5. Marija fl-esperjenza spiritwali tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  15/11/1995.

1. Wara li segwejna fil-katekeżi preċedenti il-konsolidazzjoni tar-riflessjoni tal-Komunità nisranija sa mill-oriġni dwar il-figura u r-rwol tal-Verġni fl-istorja tal-fidwa, illum se nieqfu biex nimmeditaw dwar l-esperjenza marjana tal-Knisja.

 L-iżvilupp tar-riflessjoni marjoloġika u tal-kult lill-Verġni fil-korsa tas-sekoli ikkontribwixxa biex jagħmel dejjem iżjed jidher aħjar il-wiċċ marjan tal-Knisja. Bla dubju ta’ xejn, il-Verġni Santissima hija kollha kemm hi riferuta lil Kristu, sies tal-fidi u tal-esperjenza ekkleżjali, u lejh tmexxi. Għalhekk waqt li tobdi lil Ġesù, li rriserva lill-Omm rwol għal kollox speċjali fl-ekonomija tal-fidwa, l-insara qiemu, ħabbew u talbu lil Marija b’mod partikolarissimu u intens. Huma attribwewlha pożizzjoni prominenti fil-fidi u fil-ħniena, waqt li għarfuha bħala triq privileġġjata lejn Kristu, Medjatur suprem.

 Id-dimensjoni marjana tal-Knisja tikkostitwixxi b’dan il-mod element innegabbli fl-esperjenza tal-poplu nisrani. Din tirrivela ruħha f’manifestazzjonijiet numerużi tal-ħajja ta’ dawk li jemmnu, waqt li tixhed il-post miksub minn Marija f’qalbhom. Dan mhuwiex sentiment superfiċjali, imma rabta effettiva profonda u konxja, radikata fil-fidi, li timbotta lill-insara tal-bieraħ u tal-lum biex jirrikorru b’mod abitwali lejn Marija, sabiex jidħlu f’għaqda iktar intima ma’ Kristu.

2. Wara l-iktar talba antika,  żviluppata fl-Eġittu mill-komunità nisranija tat-III sekolu biex jitolbu lill- «Omm Alla» protezzjoni mill-perikolu, immultiplikaw ruħhom l-invokazzjonijiet indirizzati lejn Dik li l-imgħammdin iżommu bħala tassew qawwija fl-interċessjoni tagħha qrib il-Mulej.

Illum, it-talba l-iktar komuni hija l-Ave Marija, li l-ewwel parti tagħha hija komposta minn kliem meħud kollu kemm hu mill-Vanġelu (cf. Lc 1,28.42). L-insara jitgħallmu jirreċitawha bejn il-ħitan domestiċi, sa minn età żgħira, waqt li jirċevuha bħala rigal prezzjuż li għandu jkun mgħasses ħajjithom kollha. Din l-istess talba, ripetuta għaxriet ta’ drabi fir-Rużarju, tgħin bosta fidili biex jidħlu fil-meditazzjoni oranti tal-misteri evanġeliċi u biex kultant jibqgħu għal bosta żmien f’kuntatt intimu ma’ Omm Ġesù. Mill-Medju Evu, l-Ave Marija kienet it-talba l-iktar komuni ta’ dawk kollha li jemmnu, li jitolbu lill-Omm Imqddsa tal-Mulej biex takkumpanjahom u tipproteġihom fil-mixja tal-eżistenza ta’ kuljum.1

 Il-poplu nisrani, barra minn dan, immanifesta imħabbtu lejn Marija billi mmultiplika l-espressjonijiet tad-devozzjoni tiegħu: innijiet, talb u kompożizzjonijiet poetiċi, sempliċi u kultant ta’ preġju kbir,  ikkaratterizzati minn l-istess imħabba għal Dik li mill-Imsallab kienet irregalata lill-bnedmin bħala Omm. Fost dawn xi wħud, bħall-innu   «Akathistos» u s-«Salve Regina»,  immarkaw b’mod profond il-ħajja tal-fidi tal-poplu li jemmen.

Lill-ħniena marjana imbagħad tikkonfrontaha produzzjoni artistika tassew għanja fil-Lvant u fil-Punent, li ġagħlet tapprezza ġenerazzjonijiet sħaħ is-sbuħija spiritwali ta’ Marija . Pitturi, skulturi, mużiċisti u poeti ħallew kapulavuri li, waqt li poġġew fid-dawl l-aspetti differenti tal-kobor tal-Verġni, jgħinu biex wieħed jifhem aħjar is-sens u l-valur tal-kontribut għoli tagħha fl-opra tal-fidwa.

L-arti nisranija għarfet f’Marija ir-realizzazzjoni ta’ umanità ġdida, li twieġeb għall-proġett ta’ Alla u, allura sinjal sublimi ta’ tama għall-umanità kollha.

3. Tali messaġġ ma setax ma jkunx milqugħ mill-insara msejħa għal vokazjoni ta’ konsagrazzjoni speċjali. Infatti, fl-ordnijiet u fil-kongregazzjonjiet reliġjużi, fl-istituti u l-assoċjazzjonijiet ta’ ħajja reliġjuża, Marija hija meqjuma b’mod partikulari. Istituti numerużi, speċjalment, imma mhux biss, femminili, jġibu fit-titolu tagħhom l-isem ta’ Marija. Madankollu, ‘il hemm mill-manifestazzjonijiet esterni, l-ispiritwalità tal-familji reliġjużi, kif ukoll ta’ bosta movimenti ekkleżjali, xi wħud minn liema speċifikament marjani, ipoġġu fid-dawl rabta tagħhom speċjalii ma’ Marija, bħala garanzija ta’ kariżma migħuxa f’awtentiċità u pjenezza.

Tali referenza marjana fil-ħajja ta’ persuni favoriti b’mod partikolari mill-Ispirtu Santu żviluppat ukoll id-dimensjoni mistika li turi kif in-nisrani jistà jisperimenta fl-esseri tiegħu l-iktar profond l-intervent ta’ Marija.

Ir-riferenza lil Marija tgħaqqad mhux biss l-insara impenjati, imam wkoll dawk li jemmnu b’fidi sempliċi u saħansitra lill- «limbegħdin» li għalihom, spiss, dan jikkostitwixxi l-uniku rbit mal-ħajja ekkleżjali. Sinjal ta’ dan il-ħass komuni tal-poplu nisrani lejn Omm il-Mulej huma l-pellegrinaġġi lis-santwarji marjani, li jiġbdu, matul l-ark kollu tas-sena, folol numerużi ta’ fidili. Uħud minn dawn is-swar tal-ħniena marjana huma magħrufin. Bħal Lourdes, Fatima, Loretu u Pompej, Ġuadalupe, Czestochowa! Oħrajn huma magħrufa biss fuq livell nazzjonali jew lokali. F’kollha kemm huma it-tifkira ta’ grajjiet marbutin mal-appell lejn Marija jittrażmetti l-messaġġ tal-ħlewwa materna  tagħha, waqt li jiftaħ il-qlub għall-grazzja divina.

Dawn il-postijiet ta’ talb marjan huma xhieda stupenda tal-ħniena  ta’ Alla, li tasal għand il-bniedem permezz ta’ Marija. Mirakli ta’ fejqan korporali, ta’  redenzjoni spiritwali u ta’ konverżjoni, huma s-sinjal evidenti li Marija għadha tkompli, flimkien ma’ Kristu u fl-Ispirtu, l-opra tagħha ta’  sokkorritriċi u ta’ omm.

4. Spiss  is-santwarji marjani jsiru Centri ta’ evanġelizzazzjoni: infatti, ukoll fil-Knisja tallum, bħal ma fil-komunità fl-istennija tal-Pentekoste, it-talb ma’ Marija jimbotta bosta nsara għall-apostolat u għas-servizz tal-aħwa. Nixtieq hawn infakkar, b’mod speċjali, l-influss il-kbir tal-ħniena marjana dwar l-eżerċizzju tal-karità u tal-opri ta’ ħniena. Imħeġġin mill-preżenza ta’ Marja, dawk li jemmnu spiss ħassew il-bżonn li jiddedikaw lill-foqra, lil dawk diżereditati, lill-morda biex ikunu għal dawk l-aħħar fid-dinja s-sinjal tal-protezzjoni materna tal-Verġni, ikona ħajja tal-ħniena tal-Missier.

Minn dan kollu jidher ċar kif id-dimensjoni marjana taqsam il-ħajja kollha tal-Knisja. L-aħbar tal-Kelma, il-liturġija, l-espressjonijiet diversi karitattivi u kulturali jsibu fir-riferenza lil Marija okkażjoni ta’ arrikkiment u rinnovament.

Il-Poplu ta’ Alla, taħt it-tmexxija tar-Rgħajja tiegħu huwa msejjaħ biex jiddixxerna f’dan il-fatt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu, li mbotta l-fidi nisranija fuq it-triq tal-iskoperta tal-wiċċ ta’ Marija. Huwa hu li waqt li stimola l-għarfien u l-imħabba għal Marija, imexxi lill-fidili biex iqiegħdu lilhom infushom fl-iskola tal-Verġni tal-Magnificat, sabiex jitgħallmu jaqraw is-sinjali ta’ Alla fl-istorja u biex jakkwistaw l-għerf li jirrendi kull raġel u kull mara bennejja ta’ umanità ġdida.

NOTA

1 Cf. Paolo VI, Esort. Ap. Marialis cultus, 42-55.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb