13. L-Aħbar tal-maternità messjanika


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  31/01/1996.

1. Waqt li jittratta il-figura ta’ Marija fit-Testment il-Qadim, il-Konċilju1 jagħmel referenza għat-test magħruf ta’ Iżaija, li ġibed l-attenzjoni b’mod partikolari tal-ewwel insara: «Hekkhu, il-verġni titqal u twelled iben, li ssemmih Emmanuele» (Iż 7,14).

Fil-kuntest tal-aħbar tal-anġlu li jistieden lil Ġużeppi biex jieħu miegħu lil Marija, l-għarusa tiegħu, «għaliex dak li ġie ġġenerat fiha ġej mill-Ispirtu Santu», Mattew jattribwixxi sinifikat kristoloġiku u marjan lill-oraklu. Infatti huwa jżid: «Dan kollu seħħ sabiex  iseħħ dak li ngħad mill-Mulej permezz tal-profeta: Hekk hu, il-verġni tnissel u twelled iben li jkun imsejjaħ Emmanuele, li tfisser Alla magħna» (Mt 1,22-23).

2. Tali profezija fit-test Ebrajk ma tħabbarx b’mod espliċitu t-twelid verġinali tal-Emmanuele: il-vokabolu użat (almah), infatti, jfisser sempliċement  «mara żagħżugħa», mhux neċessarjament verġni. Barra minn hekk, huwa magħruf li t-tradizzjoni Ġudajka ma kinitx tipproponi l-idejal tal-verġinità perpetwa, qatt ma esprimiet l-idea ta’ maternità verġinali.

Fit-traduzzjoni Griega, iżda, il-vokabolu Ebrajk kien imniżżel bit-terminu «parthenos», «verġni». F’dan il-fatt li jistà jidher sempliċement partikolarità ta’ traduzzjoni, jeħtieġ nagħrfu orjentament misterjuż mogħti mill-Ispirtu Santu lill-kliem ta’ Iżaija, [165] biex iħejji l-għarfien tat-twelid straordinarju tal-Messija. It-traduzzjoni bit-terminu «verġni» jispjega ruħu minħabba l-fatt li t-test ta’ Iżaija jħejji b’sollenità kbira l-aħbar tal-konċepiment u jippreżentah bħala sinjal divin (Iż 7,10-14), waqt li jqajjem stennija ta’ konċepiment straordinarju. Mela, li mara tikkonċepixxi iben wara li tkun ingħaqdet ma’ żewġha ma jikkostitwixxi ebda fatt straordinarju. Mill-banda l-oħra, l-oraklu ma jagħmel ebda aċċenn għar-raġel. Formulazzjoni simili kienet mela tissuġġerixxi l-interpretazzjoni mogħtija mbagħad fil-verżjoni Griega.

 3. Fil-kuntest oriġinali, l-oraklu ta’ Iżaija 7, 14 kien jikkostitwixxi t-tweġiba divina għal nuqqas ta’ fidi tas-sultan Achaz, li, quddiem it-theddida ta’ invażjoni tal-eżerċti tas-slaten viċini, fittex is-salvazzjoni tiegħu u tas-saltna tiegħu fil-protezzjoni tal-Assirja. Fil-parir mogħti lilu biex mill-ġdid ipoġġi l-fiduċja tiegħu biss f’Alla, billi jwarrab l-intervent terribbli Assirjan, il-Profeta Iżaija jistiednu min-naħa tal-Mulej għal att ta’ fidi fil-qawwa divina: «Itlob sinjal mill-Mulej Alla tiegħek…». Għar-rifjut tas-sultan, li jippreferi jfittex is-salvazzjoni fl-għajnuniet umani, il-profeta jħabbar l-oraklu ċelebri: «Ismà, dar David! Mhux biżżejjed li xxebbà s-sabar tal-bnedmin, għaliex issa trid xxebbà wkoll dak tal-Alla tiegħi? Għalhek il-Mulej innifsu jagħtikom sinjal. Hekk hu, il-verġni tikkonċepixxi u twelled iben, li ssemmih Emmanuele» (Iż 7,13-14).

L-aħbar tas-sinjal tal-Emmanuele, «Alla magħna» jinvolvi l-wegħda tal-preżenza divina fl-istorja li ssib il-milja tas-sinifikat fil-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb.

4. Fl-aħbar tat-twelid  meraviljużi tal-Emmanuele, l-indikazzjoni tal-mara li tikkonċepixxi u twelled juri ċerta ntenzjoni li tassoċja l-omm mad-destin tal-iben – prinċep iddestinat biex iwaqqaf saltna ideali, saltna «messjanika» –u jġiegħel li jidher pjan divin partikolari, li jenfasizza r-rwol ċentrali tal-mara.  

Is-sinjal, infatti, mhuwiex biss it-tfajjel, imma l-konċepiment straordinarju rivelat imbagħad fit-twelid stess, ġrajja mimlija tama, li tenfasizza r-rwol ċentrali tal-omm.

 L-oraklu tal-Emmanuele jiġi mifhum, barra minn hekk, fil-prospettiva miftuħa mill-wegħda ndirizzatha lil David, wegħda li tinqara fit-tieni Ktieb ta’ Samwel. Hawn il-profeta Natan iwiegħed lis-sultan il-favur divin għas-suċċessur tiegħu: «Huwa jibni dar lil ismi u jiena nirrendi stabbli għal dejjem it-tron tas-saltna tiegħu. Jien inkun għalih missier u hu jkun  għalija iben » (2Sam 7,13-14).

Fil-konfront tad-dixxendenza davidika, Alla jrid jassumi rwol patern, li se jimmanifesta s-sinifiat awtentiku sħiħ tiegħu fit-Testment il-Ġdid, bl-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla fil-familja ta’David (cf. Rm 1,3).

5. L-istess Iżaija, f’test ieħor tassew magħruf,  itenni il-karattru eċċezzjonali tat-twelid tal-Emmanuele. Dan huwa kliemu: «Tfajjel twieled għalina, ingħatalna iben. Fuq spallejh hija s-satna tas-sovranità u huwa msejjaħ: Kunsillier tal-għaġeb, Alla qawwi, Missier għal dejjem, Prinċep tal-paċi» (Iż 9,5). Il-profeta hekk jesprimi, fis-serje ta’ ismijiet mogħtija lit-tfajjel, il-kwalitajiet ta’ dmiru rjali: għerf, qawwa, tjubija paterna, azzjoni paċifikatriċi.

 L-omm hawn mhix indikata, imma l-eżaltazzjoni tal-iben, li jġib għall-poplu dak kollu li jistà jkun ittamat mis-saltna messjanika,  isawwab ruħu wkoll fuq il-mara li nisslitu u wellditu.

6. Ukoll oraklu famuż ta’ Mikea jirreferi għat-twelid tal-Emmanuele. Jgħid il-profeta: «U int, Betlem ta’ Efrata, hekk żgħira biex tkun fost il-bliet ewlenin ta’ Ġuda, minnek joħroġ dak li għandu jkun id-dominatur ta’ Iżrael; l-oriġini tiegħu huma mill-qedem, mill-jiem l-iktar imbegħda. Għalhekk Alla jpoġgihom fil-poter  ta’ ħaddieħor sakemm dik li għandha twelled twelled…» (Mik 5,1-2). F’dan il-kliem tirbombja l-istennija ta’ twelid mfawwar b’tama messjanika, li fiha jispikka, mill-ġdid għal darb’oħra, ir-rwol tal-omm, mfakkkra u nnobilitata b’mod espliċitu mill-ġrajja tal-għaġeb li ġġib ferħ u fidwa.

7. Il-maternità verġinali ta’ Marija kienet imħejjiha b’mod iktar ġenerali mill-favur mogħti minn Alla lill-umli u lill-fqajrin.2

Dawn, waqt li jħallu kull fiduċja tagħhom fil-Mulej, jantiċipaw bl-atteġġjament tagħhom is-sinifikat profond tal-verġinità ta’ Marija, li, waqt li tiċċaħħad mill-għana tal-maternità umana, stenniet mingħand Alla l-fertilità kollha ta’ ħajjitha.

It-Testment il-Qadim ma fihx, mela, aħbar formali tal-maternità verġinali, irrivelata b’mod sħiħ biss fit-Testment il-Ġdid. Madankollu l-oraklu ta’ Iżaija (Iż 7,14) iħejji r-rivelazzjoni ta’ dan il-misteru u kien ippreċiżat f’dan is-sens fit-traduzzjoni Griega tat-Testment il-Qadim. Waqt li jikkwota l-oraklu hekk tradott, il-Vanġelu ta’ Mattew iħabbar t-twettiq perfett permezz tal-konċepiment ta’ Ġesù fil-ġuf verġinali ta’ Marija.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 55.
2 Cf. ibidem.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb