Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-II ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tar-Randan
L-Erbgħa

QARI I
Ejjew nonsbu nasba lill-bniedem ġust.
Ġer 18, 18-20

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

L-għedewwa tal-profeta qalu: “Ejjew nonsbu nasba lil Ġeremija, għax il-liġi ma tonqosx lill-qassis, lanqas l-għaqal lill-għaref, jew il-kelma lill-profeta. Ejjew noqtluh bi lsienna, u ma nagħtux aktar kas ta’ kliemu”.

Agħtini widen, Mulej,
isma’ kliem dawk li huma kontrija.
Jaqaw il-ġid jitħallas bid-deni?
Għax huma ħaffru ħofra għal ħajti.
Ftakar kif jien waqaft quddiemek,
biex nitkellem għall-ġid tagħhom,
biex twarrab il-korla tiegħek minn fuqhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 30 (31), 5-6.14.15-16

R/. (17b): Mulej, fit-tieba tiegħek eħlisni

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,
għax inti l-qawwa tiegħi.
F’idejk jien nerħi ruħi;
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. R/.

Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi;
biża’ minn kullimkien madwari.
Jiftiehmu bejniethom kontrija,
jonsbuni biex jeħduli ħajti. R/.

Imma jien fik nittama, Mulej;
jien ngħidlek: “Alla tiegħi int,
f’idejk hi xortija”.
Eħlisni minn id l-għedewwa,
minn id dawk li jeħduha kontrija. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8, 12

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Jaqtgħuhielu għall-mewt.
Mt 20, 17-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, huwa u tiela’ lejn Ġerusalemm, fit-triq Ġesù sejjaħ lit-Tnax weħidhom madwaru u qalilhom: “Araw, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba; dawn jaqtgħuhielu għall-mewt, jerħuh f’idejn il-pagani biex jiddieħku bih, u jagħtuh is-swat u jsallbuh; u fit-tielet jum iqum”.

Imbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew flimkien ma’ wliedha, u nxteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa. “Xi trid?”. staqsieha. U hi qaltlu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġeb: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?”. Qalulu: “Għandna”. Qalilhom: “Il-kalċi tiegħi, tixorbuh, iva, imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fida għall-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading