12. Marija fil-Protovanġelu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  24/01/1996.

1. «Il-kotba tat-Testment il-Qadim jiddeskrivu l-istorja tal-fidwa, li fiha bil-mod il-mod iħejjuna għall-miġja ta’ Kristu fid-dinja. U dawn l-ewwel dokumenti, kif inhuma moqrija fil-Knisja u kif inhuma mifhuma fid-dawl tar-rivelazzjoni ulterjuri u sħiħa, pass pass ipoġġu dejjem iktar fid-dawl il-figura ta’ mara: l-omm tal-Feddej».1

 B’dawn l-istqarrijiet il-Konċilju Vatikan II ifakkarna kif il-figura ta’ Marija  ġiet indikata sa mill-bidu tal-istorja tal-fidwa. Hija diġa tidher fit-testi tat-Testment il-Qadim, imma wieħed jifhimha għal kollox biss meta dawn «jinqraw fil-Knisja» u mifhuma fid-dawl tat-Testment il-Ġdid.

L-Ispirtu Santu, infatti, waqt li jispira lid-diversi awturi umani, orjenta r-Rivelazzjoni antikotestamentarja lejn Kristu, li kellu jiġi fid-dinja mill-ġuf tal-Verġni Marija  .

2. Fost il-kliem bibbliku li ħabbar minn qabel l-Omm tal-Feddej, il-Konċilju jikkwota qabel xejn dak li bih Alla, wara l-waqgħa ta’ Adam u Eva, jirrivela l-pjan tiegħu tal-fidwa. Il-Mulej jgħid lis-serp, figura tal-ispirtu tal-ħażen: «Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha:  dan jgħaffiġlek rasek u int taħbatlu għal għarqubu» (Ġen 3,15).

Tali espressjonijiet, denominati mit-tradizzjoni nisranija, sa mis-sekolu XVI, «Protovanġelu», jiġifieri l-ewwel “Bxara Tajba, jħalluna nintebħu bir-rieda feddejja ta’ Alla sa mill-oriġini tal-umanità. Infatti, quddiem id-dnub, skont in-narrazzjoni tal-awtur sagru, l-ewwel reazzjoni tal-Mulej mhijiex dik li jikkastiga l-ħatja, imma li jiftħilhom il-prospettiva tal-fidwa u li jdeffishom b’mod attiv fl-opra feddejja, waqt li juri l-ġenerożità kbira tiegħu lejn min kien offendih.

Il-kliem tal-Protovanġelu jirrivela, barra minn dan, id-destin singolari tal-mara li minkejja li ppreċediet lir-raġel fiċ-ċediment għat-tentazzjoni tas-serp, imbagħad issir, minħabba l-pjan divin, l-ewwel allejata ta’ Alla. Eva kienet l-allejata tas-serp biex twaqqà lir-raġel fid-dnub. Alla jħabbar li, waqt li jaqleb ta’ taħt fuq din is-sitwazzjoni, Huwa jagħmel mill-mara l-għadu tas-serp.

3. L-eseġeti issa jaqblu fl-għarfien li t-test tal-Ġenesi, skont l-oriġinali Ebrajka, jattribwixxi l-azzjoni kontra s-serp, mhux direttament lill-mara, imma lin-nisel tagħha. It-test madankollu jeżalta bil-kbir r-rwol li hija tiżvolġi fil-ġlieda kontra t-tentatur: ir-rebbieħ tas-serp, infatti, jkun dak imnissel minnha.

Min hi din il-mara? It-test bibbliku, ma jirreferix isimha personali, imma jħallina nilmħu mara ġdida, mixtieqa minn Alla biex issewwi l-waqgħa ta’ Eva: hija hi msejħa, infatti, biex tirrestawra r-rwol u d-dinjità tal-mara u biex tikkontribwixxi għall-bidla tad-destin tal-umanità, waqt li tikkollabora permezz tal-missjoni materna  tagħha fir-rebħa divina fuq satana.

4. Fid-dawl tat-Testment il-Gdid u tat-tradizzjoni tal-Knisja, nafu li l-mara l-ġdida mħabbra mill-Protovanġelu hija Marija, u nagħrfu fin-«nisel tagħha» (Ġen 3,15), l-iben, Ġesù, rebbieħ fil-misteru tal-Għid fuq il-poter ta’ satana.

Nosservaw ukoll li l-mibegħda, imqanqla minn Alla bejn is-serp u l-mara, tirrejalizza ruħha f’Marija b’mod doppju. Allejata perfetta ta’ Alla u għadu tax-xitan, hija nħatfet għal kollox mid-dominju ta’ satana fil-konċepiment immakulat, meta kienet magħġuna fil-grazzja mill-Ispirtu Santu u ppriservata minn kull tebgħa tad-dnub. Barra minn hekk, assoċjata tal-opra feddejja tal-Iben, Marija kienet għal kollox imdaħħla fil-ġlieda kontra l-ispirtu tal-ħażen.

Hekk, it-titoli ta’ Immakolata Konċezzjoni u ta’ Koperatriċi tal-Feddej, attribwiti mill-fidi tal-Knisja lil Marija biex jipproklamaw s-sbuħija spiritwali tagħha u l-parteċipazzjoni intima fl-opra tal-għaġeb tal-fidwa, jimmanifestaw l-oppożizzjoni rriduċibbli bejn is-serp u l-Eva l-ġdida.

5. Eseġeti u tejoloġi jsostnu li d-dawl tal-Eva l-ġdida, Marija, mill-paġni tal-Ġenesi jipproġetta ruħu fuq l-ekonomija kollha tal-fidwa, u diġa jaraw f’dak it-test ir-rabta bejn Marija u l-Knisja. Hawn aħna ninnotaw bil-ferħ li t-terminu «mara», użat b’forma ġenerika mit-test tal-Ġenesi, jimbotta biex nassoċjaw mal-Verġni ta’ Nażżaret u mad-dmir tagħha fl-opra tal-fidwa b’mod speċjali lin-nisa, imsejħa, skont il-pjan divin biex jimpenjaw ruħhom fil-ġlieda kontra l-ispirtu tal-ħażen.

In-nisa li, bħal Eva, jistgħu jċedu għas-seduzzjoni ta’ satana, mis-solidarjetà ma’ Marija jirċievu qawwa superjuri biex jikkumbattu l-għadu, waqt li jsiru l-ewwel allejati ta’ Alla fit-triq tal-fidwa.

Din l-allejanza misterjuża ta’ A.lla man-nisa turi ruħha f’diversi forom ukoll fi żmienna:  ukoll fir-regolarità tan-nisa għat-talb personali u għall-kult liturġiku, fis-servizz tal-katekeżi u fix-xhieda tal-karità, fil-vokazzjonijiet femminili numerużi għall-ħajja ikkonsagrata, fl-edukazzjoni reliġjuża fil-familja…

Dawn is-sinjali kollha jikkostitwixxu attwazzjoni tassew konkreta tal-oraklu tal-Protovanġelu. Hu, infatti, waqt li jissuġġerixxi estensjoni universali tal-vokabolu «mara», fil- u ‘l hemm mil-limiti viżibbli tal-Knisja, juri li l-vokazzjoni unika ta’ Marija hija nseparabbli mill-vokazzjoni tal-umanità u, b’mod partikolari minn dik ta’ kull mara, li tillumina ruħha mill-missjoni ta’ Marija, ipproklamata l-ewwel allejata ta’ Alla kontra satana u l-ħażen.

 NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 55.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb