117. Paternità u Maternità Responsabbli

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  01/08/1984.

1. Għallum għażilna t-tema tal-“paternità u l-maternità responsabbli” fid-dawl tal-kostituzzjoni Gaudium et Spes u tal-enċiklika Humanae Vitae.

Il-Kostituzzjoni konċiljari, fl-iffaċċjar tal-argument, tillimita ruħha li tfakkar il-premessi fondamentali; id-dokument pontifiċju iżda jmur iktar ‘il hemm, billi jagħti premessi kontenuti iktar konkreti.

It-test konċiljari jinstemà hekk: “. . . Meta jiġi biex jikkomponi l-imħabba konjugali mat-trażmissjoni responsabbli tal-ħajja, il-karattru morali tal-imġieba ma tiddependix biss mill-intenzjoni sinċiera u mill-valutazzjoni tal-mottivi, imma tiġi deċiża minn kriterji oġġettivi, li għandhom ondament fin-natura stess tal-persuna umana u tal-atti tagħha u huma ddestinati li jżommu f’kuntest ta’ vera mħabba s-sens integru tad-donazzjoni mutwa u tal-prokrejazzjoni umana; u dan kollu ma jkunx possibbli kemm-il darba ma tiġix kkultivata b’karattru sinċieril-virtù tal-kastità konjugali”.

U l-Konċilju jżid: “Ulied il-Knisja, mibnija fuq dawn il-prinċipji, fl-ippjanar tal-prokrejazzjoni ma jistgħux isegwu toroq li huma kkundannati mill-maġisteru” (Gaudium et Spes, 51. 50).

2. Qabel il-pass ikkwotat, il-Konċilju jgħallem li l-miżżewġin “iwettqu” dmirhom b’responsabiltà  umana u kristjana u b’riverenza ħelwa lejn Alla”. Li jfisser li: “b’riflessjoni u impenn komuni jiffurmaw ġudizzju rett, waqt li jqisu kemm il-ġid propju personali kif ukoll ta’ dak tat-tfal, kemm dawk li ġa twieldu kif ukoll dawk li setgħu jitwieldu, waqt li jivvalutaw il-kondizzjonijiet tal-ħajja ta’ żmienhom u tal-propju stat tal-ħajja, fl-aspett tagħhom kemm materjali kif ukoll spiritwali; u, fl-aħħar, waqt li jissalvagwardaw l-iskala tal-valuri tal-ġid tal-komunità familjari, tas-soċjetà temporali, u tal-istess Knisja”.

Dan il-punt isegwih kliem partikolarment importanti biex ikun deċiż bi preċiżjoni ikbar il-karattru morali tal-“peternità u l-maternità responsabbli”. Naqraw: “Dan il-ġudizzju, f’analiżi aħħarija, iridu jifformulawh, quddiem  Alla, l-istess miżżewġin”.

U waqt li jkompli: “Però fil-linja ta’ kondotta tagħhom il-miżżewġin insara għandhom ikunu konxji li ma jistgħux javanzaw kif jidhrilhom huma, imma jridu dejjem ikunu mmexxija minn koxjenza li tkun konformi mal-liġi divina nfisha, doċli għall-maġisteru tal-Knisja, li b’mod awtentiku dik il-liġi tinterpreta fid-dawl tal-Vanġelu. Tali liġi divina timmanifesta s-sinifikat sħiħ tal-imħabba konjugali, tissalvagwardjah u timbuttah lejn il-perfezzjoni verament umana tiegħu” (Gaudium et Spes, 50).

3. Il-kostituzzjoni konċiljari, waqt li tillimita ruħha li tiftakar il-premessi meħtieġa għal “paternità u maternità responsabbli”, innotathom b’mod għal kollox ċar, waqt li ppreċiżat l-elementi kostituttivi  ta’ tali paternità u maternità, jiġifieri l-ġudizzju matur tal-koxjenza personali fir-rapport tagħha mal-liġi divina, awtentikament interpretata mill-maġisteru tal-Knisja.

4. L-enċiklika Humanae  Vitae, waqt li tibbaża ruħha fuq premessi simili, tmur ukoll iktar minn hekk,  billi toffri indikazzjonijiet konkreti. Dan jidher l-ewwel fil-mod tad-definizzjoni tal-“paternità” responsabbli (Pauli VI, Humanae Vitae, 10). Pawlu VI jfittex li jippreċiża dan il-konċett, billi jmur lura għall-aspetti varji tiegħu u billi jeskludi bil-quddiem ir-riduzzjoni tiegħu għal wieħed mill-aspetti “parzjali”. Bħalma jagħmlu dawk li jitkellmu b’mod esklussiv dwar kontroll tat-twelid. Sa mill-bidu, infatti, Pawlu VI huwa ggwidat fl-argumentazzjoni tiegħu minn kunċett integrali tal-bniedem (cf.Ibid., 7) u tal-imħabba konjugali (cf. Ibid., 8. 9).

5. Wieħed jistà jitkellem dwar responsabiltà fl-eżerċizzju tal-funzjoni paterna u materna taħt aspetti differenti. Hekk, huwa jikteb, “rigward il-proċessi bijoloġiċi, paternità responsabbli tfisser għarfien u rispett tal-funzjonijiet tagħhom: l-intelliġenza tiskopri, fil-qawwa li tagħti l-ħajja, liġijiet bijoloġiċi li jagħmlu parti mill-persuna umana” (Pauli VI,Humanae Vitae, 10). Meta mbagħad tidħol id-dimensjoni psikoloġika tat-“tendenzi tal-istint u tal-passjonijiet, il-paternità responsabbli tfisser id-dominju meħtieġ li r-raġuni u l-volontà jridu jeżerċitaw fuqha” (Ibid., 10).

Dawn l-imsemmija aspetti intra-personali u nżidu magħhom “il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali”, hemm bżonn nagħrfu li l-“paternità responsabbli teżerċita, kemm b’deċiżjoni kkunsidrata u ġeneruża li tkabbar familja numeruża, kif ukoll bid-deċiżjoni, meħudha minħabba mottivi gravi u b’rispett għal-liġi morali, li jevitaw temporanjament u wkoll għal żmien indeterminat, ħajja ġdida” (Pauli VI, Humanae Vitae, 10).

Jiġri li fil-konċezzjoni tal-“paternità responsabbli” hemm kontenuta d-dispożizzjoni mhux biss biex tevita “twelid ġdid” imma wkoll biex titkabbar il-familja skont il-kriterji tal-prudenza. F’dan id-dawl, li fih hemm bżonn neżaminaw u niddeċiedu l-kwistjoni tal-“paternità responsabbli”, tibqà dejjem ċentrali l-ordni morali oġġettiva, stabbilita minn Alla, u li l-koxjenza retta ta’ liema hija interpretu fidila” (Ibid., 10).

6. Il-miżżewġin jwettqu f’dan il-qasam “id-dmirijiet propji lejn Alla, lejhom infushom, lejn il-familja u lejn is-soċjetà, f’ġerarkija ġusta tal-valuri”  (Pauli VI,Humanae Vitae, 10). Mela ma nistgħux hawn nitkellmu dwar li “naġixxu skont kif jidhrilna”. Għall-kuntrarju, il-miżżewġin għandhom “jadottaw l-aġir tagħhom mal-intenzjoni krejatriċi ta’ Alla” (Ibid., 10).

Biex nibdew minn dan il-prinċipju l-enċiklika ssejjes l-argumentazzjoni tagħha fuq l-“istruttura intima tal-att konjugali” u fuq il-“konnessjoni nseparabbli taż-żewġ sinifikati tal-att konjugali” (cf. Ibid., 12); liema diġa kien irreferut għalih qabel. Il-prinċipju  rispettiv tal-morali konjugali jirriżulta li jkun,  għalhekk, il-fedeltà għall-pjan divin, immanifestata  fl-“istruttura intima tal-att konjugali” u fil-“konnessjoni nseparabbli taż-żewġ sinifikati tal-att konjugali”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading