9. Il-Preżenza ta’ Marija fil-Konċilju Vatikan II


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  13/12/1995.

1. Illum irrid nieqaf biex nirrifletti fuq il-presenza partikolari tal-Omm tal-Knisja fi ġrajja ekkleżjali li bla ebda dubju hija l-iktar importanti tas-seklu tagħna: il-Konċilju  Ekumeniku Vatikan II, mibdi mill-Papa Ġwanni XXIII, fl-għodwa tal-11 ta’ Ottubru 1962, u magħluq mill-Papa Pawlu VI fit-8 ta’ Diċembru 1965.

Intonazzjoni singolari marjana tikkaratterizza fil-fatt l-Assisi konċiljari sa mis-sejħa tagħha. Diġa fl-Ittra Apostolika «Celebrandi Concilii Oecumenici», il-predeċessur venerat tiegħi, is-Serv ta’ Alla Ġwanni XXIII kien irrakkomanda  r-rikorrenza għall-interċessjoni qawwija ta’ Marija, «Omm tal-grazzja u patruna ċelesti tal-Konċilju».1

Suċċessivament, fl-1962, fil-festa tal-Purifikazzjoni ta’ Marija, il-Papa Ġwanni kien iffissa l-ftuħ tal-Konċilju għall-11 ta’ Ottubru, waqt li spjega li kien għażel din id-data b’tifkira tal-Konċilju kbir ta’ Efesu li, propju f’dik id-data, kien ipproklama lil Marija bħala «Theotokos», Omm Alla.2 Lill-«Għajnuna tal-Insara, l-Għajnuna tal-Isqfijiet,» il-Papa kien imbagħad fdalha, fid-diskors tal-ftuħ, il-Konċilju nnifsu waqt li talab l-assistenza mterna tagħha għat-twettiq feliċi tax-xogħlijiet konċiljari.3

Lejn Marija jdawru b’mod espress ħsiebhom is-Santi Padri tal-Konċilju li, fil-messaġġ lid-dinja, tal-ftuħ tas-sessjonijiet konċiljari  jiddikkjaraw: «Aħna, suċċessuri tal-Appostli, ilkoll kemm aħna magħqudin fit-talb [1368]  ma’ Maija, Omm Ġesù, niffurmaw ġisem apostoliku wieħed»,4 waqt li ngħaqqdu lilna nfusna b’tali mod, fil-għaqda ma’ Marija, mal-Knisja primittiva fl-istennija tal-Isprtu Santu (cf. At 1,14).

2. Fit-tieni sessjoni tal-Konċilju kien ġie pproponut li tiġi ntrodotta t-trattazzjoni dwar il-Verġni Marija fil-Kostituzzjoni tal-Knisja. Inizjattiva li, ukoll jekk espressament rakkomandatha mill-Kummissjoni tejoloġika, qanqlet diversità ta’ pariri.

Xi wħud waqt li kkunsidrawha mhix biżżejjed biex tenfasizza l-missjoni speċjalissima tal-Omm ta’ Ġesù fil-Knisja, kienu sostnew li biss dokument separat setà jesprimi d-dinjità,  is-superjorità, il-qdusija eċċezzjonali u r-rwol singolari ta’ Marija fir-Redenzjoni mwettqa mill-Iben. Waqt li żammew, barra minn dan, lil Marija f’ċertu mod ‘il fuq mill-Knisja, immanifestaw il-biżà li għażla tad-dħul tad-duttrina marjana fit-trattazzjoni dwar il-Knisja, ma kinitx se tpoġġi b’mod suffiċċjenti fid-dieher il-privileġġi ta’ Marija, waqt li tirriduċi l-funzjoni tagħha għal-livell tal-membri l-oħra tal-Knisja.5

Oħrajn, iżda, esprimew ruħhom favur il-proposta tal-Kummissjoni tejoloġika, iddisinjata li tinserixxi f’dokument uniku l-espożizzjoni duttrinali dwar Marija u dwar il-Knisja. Skont dawn tal-aħħar, tali realtajiet ma setgħux ikunu mifrudin f’Konċilju li,  waqt li jiddetermina  s-sejbien mill-ġdid tal-identità u l-missjoni tal-Poplu ta’ Alla, kellu juri l-konnessjoni intima ma’ Dik li hija tip u eżempju tal-Knisja  fil-verġinità u fil-maternità. Il-Beata Verġni, infatti, fil-kwalità tagħha ta’ membru  distint tal-Komunità ekkleżjali, tokkupa post speċjali fid-duttrina tal-Knisja. Barra minn hekk, waqt li timponi l-aċċent fuq  il-konnessjoni bejn Marija u l-Knisja kienet tirrendi iktar komprensibbli lill-insara tar-Riforma d-duttrina marjana proponuta mill-Konċilju.6

Is-Santi Padri konċiljari,  mħeġġa mill-istess imħabba għal Marija,  fittxew b’dan il-mod li jipprivileġġjaw, waqt li jesprimu pożizzjoni duttrinali differenti, diversi aspetti tal-figura tagħha. Tal-ewwel ikkuntemplaw lil Marija prinċipalment fir-rapport tagħha ma’ Kristu, l-oħrajn ikkunsidrawha pjuttost minħabba li kienet membru tal-Knisja.

3. Wara konfront mimli duttrina u attent għad-dinjità tal-Omm ta’ Alla u għall-preżenza partikolari tagħha fil-ħajja tal-Knisja, iddeċidew li jinserixxu t-trattazzjoni fl-intern tad-dokument konċiljari dwar il-Knisja.7

L-iskema l-ġdida dwar il-Beata Verġni, elaborata biex tkun integrata fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja, timmanifesta progress reali duttrinali. L-aċċent impost fuq il-fidi ta’ Marija u preokkupazzjoni iktar sistematika biex issejjes id-duttrina marjana fuq l-Iskrittura jikkostitwixxu elementi sinifikattivi u utli li jagħnu l-ħniena u l-konsiderazzjoni tal-poplu nisrani għall-imbierka Omm ta’ Alla.

Mal-passaġġ taż-żmien, barra minn hekk, il-perikoli ta’ riduzzjoniżmu, li tant beżżgħu lil uħud mis-Santi Padri, urew ruħhom bla bażi: il-missjoni u l-privileġġi ta’ Marija ġew enfasizzati mill-ġdid b’mod wiesà; il-koperazzjoni tagħha fil-pjan divin tal-fidwa ġiet enfasizzatha; l-armonija ta’ tali koperazzjoni flimkien ma’ l-unika medjazzjoni ta’ Kristu dehret iktar evidenti.

Barra minn dan, għall-ewwel darba, il-Maġisteru konċiljari ippropona lill-Knisja espożizzjoni duttrinali dwar il-rwol ta’ Marija fl-opra feddejja ta’ Kristu u fil-ħajja tal-Knisja.

Irridu mela nżommu  l-opzjoni tas-Santi Padri konċiljari, li rrivelat ruħha tassew fertili għax-xogħol duttrinali suċċessiv, deċiżjoni tassew providenzjali.

4. Fil-kors tas-sessjonijiet konċiljari,  spikka l-vot ta’ bosta Santi Padri li jgħanni ulterjorment id-duttrina marjana flimkien ma’ stqarrijiet oħra dwar ir-rwol ta’ Marija fl-opra tal-fidwa. Il-kuntest partikolari fi fih seħħ id-dibattitu marjoloġiku tal-Vatikan II ma ppermettix il-laqgħa ta’ tali xewqat, minkejja li konsistenti u mxerrda, imma l-kumpless tal-elaborazzjoni konċiljari dwar Marija jibqà vigoruż u ekwilibrat u l-istess temi, mhux definiti għal kollox, kisbu spazji sinifikattivi fit-trattazzjoni komplessiva.

Hekk l-eżitazzjoni ta’ xi Santi Padri quddiem it-titolu ta’ Medjatriċi ma żammewx il-Konċilju milli juża tali titolu darba, u li jenfasizza f’termini oħra l-funzjoni medjatriċi ta’ Marija mill-kunsens għat-tħabbira tal-anġlu għall-maternità fl-ordni tal-grazzja.8 Barra minn dan il-Konċilju jenfasizz il-koperazzjoni tagħha «b’mod għal kollox speċjali» fl-opra li tirrestawra l-ħajja soprannaturali tal-erwieħ.9 Fl-aħħarnett, ukoll jekk wieħed jevita li juża t-titolu ta’  «Omm il-Knisja», t-test tal-Lumen gentium b’mod ċar jenfasizza l-qima tal-Knisja lejn Marija bħala Omm l-iktar maħbuba.

 Mill-espożizzjoni sħiħa tal-Kapitolu VIII tal-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja jirriżulta ċar li l-kawteli terminoloġiċi ma fixklux l-espożizzjoni ta’ duttrina ta’ sisien tassew għanja u pożittivi, espressjoni tal-fidi u tal-imħabba għal Dik li l-Knisja tagħraf bħala Omm u Mudell tal-ħajja tagħha.

Minn banda oħra, il-punti di vista differenti tas-Santi Padri li ħarġu fil-kors tad-dibattitu konċiljari, irrivelaw ruħhom providenzjali, għaliex waqt li jsejsu ruħhom f’kompożizzjoni armonika offrew lill-fidi u lid-devozzjoni tal-Poplu nisrani preżentazzjoni iktar sħiħa u ekwilibrata tal-identità tal-għaġeb tal-Omm tal-Mulej u tar-rwol tagħha eċċezzjonali fl-opra tal-fidwa.

NOTI

1 Giovanni XXIII, Lett. ap. Celebrandi Concilii Oecumenici, 11 aprile 1961, AAS 53 (1961) 242.
2 Giovanni XXIII, Motu proprio Concilium: AAS 54 (1962) 67-68.
3 Giovanni XXIII, Discorso di apertura del Conc. Vaticano II: AAS 54 (1962) 795.
4 Conc. Ecumen. Vat. II, Messaggio al mondo: Acta Synodalia, I, 1, 254.
5 Acta Synodalia, II, III, 338-342.
6 Acta Synodalia, II, III, 343-345.
7 Cf. Acta Synodalia, II, III, 627.
8 Cf. Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 62.
9 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 61.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb