2. Ir-rwol matern ta’ Marija fl-ewwel sekli


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  13/09/1995.

1. Fil-kostituzzjoni Lumen gentium il-Konċilju jiddikjara li «il-fidili li jaqblu ma’ Kristu mexxej u jinsabu f’għaqda mal-qaddisin kollha tiegħu, għandhom ukoll iqimu t-tifkira “qabel kollox tal-glorjuża dejjem Verġni Marija, Omm ta’ Alla u ta’ Sidna Ġesù Kristu”».1 

Il-Kostituzzjoni konċiljari tuża t-termini tal-Kanone Ruman tal-Quddiesa, waqt li hekk tenfasizza kif il-fidi fil-maternità divina ta’ Marija hija preżenti fil-ħsieb nisrani sa minn l-ewwel sekli.

Fil-Knisja naxxenti Marija hija mfakkra bit-titolu ta’ «Omm Ġesù». Huwa l-istess Luqa li jattribwilha fl-Atti tal-Appostli din il-kwalifika, li, mill-bqija, tikkorrispondi ma’ dak migħud fil-Vanġeli: «Mhuwiex dak… bin Marija?», jistaqsu l-abitanti ta’ Nażżaret, skont ir-rakkont tal-evanġelista Marku (Mk 6,3); «Ommu ma jisimhiex Marija?», hija l-mistoqsija rreġistratha minn Mattew (Mt 13,55).

2. F’għajnejn id-dixxipli, miġbura wara t-Tlugħ fis-Sema, it-titolu ta’ «Omm Ġesù» jassumi s-sinifikat kollu tiegħu. Marija hija għalihom persuna unika fil-ġeneru tagħha: irċeviet il-grazzja singolari li tiġġenera s-Salvatur tal-umanità, għexet għal żmien twil maġembu u fuq il-Kalvarju issejħet mill-Imsallab biex teżerċita «maternità ġdida» fil- confront tad-dixxiplu l-maħbub u, permezz tiegħu, tal-Knisja kollha.

 Għal dawk li jemmnu f’Ġesù u jsegwuh, «Omm Ġesù» huwa titolu ta’ unur u venerazzjoni, li jibqà hekk għal dejjem fil-ħajja u fil-fidi tal-Knisja. B’mod partikolari, b’dan it-titolu l-insara jifhmu li ma tistax tirreferi għall-oriġni ta’ Ġesù, mingħajr ma tagħraf ir-rwol tal-mara li ġġeneratu fl-Ispirtu skont in-natura umana. Il-funzjoni materna tagħha tinteressa wkoll it-twelid u l-iżvilupp tal-Knisja. Waqt li jiftakru l-post ta’ Marija fil-ħajja ta’ Ġesù, il-fidili jiskopru kuljum l-preżenza effikaċi wkoll fl-itinerarju spiritwali tagħhom infushom.

3. Sa mill-bidu, il-Knisja għarfet lil Marija l-maternità Verġinali. Bħal ma jġagħluna nifhmu l-Vanġeli tal-infanzja, l-istess ewwel komunitajiet insara ġabru t-tifkiriet ta’ Marija dwar iċ-ċirkustanzi misterjużi tal-konċepiment u tat-twelid tal-Feddej. B’mod partikolari, ir-rakkont tal-Annunzjazzjoni jwieġeb għax-xewqa tad-dixxipli li jagħrfu b’mod l-iktar profond il-ġrajjiet marbuta mal-bidu tal-ħajja fuq din l-art ta’ Kristu rxoxt. Marija hija, fl-aħħar analiżi, fl-oriġni tar-rivelazzjoni dwar il-misteru tal-konċepiment verġinali bl-opra tal-Ispirtu Santu.

 Tali verità, waqt li turi l-oriġini divina ta’ Ġesù, sa minn l-ewwel insara kienet minnufih milqugħa fir-rilevanza sinifikattiva tagħha u magħżula fost l-affermazzjonijiet fundamentali  tal-fidi tagħhom. Iben Ġużeppi skont il-liġi, fir-realtà Ġesù, b’intervent straordinarju tal-Ispirtu Santu, fl-umanità tiegħu huwa unikament bin Marija, billi twieled mingħajr intervent ta’ raġel.

Il-verġinità ta’ Marija tassumi hekk valur singolari, waqt li titfà dawl ġdid fuq it-twelid u fuq il-misteru tal-filjolanza ta’ Ġesù, waqt li l-ġenerazzjoni verġinali kienet is-sinjal li Ġesù għandu bħala Missier lil Alla nnifsu.

Magħrufa u prodarnata mill-fidi tas-Santi Padri, il-maternità verġinali ma tistà tiġi qatt iktar mifruda mill-identità ta’ Ġesù, veru bniedem u veru Alla, inkwantu «imwieled minn Marija Verġni», bħal ma nistqarru fis-Simbolu Niċeno-Kostantinoplitan. Marija hija l-unika Verġni li hija wkoll Omm. Il-konpreżenza straordinarja ta’ dawn iż-żewġ doni fil-persuna tat-tfajla ta’ Nażzaret wasslet lill-insara biex isejħu lil Marija sempliċement «il-Veġni», ukoll meta jiċċelebraw il-maternità tagħha.

Il-verginità ta’ Marija hekk tinawgura fil-komunità nisranija id-diffużjoni tal-ħajja verġinali, imħaddna minn dawk imsejħin għaliha mill-Mulej. Tali vokazzjoni speċjali, li tilħaq il-quċċata tagħha fl-eżempju ta’ Kristu, tikkostitwixxi għall-Knisja taż-żmenijiet kollha, li jsibu f’Marija l-ispirazzjoni u l-mudell, għana spiritwali li ma tistax titkejjel.

4. L-asserzjoni: «Ġesù twieled minn Marija Verġni» diġa tinvolvi l-preżenza f’din il-ġrajja ta’ misteru   traxxendenti, li fil-verità tal-filjolanza divina ta’ Ġesù biss tistà ssib l-espressjoni sħiħa tagħha. Ma’ tali  formulazzjoni ċentrali tal-fidi nisranija hija marbuta l-verità tal-maternità divina ta’ Marija : hija infatti hija Omm tal-Verb inkarnat, li huwa «Alla minn Alla… Alla veru minn Alla veru».

It-titolu ta’ Omm Alla, diġa mixhud minn Mattew fil-formula ekwivalenti ta’ Omm l-Emmanuel, Alla magħna (cf Mt 1,23), huwa attribwit b’mod espliċitu lil Marija biss wara riflessjoni li ħaddnet madwar żewġ sekoli. Huma l-insara tat-tielet sekolu li, fl-Eġittu, jibdew isejħu lil Marija bħala «Theotokos», Omm Alla.

B’dan it-titolu li jsib diwi qawwi fid-devozzjoni tal-poplu nisrani, Marija tidher fil-vera dimensjoni tal-maternità tagħha: hija Omm l-Iben ta’ Alla, li hija ġġenerat b’mod verġinali skont in natura umana u bl-imħabba materna tagħha edukat, waqt li kkontribwiet għat-trobbija umana tal-persuna divina, li ġiet biex tibdel id-destin tal-umanità.

5. B’mod tassew sinifikattiv, l-iktar talba antika lil Marija («Sub tuum praesidium…», «Taħt il-protezzjoni tiegħek…») hemm fiha l-invokazzjoni: «Theotokos, Omm Alla». Dan it-titolu ma jiġix qabel kollox minn riflessjoni tat-tejoloġi, imma minn intuwizzjoni ta’ fidi tal-poplu nisrani. Dawk li jagħrfu lil Ġesù bħala Alla iduru lejn Marija bħala Omm Alla u jittamaw li jiksbu l-għajnuna qawwija tagħha fil provi tal-ħajja.

Il-Konċilju ta’ Efesu, fis-sena 431, jiddefenixxi d-domma tal-maternità divina, waqt li uffiċjalment jattribwixxi lil Marija t-titolu ta’   «Theotokos», b’referenza għall-unika persuna ta’ Kristu, veru Alla u veru Bniedem.

It-tliet espressjonijiet li bihom il-Knisja wriet tul is-sekoli l-fidi tagħha fil-maternità ta’ Marija: «Omm Ġesù», «Omm verġinali» u «Omm Alla», mela jimmanifestaw li l-maternità ta’ Marija tappartjeni b’mod intimu lill-misteru tal-Inkarnazzjoni. Dawn huma affermazzjonijiet dottrinali, marbuta wkoll mal-ħniena popolari li jikkontribwixxu biex jiddefenixxu l-istess identità ta’ Kristu.

NOTI

1 Konċ. Vat. II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, n. 52.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XVIII/2 (1995) p. 362-365.

Copyright © Libreria Editrice Vaticana