15. Nisa mpenjati fil-fidwa tal-poplu

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  27/03/1996.

1. It-Testment il-Qadim iġegħlna nammiraw xi nisa straordinarji li, taħt impetu tal-Ispirtu ta’ Alla, jieħdu sehem fit-taqbidiet u fit-trijonfi ta’ Iżrael jew jikkontribwixxu għall-fidwa tiegħu. Il-preżenza tagħhom fil-ġrajjiet tal-poplu la hija marġinali laanqas passiva: huma jidhru bħala protagonisti awtentiċi tal-istorja tal-fidwa. Dawn huma l-eżempji l-iktar sinifikattivi.

Wara l-passaġġ tal-baħar l-Aħmar, it-test sagru jenfasizza l-inizjattiva ta’ mara ispirata biex tiċcelebra b’mod festuż din il-ġrajja deċiżiva: «Marija, il-profetessa, oħt Aronne, qabdet f’idejha timpanu: warajha ħarġu in-nisa bit-timpani, waqt li ffurmaw korijiet ta’ żfin. Marija ġagħlithom ikantaw ir-ritornell: Kantaw lill-Mulej għaliex rebaħ b’mod tal-għaġeb: xeħet fil-baħar iż-żwiemel u l-kavallieri» (Es 15,20-21).

Din ir-referenza tal-intraprendenza femminili f’kuntest ċelebrattiv tenfasizza mhux biss ir-rilevanza tar-rwol tal-mara, imma wkoll l-attitudni partikolari tagħha biex tfaħħar u tiżzi ħajr lil Alla.

2. Azzjoni ferm iktar importanti tiżvolġi, fi żmien l-Imħallfin, il-profetessa Debora. Wara li kienet ordnat lill-mexxej tal-eżerċtu biex ilaqqà n-nies tiegħu u biex jinżel fil-kamp tal-battalja, hija bil-preżenza tagħha tassikura s-suċċess tal-eżerċitu ta’ Iżrael, billi tħabbar li mara oħra, Ġaele, se toqtol lill-mexxej tal-għedewwa.

Barra minn dan, biex tiċcelebra r-rebħa l-kbira, Debora tintona kantiku twil li bih tfaħħar l-azzjoni ta’ Ġaele: «Tkun mbierka fost in-nisa Ġaele,… imbierka fost in-nisa tal-kamp!» (Imħ 5,24). Għal dan it-tifħir jidwi, fit-Testment il-Ġdid, il-kliem li, fil-jum tal-Viżitazzjoni, Eliżabbetta tindirizza lil Marija: Inti mbierka fost in-nisa… (cf. Lq 1,42).

Ir-rwol sinifikattiv tan-nisa fil-fidwa tal-poplu, imqiegħed fid-dawl mill-figuri ta’ Debora u ta’ Ġaele, huwa ripropost fil-ġrajja ta’ profetessa oħra jismha Kulda, li għexet fi żmien is-sultan Ġożija. 

Interrogata mis-saċerdot Ċelkja, hija tħabbar xi orakli li jħabbru manifestazzjoni ta’ indulġenza għas-sultan li kien jibżà mir-rabja divina. Kulda hekk issir messaġġiera ta’ ħniena u ta’ paċi  (cf. 2Sla 22,14-20).

 3. Il-kotba ta’ Ġuditta u ta’ Ester, li għandhom il-għan li jigglorifikaw, il-kontribut pożittiv tal-mara fl-istorja tal-poplu magħżul, jippreżentaw – f’kuntest kulturali ta’ vjolenza – żewġ figuri ta’ nisa li jiksbu rebħa u fidwa għall-Iżraeliti.

Il-ktieb ta’ Ġuditta, b’mod partikolari, jirreferi dwar eżerċitu tal-biżà mibgħut minn Nabukkadonosor biex  jirbaħ lill-Iżrael. Immexxiha minn Oloferne, l-armata tal-għadu kienet lesta biex tieħu pussess tal-belt ta’ Betulja, fost id-disperazzjoni tal-abitanti li, bill kienu qegħdin iqisu kull reżistenza inutli, talbu lill-mexxejja tagħhom biex iċedu.      

Imma lill-anzjani tal-belt li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwè għajnuna immedjata, iddikjaraw ruħhom lesti li jagħtu lill-għadu l-belt ta’ Betulja, Ġuditta ċċanfar in-nuqqas ta’ fidi, waqt li tipprofessa fiduċja sħiħa fil-fidwa li tiġi mingħand il-Mulej.

Wara li għal ħin twil sejħet lil Alla, hi li hija simbolu tal-fedeltà lejn il-Mulej, tat-talb umli u tar-rieda li żżomm lilha nfisha pura, tmur ħdejn Oloferne, il-ġeneral għadu, minfuħ bih innifsu, idolatra u bla rażan.


Meta sabet ruħha weħedha miegħu, Ġuditta, iddur lejn Jaħwe waqt li tgħidlu: «Tini l-qawwa, Mulej Alla ta’ Iżrael, f’dan il-waqt » (Ġdt 13,7). Imbagħad, waqt li qabdet ix-xmitarra ta’ Oloferne, ħanxritlu rasu.

Ukoll hawn, bħal fil-każ ta’ David quddiem Golija, il-Mulej jinqeda bid-dgħufija biex jittrijonfa fuq il-qawwa. F’din iċ-ċirkustanza, però, biex iġġib ir-rebħa insibu mara: Ġuditta, bla ma ħalliet [853] lilha nfisha titwaqqaf mill-biżà u min-nuqqas ta’ twemmin tal-kapijiet tal-poplu, tmur għand u toqtol lil Oloferne, waqt li timmerita r-ringrazzjament u t-tifħir tal-Qassis il-Kbir u tal-anzjani ta’ Ġerusalem. Dawn, waqt li jduru fuq il-mara li rebħet lill-għadu, jesklamaw:  «Inti l-glorja ta’ Ġerusalem, inti l-kburija tal-għaġeb ta’ Iżrael, int l-unur splendidu tal-poplu tagħna. Dan kollu wettaqtu int b’idek, ħwejjeġ  distinti għamilt għal Iżrael, bihom tgħaxxaq il-Mulej. Tkun dejjem imbierka mill-Mulej omnipotenti» (Ġdt 15,9-10).

4. F’sitwazzjoni oħra ta’ diffikultà gravi għal-Lhud tiżvolġi ruħha l-ġrajja rrakkuntata fil-Ktieb ta’ Ester. Fis-saltna tal-Persja, Amàn, l-amministratur tas-sultan,  jordna l-qerda tal-Lhud. Biex ibiegħed il-perikolu, Mardokeo, lhudi li kien joqgħod fiċ-ċittadella ta’ Susa, idur fuq n-nepputija tiegħu Ester, li tgħix fil-palazz tas-sultan fejn laħqet  l-istat ta’ sultana. Din, kontra l-liġi  kurrenti, waqt li ppreżentat ruħha lis-sultan mingħajr ma kienet imsejħa, u waqt li ssugrat il-piena tal-mewt, tikseb r-revoka tad-digriet tal-qerda. 

Amàn jiġi ġġustizzjat, Mardokeo jikseb il-poter u l-lhud, meħlusa mit-theddida, b’dan il-mod jiksbu raġun fuq l-għedewwa tagħhom.  

Ġuditta u Ester  it-tnejn li huma jipperikolaw ħajjithom biex jiksbu l-fidwa tal-poplu tagħhom. Iż-żewġ interventi, però, huma ferm differenti: Ester ma toqtolx lill-għadu, imma, waqt li tagħmilha ta’ medjatur, tinterċedi favur dawk li huma mhedda bil-qerda.

5. Din il-funzjoni ta’ nterċessjoni hija mbagħad attribwita lil figura oħra ta’ mara. Abigail, mart Nabal, mill-ewwel Ktieb ta’ Samwel. Hawn ukoll, grazzi għall-intervent tagħha li jitwettaq każ ieħor ta’ fidwa.

Hija tiltaqà ma’ David, li kien iddeċieda li jġib fix-xejn lill-familja ta’ Nabal, billi titolbu maħfra għall-ħtijiet ta’ żewġha u hekk teħles  darha minn diżastru sikur (cf. 1Sam 25).

Kemm hu faċli li wieħed jinnota, it-tradizzjoni veterotestamentarja tenfasizza bosta drabi, speċjalment fil-kitbiet l-iktar qrib tal-miġja ta’ Kristu, [854] l-azzjoni deċiżiva tal-mara għall-fidwa ta’ Iżrael. B’tali mod l-Ispirtu Santu, permezz tal-ġrajjiet tan-nisa tat-Testment il-Qadim, jinċida bi preċiżjoni dejjem ikbar il-karatteristiċi tal-missjoni ta’ Marija fl-opra tal-fidwa tal-umanità kollha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading