Il-Papa lin-Nies tal-Kultura. 1990

Print Friendly, PDF & Email

Laqgħa man-nies tal-Kultura fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan

27 ta’ Mejju 1990

Sinjuri Distinti,

  1.             Hu ta’pjaċir għalija li ninsab fost ir-rappreżentanti stmati tal-ħajja xjentifika, kulturali u artistika ta’ Malta.  Il-laqgħa tagħna hija għarfien ta l-importanza li aħna lkoll nagħtu lit-tagħlim, lit-tfittxija għat-tagħrif, lil skambji intellettwali u kisbiet artistiċi, lill-valuri sublimi tal-Verità u s-Sbuħija fit-tfittxija iebsa imma wkoll eċċitanti ta l-umanità għall-avvanz ġenwin tal-bniedem.

“Għax min jista’ jagħraf il-ħsieb ta’ Alla, min jista’ jifhem x’irid il-Mulej?” (Għerf 9:13).

Dan il-kliem ta’ Ktieb il-Għerf li introduċa t-taħdita tagħna dalgħodu iħeġġiġna biex nieqfu għal mument fuq l-istat preżenti tal-kultura u ċ-civiltà tagħna.  Fi żmien ta’ bidliet ideoloġiċi u politiċi ta’ medda wiesgħa ħafna, ta’ żbilanċi perikolużi fl-ekonomija tad-dinja, ta’ avvanzi kultant iħassbuk fix-xjenza u fit-teknoloġija, aħna ninsabu quddiem problema taħraq li tilma b’mod qawwi fuq ix-xefaq tal-millenju l-ġdid li qed joqrob.  Għal soċjetajiet mhedda b’nuqqas ta’ sigurtà, b’każi ta’ degradazzjoni drammatika tal-ambjent, b’qgħada endemiku, b’inċertezza politika, il-mistoqsija li ddur madwarna u li jagħmlilna ’l-ġejjieni hija din: x’se jsir mill-persuna umana?

Politiċi u maġistrati, inġiniera u avukati, riċerkaturi u tobba, artisti, edukaturi, ħaddiema soċjali u studenti: intom ilkoll tħossu nuqqas ta’ kwiet – xi drabi vag iżda dejjem preżenti – fil-fond tal-konxju tagħkom.  Il-kwistjoni tispikka aktar bis-saħħa tal-ġrajjiet importanti li għaddejjin minnhom u tal-elemneti mhux magħrufa tax-xhur u s-snin li ġejjin.  Ebda wieħed li jidhirlu li jista’ jħares b’mod kritiku lejn il-ġrajjiet ma jista’ jonqos li jħoss li dawn jolqtuħ sewwa personalment.  Għaliex? Għaliex waqt li dan is-seklu u dan il-millennju qed joqorbu għal tmiemhom, dak li hemm fin-nofs hu t-tifsira u d-direzzjoni nnifisha tal-pellegrinaġġ tal-familja umana fl-istorja.

  1. Intom li intom l-elit intellettwali u kulturali tas-soċjetà tidħlu f’dan kollu b’mod speċjali.  Il-ġejjieni jiddependi ħafna fuq il-perspettiva kulturali li fiha individwi u popli jitħallew jiżviluppaw u jfasslu d-destini tagħhom. L-istorja reċenti bidlet mill-qiegħ il-mod kif aħna nħarsu lejn il-kultura bħala l-punt ta’ referenza.  B’mod speċjali, is-sensiela ta’ ġrajjiet fl-Ewropa f’dawn l-aħħar ftit xhur turi ċar l-inkapaċità u falliment ta’ kultura li ma kinitx mibnija fuq il-primat tad-dimensjoni spiritwali tal-persuna umana.

                 M’hemmx dubju li d-dimensjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali tal-ħajja jitolbu attenzjoni attenta u impenn bla tlaqliq min-naħa ta’ kulħadd.  Imma fl-istess ħin jenħtieġ li wieħed jistqarr bl-qawwa kollha l-primat tal-etika fuq it-teknoloġija, il-primat ta’ “dak li int” fuq “dak li għandek”.  Dan hu speċjalment importanti meta aħna mgħarrqa f’kultura falza ta’ “dak li jidher”, li hi riżultat ta’ mentalità konsumistika bla lġiem li tagħmel ħażin lill-ħtiġiet l-aktar profondi tal-individwi u tal-komunitajiet.  L-isfida preżenti quddiem l-Ewropa hi dik li ssib mill-ġdid l-għeruq l-aktar fondi tagħha.  Bl-aċċettazzjoni ta’ din l-isfida, il-kultura Ewropea hija msejjħa bil-qawwa biex tagħti rendikont tal-fidi nisranija li fasslet lill-popli tagħha.

  1. Għeżież ħbieb, ix-xogħol ewlieni ta’dawk li jerfgħu r-responsabbiltà għall-ħajja tal-individwi u tal-ġnus huwa lijrawwmu mod ta’ ħajja li jwieġeb bis-sħiħ għad-dinjità unika u inaljenabbli tal-esseri umani.  Dan ix-xogħol hu enermi u jinvolvi li wieħed jaħdem għall-iżvilupp sħiħ u ġenwin tal-popli fi klima ta’ koperazzjoni effettiva, għall-ħarsien tad-drittijiet umani, għall-promozzjoni tal-familja, għall-ħarsien tal-ħaddiema, għall-bini ta’ komunità aktar ġusta u fraterna fir-rispett tar-rieda tal-Ħallieq fir-rigward tan-natura u tal-oqsma kollha tal-ħajja.

                 Il-ħelsien misjub mill-ġdid qed iwassal popli kkundannati għal tant żmien għal skiet, biża u nuqqas biex ixandru b’leħen għoli l-valur tal-persuna umana, il-karattru spiritwali tal-ħajja, il-ħtieġa li wieħed jesprimi s-siwi individwali u r-responsabbiltà personali billi jieħu sehem attiv fil-proċessi li jiddeterminaw il-ħajja ċivika u nazzjonali.

                 Bħala rġiel u nisa ta’ kultura intom tafu li r-restawrazzjoni tal-libertajiet esterni hija biss l-ewwl fażi, l-ewwl tarġa.  It-tħaddim tal-libertà għandu jkun imsieħeb minn tkabbir tal-maturità morali u spiritwali.  Sfortunatament, waqt li qed noqorbu għat-tielet millennju tal-era nisranija, il-kultura dominanti tagħna qed turi sinjali ta’ dgħajfien fl-impenn morali u sens dejjaq ta’ ispirazzjoni spiritwali.  Ħafna drabi n-nies huma aktar sensittivi għall-ħsus, emozzjonijiet u impressjonijiet milli għall-ħsieb, għar-riflessjoni u għad-dixxerniment.  Mhux denn tal-bniedem li jaġixxi mingħajr raġuni għaliex il-libertà tiegħu hija msejjsa fuq l-għarfien tal-verità li ddawwal il-ġudizzju tiegħu.

                 Ir-rebħa tal-ħelsien awtentiku hi mhedda serjament jekk il-verità, akkwistata b’daqshekk tbatija permezz tar-raġuni u magħrufa aħjar b’mod tal-għaġeb permezz tal-ftuħ għall-kelma ta’ Alla, tingħata l-ġenb.  Mingħajr referenza għall-verità l-bnedmin qatt ma jistgħu jeħilsu lilhom infushom mill-irresponsabbiltà u mill-biża’.  Ġesu Kristu qal ċar ħafna: “il-verità teħliskom” (ara Ġw 8:32).  Dak li jgħodd għall-individwi jgħodd ukoll għan-nazzjonijiet.  Huwa bl-aċċettazzjoni tal-verità sħiħa dwar il-kondizzjoni umana – li tikkorrispondi għad-disinn ta’ Alla għall-bnedmin, rivelat fi Kristu, it-triq, il-verità u l-ħajja (ara Ġw 14:6) – li n-nies ta’ żmienna jilħqu l-istatura sħiħa tagħhom ta’ rġiel u nisa meħlusin mill-biża’ u minn illużjonijiet vani.

  1.      Malta hi wkoll milquta mill-problemi u l-bidliet li qed jibdlu l-wiċċ kulturali u wkoll dak politiku tal-Ewropa u tad-dinja.  Bis-saħħa tal-qagħda ġeografika u tal-istorja tagħha,Malta tippreżenta twaħħid tal-għaġeb tal-kulturi Ewropej u Mediterrani u hija għalhekk qiegħda f’qagħda tajba biex tosserva l-bidliet fil-mod kif wieħed iħares lejn id-dinja u tieħu sehem fihom.  Mqiegħda f’salib it-toroq ta’ skambji li jagħtu frott bejn diversi ċiviltajiet, Malta baqgħet fidila għat-tradizzjonijiet tagħha ta’ ospitalità kif deher dan l-aħħar bil-laqgħa hawnhekk bejn il-Kapijiet tal-Istat Amerikan u Sovjetiċi.  Il-fidi nisranija li ġiet għandkom elfejn sena ilu għamlet impronta qawwija fuq i-ħajja tal-familja tagħkom, fuq it-tradizzjonijiet tagħkom, u kważi fuq kull turija tal-karattru tagħkom.

                 B’danakollu, id-dgħajfien tal-valuri tradizzjonali minn naħa u t-tensjonijiet ideoloġiċi min-naħa l-oħra ħallew ħafna min-nies ta’ żmienna bla difiża, diżorjentati u, f’ħafna każi, bi krizi drammatika ta’ identità.  Intom li intom fost il-mexxejja tal-ħajja kulturali ta’ pajjiżkom ma tistgħux tibqgħu torox għal dawk li jgħajjtu b’dieqa fit-tfittxija għal sens u ċertezza.  Altrimenti tkunu qed titradixxu l-mistennija tagħhom, u l-aktar fil-każ taż-żgħażagħ fuq l-għatba tal-ħajja adulta.

                 Il-wisa’ u t-tip ġdid tal-problemi li jaffettwaw l-evuluzzjoni tas-soċjetà m’għandhomx iwasslukom biex tinjoraw iċ-ċittadini ħutkom li intom għandkom tqisu fl-eżistenza reali tagħhom u mhux fid-dawl ta’ kunċetti astratti ideoloġiċi.  Il-Ħallieq wassal is-sejħa għall-għaxjien sħiħ tad-dinjità u l-libertà lil nies reali fil-kondizzjoni attwali tagħhom.  Il-missjoni tagħkom, nirrepeti, hija immensa.  M’hi xejn inqas milli sforz bla serħan li jfittex u jżomm għoli l-verità dwar il-ħajja u d-destin tal-bniedem.

  1. Bħala Kattoliċi intom għandkomsejħa awtentika li tevanġelizzaw l-ambjent kulturali fejn tgħixu u taħdmu.  Dan ix-xogħol joħroġ mill-impenn tal-magħmudija tagħkom.  Hu m’għandu x’jaqsam xejn mal-impożizzjoni ta’ mudell unilaterali ta’ ħajja kulturali maħsub minn qabel.  Anzi x’aktarx li għandu x’jaqsam mal-“għarfien u, jekk ikun hemm bżonn, it-tisfija tal-aspetti li jgħabbu żżejjed il-kultura tallum…. u biex igħollu dawn il-kulturi bis-saħħa tal-għana li jsib l-għajn tiegħu fl-Evanġelju u fil-fidi nisranija” (Christifideles Laici, 44).  Il-preżenza attiva tagħkom bħala lajċi rġiel u nisa kattoliċi fid-dinja xjentifika, intellettwali u artistika hi meħtieġa, kemm bħala individwi u kemm bħala mseħbin f’diversi għaqdiet kulturali u appostoliċi li jagħtukom l-okkażjoni taħdmu b’mod aktar effikaċi għall-progress tal-poplu tagħkom.  L-attivitajiet tagħkom f’dan il-qasam għandu jkollhom il-kuraġġ u l-kreattività intellettwali u, fuq kollox, sens profond ta’ mħabba u qadi.

                 Bħala rġiel u nisa ta’ fidi intom tqisu l-misteru tal-ħajja umana f’relazzjoni mal-misteru ta’ Ġesu Kristu, veru Alla u veru bniedem.  Fih il-kondizzjoni umana tagħna titgħolla u titwassal għal komunjoni dinamika personali mal-Ħallieq.  Fl-Inkarnazzjoni l-Iben ta’ Alla għaqqad lilu nnifsu b’xi mod ma’ kull persuna umana.  Hu tassew sar wieħed minna, bħalna f’kollox barra mid-dnub (ara Gaudium et Spes, 22).  Meta jibgħat l-Ispirtu s-Santu, u bil-ħajja tal-grazzja, Kristu jġedded il-bnedmin minn ġewwa u jagħtihom il-ħila li jwettqu l-kmandament ġdid tal-imħabba li għandu jkun l-għelm tal-umanità ġdida mwielda mis-Salib u l-Qawmien tiegħu.  Hu fil-bini ta’ din iċ-ċiviltà ta’ mħabba li l-isforzi u l-kisbiet kulturali tagħkom jilħqu l-ogħla valur tagħkom u jħallu l-aktar effett ta’ ġid fuq is-soċjetà.  Bil-mixja fuq din it-triq intom tafu li l-isforzi tagħkom jitolbu li taqsmu l-għerf li Alla biss jista’ jagħti.  J’Alla tagħmlu tagħkom it-talba fil-Qari mill-Iskrittura li smajna fil-bidu ta’ din il-laqgħa:

                 “Ibgħat l-għerf mit-tron imsebbaħ tiegħek biex miegħi ikun, jien u naħdem, u jgħarrafni b’dak li jogħġob lilek” (Għerf 9:10).

  1. Teoloġi, filosfi, speċjalisti fix-xjenzi naturali u umani, għalliema u riċerkaturi, flimkien mal-istudenti tagħkom: intom tiffurmaw komunità kwalifikata bis-sħiħ dedikata għall-isforz intellettwali b’missjoni sublimi ta’ servizz lis-soċjetà Maltija aktar wiesgħa.  Jien nittama bil-ħerqa li intom tkunu dejjem motivati minn passjoni sinċiera għall-verità u minn imħabba profonda għall-bnedmin għajrkom.

                 Intom li intom werrieta ta’ eredità antika għollu għajnejkom lejn il-wisa’ kollu tal-Mediterran li jdawwarkom u lejn il-ġnus li jgħammru xtutu.  L-isfida li għandkom hi li tirradjaw dan i-eżempju.  J’Alla l-imħabba tagħkom għall-libertà, l-imħabba tagħkom għall-verità, l-imħabba tagħkom għall-ġustizzja, l-imħabba tagħkom għall-persuna umana, il-ġar tagħkom, jagħmlu dawn il-gżejjer, mqegħdin fil-qalba tal-Mediterran, santawarju ta’ paċi u fraternità mgħarraq fil-verità u l-imħabba li Kristu, il-Feddej tal-Bniedem, ġie biex iwassal.

                 Fuqkom ilkoll u fuq il-familji tagħkom nitlob l-għotjiet abbundanti ta’ Alla li jista’ kollox u bil-qalb nagħtikom il-Barka Appostolika tiegħi.  

 

%d bloggers like this: