6. L-Influss ta’ Marija fil-ħajja tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  22/11/1995.

1. Wara li rrifflettejna dwar id-dimensjoni marjana fil-ħajja ekkleżjali, issa se nibdew inpoġġu fid-dawl l-għana spiritwali mmensa li Marija tikkomunika lill-Knisja bl-eżempju u bl-interċessjoni tagħha.

 Nixtiequ qabel xejn nieqfu biex nikkonsidraw fil-qosor xi aspetti sinifikattivi tal-personalità ta’ Marija, li joffru lil kull fidil indikazzjonijiet prezzjużi biex jilqà u jwettaq pjenament il-vokazzjoni propja tiegħu.

Marija ġiet qabilna fit-triq tal-fidi; waqt li emmnet il-messaġġ tal-Vanġelu hija tilqà l-ewwel waħda u b’mod perfetti l-misteru tal-Inkarnazzjoni.1 L-itinerarju tagħha ta’ waħda li emmnet jibda wkoll qabel il-bidu tal-maternità divina u jiżviluppa u japprofondixxi ruħu waqt l-esperjenza terrena tagħha kollha. Din tagħha hija fidi kuraġġuża li fl-Annunzjazzjoni temmen dak li huwa umanament impossibbli u f’Kana timbotta lil Ġesù biex iwettaq l-ewwel miraklu billi tipprovoka l-manifestazzjoni tal-poteri messjaniċi tiegħu (cf. Gv 2,1-5).

Marija teduka lill-insara biex jgħixu l-fidi bħala mixja mpenjattiva u konvilġenti li, fl-etajiet kollha u fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja , titlob kuraġġ u perseveranza kostanti.

2. Mal-fidi ta’ Marija hija marbuta l-ħlewwa tagħha mar-rieda divina. Waqt li temmen il-Kelma ta’ Alla, setgħet tilqagħha b’mod sħiħ fl-eżistenza [1182] tagħha u, waqt li turi ruħha disponibbli għall-pjan Sovran, aċċettat dak kollu li kien mitlub minna mill-Għoli.

Il-presenza tal-Verġni fil-Knisja hekk tinkoraġġixxi lill-insara biex kuljum ipoġġu ruħhom fis-smigħ tal-Kelma tal-Mulej, sabiex jifhmu fid-diversi xogħlijiet ta’ kuljum il-pjan tal-imħabba, waqt li b’mod fidil  jikkoperaw mat-twettiq tiegħu.

3. Marija teduka b’tali mod il-komunità ta’ dawk li jemmnu biex iħarsu lejn il-futur b’abbandun sħiħ f’Alla. Fl-esperjenza personali tal-Verġni, it-tama tistagħna b’motivazzjonijiet dejjem ġodda. Sa mill-Annunzjazzjoni, Marija tikkonċentra fl-Iben ta’ Alla inkarnat fil-ġuf verġinali tagħha l-istennijiet ta’ Iżrael il-qadim. It-tama tagħha tissaħħaħ fil-fażijiet suċċessivi tal-ħajja moħbija ta’ Nażżaret u tal-ministeru pubbliku ta’ Ġesù. Il-fidi kbira tagħha fil-kelma ta’ Kristu, li kien ħabbar il-qawmien mill-imwiet tiegħu fit-tielet jum, ma ġegħlhiex tiddubita linqas quddiem id-dramm tas-Salib: hija kkonservat it-tama fit-twettiq tal-opra messjanika, waqt li stenniet mingħajr ombra ta’ dubju, wara d-dlamijiet tal-Ġimgħa l-kbira, il-għodwa tal-qawmien mill-imwiet.

Fid-daqqiet fatikużi tal-istorja, bejn id-«diġa» tal-fidwa riċevuta u il-«mhux għal issa» tat-twettiq sħiħ tagħha, il-komunità ta’ dawk li jemmnu taf li tistà sserraħ fuq l-għajnuna tal- «Omm tat-Tama» li, billi sperimentat ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-qawwiet tal-mewt, tgħaddilha ħila dejjem ġdida ta’ stenniha tal-futur ta’ Alla u ta’ abbandun għall-wegħdiet tal-Mulej.

4. L-eżempju ta’ Marija jġiegħel lill-Knisja tapprezza aħjar il-valur tas-silenzju. Is-silenzju ta’ Marija mhuwiex biss  simpliċità fid-diskors, imma speċjalment hija għarfa li tagħmel tifkira u li tilqà b’ħarsa ta’ fidi il-misteru tal-Verb magħmul bniedem u l-ġrajjiet tal-eżistenza terrena tiegħu.

Huwa dan is-silenzju-laqgħa tal-Kelma, din il-ħila li timmedita dwar il-misteru ta’ Kristu, li Marija tittrażmetti lill-poplu kredenti. F’dinja mimlija storbju u messaġġi ta’ kull ġeneru, ix-xħieda tagħha ġgegħlna napprezzaw silenzju b’mod spiritwali għani u tippromwovi l-ispirtu kontemplattiv.

Marija tixhed il-valur ta’ eżistenza umli u moħbija. Ilkoll jesiġu normalment, u issa kważi jippretendu, li jistgħu jivvalorizzaw b’mod sħiħ il-persuna tagħhom u l-kwalitajiet tagħhom. Ilkoll huma sensibbli għall-istima u l-unur. Il-Vanġeli jirreferu għal iktar irkupru li l-Appostli kienu jaspiraw għall-ewwel postijiet fis-saltna, kienu jiddiskutu bejniethom min kien l-ikbar u li Ġesù kellu jagħtihom minħabba dan lezzjonijiet fuq il-ħtieġa tal-umiltà u tas-servizz (cf. Mt 18,1-5; 20,20-28; Mk 9,33-37; 10,35-45; Lq 9,46-48; 22,24-27). Marija, bil-maqlub, qatt ma xtaqet l-unuri u l-vantaġġi ta’ pożizzjoni privileġġjata; dejjem fittxet li twettaq ir-rieda divina billi tgħaddi ħajja skont il-pjan feddej tal-Missier.

Lil dawk li kultant iħossu l-piż ta’ eżistenza apparentement insinifikanti Marija tiżvela kemm tistà tkun prezzjuża l-ħajja, jekk migħuxha għall-imħabba ta’ Kristu u tal-aħwa.

5. Marija, barra minn dan, tixhed il-valur ta’ ħajja pura u mimlija bi ħlewwa għall-bnedmin kollha. Is-sbuħija ta’ ruħha, mogħtija b’mod totali lill-Mulej, hija oġġett ta’ ammirazzjoni għall-poplu nisrani. F’Marija l-komunità nisranija dejjem rat ideal ta’ mara, mimli mħabba u ħlewwa, għaliex għexet fil-purezza tal-qalb u tal-ġisem.

Quddiem iċ-ċiniżmu ta’ ċerta kultura kontemporanja li, spiss ferm, donnha ma tagħrafx il-valur tal-kastità u ċċekken is–sesswalità billi tifridha mid-dinjità tal-persuna u mill-proġett ta’ Alla, il-Verġni Marija tipproponi x-xhieda ta’ purezza li tillumina l-kuxjenza u twassal għal imħabba ikbar għall-krejaturi u għall-Mulej.

6. U iktar: għall-insara taż-żmenijiet kollha, Marija tidher bħala dik li tħoss għat-tbatijiet tal-umanità ħniena ħajja. Tali ħniena ma tikkonsistix biss f’parteċipazzjoni effettiva, imma tittraduċi ruħha f’għajnuna effikaċi u konkreta quddiem il-miżerji materjali u morali tal-umanità.

 Il-Knisja, waqt li ssegwi lil Marija, hija msejħa biex tassumi atteġġjament identiku lejn il-foqra u dawk kollha li jbatu f’din id-dinja. L-attenzjoni [1184] materna tal-Omm tal-Mulej, trid tistimola lill-insara, b’mod partikolari fil-qrib tat-tielet millenju, biex jimmultiplikaw is-sinjali konkreti u viżibbli ta’ mħabba li jġiegħlu jipparteċipaw lill-umli u lis-sofferenti tal-lum fil-wegħdi u fit-tamiet tad-dinja ġdida li titnissel mill-Għid.

7. L-affett u d-devozzjoni tal-bnedmin għal Omm Ġesù  jaqbżu l-fruntieri viżibbl tal-Knisja u jimbuttaw l-erwieħ lejn sentimenti ta’ rikonċiljazzjoni . Bħala Omm, Marija trid l-għaqda ta’ uliedha kollha. Il-preżenza tagħha fil-Knisja tikkostitwixxi stedina biex tikkonserva l-unanimità tal-qalb li kienet issaltan fl-ewwel komunità  (cf. At 1,14) u,  konsegwenza ta’ dan, tfittex ukoll t-toroq tal-għaqda u tas-sliem fost l-irġiel u n-nisa kollha ta’ rieda tajba.

Fl-interċessjoni tagħha  lejn Binha, Marija titlob il-grazzja tal-għaqda tal-ġeneru uman, bi ħsieb tal-bini taċ-ċiviltà tal-imħabba, billi tegħleb it-tendenzi tal-firda, it-tentazzjonijiet tal-vendetta u tal-mibegħda, u l-ġibda perversa tal-vjolenza  .

8. It-tbissima  materna tal-Verġni, riprodotta f’tant parti tal-ikonografija marjana, timmanifesta bis-sħiħ il-grazzja u l-paci li trid tikkomunika. Tali manifestazzjoni ta serenità tal-ispirtu tikkontribwixxi b’mod effikaċi biex  tagħti wiċċ ferrieħi lill-Knisja.   

Waqt li tilqà fl-Annunzjazzjoni l-istedina tal-anġlu biex tifraħ, (chàire = tifraħ: Lq 1,28), Marija tieħu sehem l-ewwel waħda fil-ferħ messjaniku, diġa mħabbar bil-qquddiem mill-profeti għall-«bint Sion» (cf. Iż 12,6; Sof 3,14-15; Żak 9,8) u tittrasmettih lill-umanità ta’ kull żmien.

Il-poplu nisrani, waqt li jsejħilha bħala «causa nostrae laetitiae – bidu tal-ferħ tagħna», jiskopri fiha l-ħila tal-komunikazzjoni tal-ferħ li jitwieled mit-tama, ukoll f’nofs l-provi tal-ħajja, u li jkun iggwidat minnha min  lilha jafda għall-ferħ li ma jkollux tmiem.

NOTI

1 Cf. Giovanni Paolo II, Lettera enc. Redemptoris Mater, 13.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb