-ġisem ikun jistà jiffruttifika fiha.

2. L-istess imħabba, li tirrendi possibbli u tagħmel iva li d-djalogu konjugali jattwa lilu nnifsu skont il-verità sħiħa tal-ħajja tal-miżżewġin, hija fl-istess ħin qawwa jew aħjar ħila ta’ karattru morali, orjentata b’mod attiv lejn it-totalità tal-ġid u minħabba f’hekk lejn kull veru ġid. U għalhekk il-kompitu tagħha jikkonsisti fis-salvagwardja tal-unità nseparabbli taż-“żewġ sinifikati tal-att konjugali”, li dwaru titkellem l-enċiklika (Pawlu VI, Humanae Vitae, 12), jiġifieri fli tipproteġi kemm il-valur tal-vera għaqda tal-miżżewġin (jiġifieri l-komunjoni personali) kif ukoll dak tal-paternità u l-maternità responsabbli (fil-forma tagħhom matura u denja tal-bniedem).

3. Skont il-lingwaġġ tradizzjonali, l-imħabba bħala “qawwa” superjuri, tikkoordina l-azzjonijiet tal-persuni, tar-raġel u tal-mara,  fil-qasam tal-iskopijiet taż-żwieġ. Għalkemm la l-kostituzzjoni konċiljari u lanqas l-enċiklika, fl-iffaċċjar tal-argument, ma jużaw il-lingwaġġ darba normali, huma madankollu, jitkellmu dwar dak li għalih jirreferu l-espressjonijiet tradizzjonali.

L-imħabba, bħala qawwa superjuri li r-raġel u l-mara jirċievu minn għand Alla flimkien mal-“konsagrazzjoni” partikolari tas-sagrament taż-żwieġ, tinvolvi koordinazzjoni korretta tal-iskopijiet, skont liema – fit-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja – tikkostitwixxi l-ordni morali (jew pjuttost “tejologali u morali”) tal-ħajja tal-miżżewġin.

Id-duttrina tal-kostituzzjoni Gaudium et Spes, bħalma wkoll dik tal-enċiklika Humanae Vitae, jiċċaraw l-istess ordni morali fir-referenza għall-imħabba, intiża bħala qawwa superjuri li tagħti kontenut adegwat u valur lill-atti konjugali skont il-verità taż-żewġ sinifikati, dak unittiv u dak prokrejattiv, fir-rigward tal-inseparibiltà tagħhom.

F’din l-impostazzjoni mġedda, it-tagħlim tradizzjonali dwar l-iskopijiet taż-żwieġ (u dwar il-ġerarkija tagħhom) jiġi kkonfermat u fl-istess ħin approfondit mill-punt di vista ntern tal-miżżewġin, jew aħjar l-ispiritwalità konjugali u familjari.

4. Il-kompitu tal-imħabba, li hija “mlaqqma fil-qlub” (Rm 5, 5) tal-miżżewġin  bħala l-qawwa spiritwali fundamentali fil-patt konjugali tagħhom, jikkonsisti – bħalma diġa ntqal – fil-protezzjoni kemm tal-valur tal-komunjoni vera tal-miżżewġin, kif ukoll dak tal-paternità u maternità tassew responsabbli. Il-qawwa tal-imħabba – awtentika fis-sens tejoloġiku u etiku – tesprimi ruħha f’dan li l-imħabba tgħaqqad b’mod korrett “iż-żewġ sinifikati tal-att konjugali”, waqt li teskludi mhux biss fit-tejorija, imma b’mod speċjali fil-prattika, il-“kontradiżzjoni” li tistà tivverifika ruħha f’dan il-kamp. Tali “kontradizzjoni” hija l-mottiv l-iktar frekwenti ta’ oġġezzjoni għall-enċiklika Humanae Vitae u għat-tagħlim tal-Knisja. Tinħtieġ analiżi profonda sewwa, u mhux biss tejoloġika imma wkoll antropoloġika (aħna fittixna li nagħmluha fir-riflessjonijiet kollha preżenti), biex nuru li hawn mhemmx bżonn nitkellmu minn “kontradizzjoni”, imma biss minn “diffikultajiet”. Iżda l-istess enċiklika tenfasizza tali “diffikultajiet” f’siltiet differenti.

U din toħroġ mill-fatt li l-qawwa tal-imħabba hija mpjantata fil-bniedem mhedded mill-konkupixxenza: fis-soġġetti umani l-imħabba tiltaqà  mal-konkupixxenza tripla (cf.1 Ġw2, 16), b’mod partikolari mal-konkupixxenza tal-ġisem li tgħawweġ il-verità tal-“lingwaġġ tal-ġisem”. U għalhekk ukoll l-imħabba mhix kapaċi li tirrejalizza lilha nfisha fil-verità tal-“lingwaġġ tal-ġisem”,  jekk mhux permezz tad-dominju fuq il-konkupixxenza  .

5. Jekk l-element ewlieni tal-ispiritwalità tal-miżżewġin – dik il-“qawwa” essenzjali li l-miżżewġin għandhom kontinwament jiksbu mill-“konsagrazzjoni” sagramentali – hija l-imħabba, din l-imħabba, kif jirriżulta mit-test tal-enċiklika (cf. Pawlu VI,Humanae Vitae, 20), hija min-natura tagħha marbuta mal-kastità li timmanifesta ruħha bħala padronanza tagħha nfisha, jew aħjar bħala rażan: b’mod partikolari, bħala rażan perjodiku. Fil-lingwaġġ bibbliku, donnu jalludi għal dan l-awtur tal-Ittra lill-Efesin, meta fit-test “klassiku” tiegħu iħeġġeġ lill-miżżewġin biex ikunu “sottomessi għal xulxin fil-biżà ta’ Kristu” (Ef 5, 21).

Wieħed jistà jgħid li l-enċiklika Humanae Vitae tikkostitwixxi appuntu l-iżvilupp ta’ din il-verità bibblika dwar l-ispiritwalità kristjana konjugali u familjari. Madankollu biex jirrendih dejjem iktar ovvju timħtieġ analiżi iktar profonda tal-virtù tar-rażan u tas-sinifikat partikolari tiegħu għall-verità tal-“lingwaġġ tal-ġisem” reċiproku fil-konvivenza konjugali u (b’mod indirett) fl-isfera wiesà tar-rapporti reċiproċi bejn ir-raġel u l-mara.

Nidħlu għal din l-analiżi waqt ir-riflessjonijiet suċċessivi tal-Erbgħa.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: