16. Nobiltà morali tal-mara


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  10/04/1996.

 1. It-Testment il-Qadim u t-tradizzjoni Lhudija huma mimlijin b’għarfien għan-nobiltà tal-mara, li timmanifesta ruħha b’mod speċjali fl-atteġġjament ta’ fiduċja lejn il-Mulej, fit-talb biex jinkiseb id-don tal-maternità, fis-supplika lil Alla għall-fidwa ta’ Iżrael mill-attakki tal-għedewwa tiegħu. Kultant, bħal fl-każ ta’ Ġuditta, dawn il-kwalitajiet jiġu ċċelebrati mill-komunità kollha, minħabba li jsiru oġġett ta’ ammirazzjoni għal kulħadd.

Maġemb l-eżempji mdawla tal-eroini bibbliċi, ma jonqsux ix-xhieda negattivi ta’ xi nisa, bħal Dalila, is-seduttriċi li tirrovina l-attività profetika ta’ Sansun (Imħ 16,4-21), in-nisa stranġieri li, fix-xjuħija ta’ Salamun, ibegħdu qalb is-sultan mill-Mulej u jġegħluh iqim allat oħra (1Sla 11,1-8), Ġeżabel li toqtol «il-profeti kollha tal-Mulej» (1Sla 18,13) u tara li jinqatel Nabot biex tagħti l-qasam tad-dwieli tiegħu lil Akab (1Sla 2 1), il-mara ta’ Ġobb li tinsulentah bl-isfortuna tiegħu, waqt li timbuttaħ għar-ribelljoni (Ġb 2,9).

F’dawn il-każi, l-imġieba tal-mara tfakkar dik ta’ Eva.

 Il-prospettiva predominanti fil-Bibbja tibqà però dik ispirata fil-Protovanġelu li turi lill-mara bħala allejata ta’ Alla.

 2. Infatti, jekk in-nisa barranin huma akkużati li begħdu lil Salamun mill-kult tal-veru Alla, fil-Ktieb ta’ Ruth tiġi proposta lilna iżda figura tassew nobbli ta’ mara barranija: Ruth il-Maobita, eżempju ta’ ħniena għal qrabatha u ta’ umiltà sinċiera u ġeneruża. Waqt li [953] taqsam il-ħajja u l-fidi ta’ Iżrael, hija ssir il-bużnanna ta’ David u l-antenata tal-Messija. Mattew, waqt li jdaħħalha fil-ġeneloġija ta’ Ġesù (Mt 1,5), jagħmel minnha sinjal ta’ universaliżmu u aħbar tal-ħniena ta Alla li testendi ruħha għall-bnedmin kollha.     

Fost l-antenati ta’ Ġesù, l-ewwel evanġelista jfakkar ukoll lil Tamar, Rakab u mart Urija, tliet nisa midimbin, imma mhux ta’ qalb ħażina,  inklużi fost il-proġenitriċi tal-Messija biex jipproklamaw it-tjubija divina iktar kbira mid-dnub. Alla, permez tal-grazzja tiegħu, iġiegħel jikkontribwixxu għall-pjanijiet tiegħu ta’ fidwa s-sitwazzjoni matrimonjali irregolari tagħhom, waqt li b’dan il-mod iħejji wkoll il-futur.

Mudell ieħor ta’ devozzjoni umli, differenti minn dak ta’ Ruth, huwa rappreżentat minn bint Lefte, li taċċetta li tħallas b’mewtha r-rebħa ta’ missierha fuq l-Ammoniti (Imħ 11,34-40). Waqt li tibki d-destin krudil tagħha, hija ma tirribellax, imma tagħti lilha nfisha għall-mewt bi twettiq tal-wegħda bla ħsieb magħmula mill-ġenituri tagħha fil-kuntest  ta’ drawwiet meqjusa primittivi  (cf. Ġer 7,31; Mik 6,6-8).

3. Il-letteratura sapjenzjali, ukoll jekk sikwit talludi għad-difetti tal-mara, tara fiha teżor moħbi: «Min sab mara sab fortuna, kiseb il-favur tal-Mulej » (Prv 18,22), igħid il-Ktieb tal-Proverbji waqt li jesprimi apprezzament konvint għall-figura femminili, don prezzjuż tal-Mulej.

 Fi tmiem l-istess Ktieb, jiġi  deskritt ir-ritratt tal-mara ideali li,  bogħod milli jirrapreżenta mudell li ma jistax jintlaħaq, jikkostitwixxi proposta konkreta, mnissla mill-esperjenza ta’ nisa ta’ valur kbir: «Mara perfetta min jistà jsibha? Tassew superjuri għall-perli l-valur tagħha…» (Prv 31,10).  

Il-letteratura sapjenzjali tindika fil-fedeltà tal-mara  għall-patt divin l-quċċata tal- possibiltajiet tagħha u l-ikbar sors ta’ ammirazzjoni. Infatti , jekk kultant tistà tiddiżappunta, il-mara tissupera kull stennija  [954] meta qalbha hija fidila lejn Alla: «Qarrieqa hija l-grazzja u vojta hija s-sbuħja, imma l-mara li tibżà minn Alla hi ta’ min ifaħħarha » (Prv 31,30).

 4. F’tali kuntest, il-Ktieb tal-Makkabej, fil-ġrajja tal-omm tas-sebà aħwa mmarterizzati fil-persekuzzjoni ta’ Antijoku Epifane, jippreżentalna l-iktar eżempju tal-għaġeb ta’ nobiltà waqt il-prova.

Wara li jkun iddeskriva l-mewt tas-sebà aħwa, l-awtur sagru jżid: «L-omm kienet b’mod speċjali ammirevoli u denja ta’ tifkira  glorjuża, għaliex, waqt li rat imutu sebà wlied f’jum wieħed, kienet issaportiet kollox b’mod seren minħabba t-tamiet  imqiegħda fil-Mulej. Kienet ħeġġet kull wieħed minnhom bil-lingwa paterna, mimlija sentimenti nobbli, u waqt li sostniet il-ħlewwa femminili b’kuraġġ virili», b’dan il-mod kienet tesprimi t-tama tagħha f’qawmien mill-imwiet futur: «Bla ebda dubju l-ħallieq tad-dinja, li fl-oriġni kien immudella l-bniedem u kien ipprovda għall-ġenerazzjoni ta’ kulħadd, fil-ħniena tiegħu jerġà jirrestitwixxilkom l-ispirtu u l-ħajja, bħal ma intom issa għal-liġijiet tiegħu mintomx tagħtu każ tagħkom infuskom» (2Mak 7,20-23).

L-omm, waqt li tħeġġeġ lis-sebà iben biex jaċċetta li jiġi maqtul milli jikser il-liġi divina, tesprimi l-fidi tagħha fl-opra ta’ Alla li mix-xejn joħloq l-affarijiet kollha: «Nitolbok, ibni, ħares lejn is-sema u l-art, osserva kemm ħwejjeġ hemm u kun af li dawn għamilhom Alla mhux minn ħwejjeġ li kienu ġa jeżistu; hekk ukoll hija l-oriġni tal-ġeneru uman.

La tibżax minn dan il-biċċier imma, waqt li turi ruħek dehen ta’ ħutek, aċċetta l-mewt, għaliex jien nistà nerġà niksbek flimkien ma’ ħutek fil-jum tal-ħniena » (2Mak 7,28-29).

Fl-aħħarnett tmur hija wkoll għall-mewt krudili, wara li tkun ġarrbet sebà darbiet il-martirju f’qlbha, waqt li wriet fidi inkrollabbli, tama bla limiti u kuraġġ erojku.

F’dawn il-figuri ta’ nisa, li fihom jidher l-għaġeb tal-grazzja divina, tintlemaħ Dik li kellha tkun l-ikbar mara: Marija, l-Omm tal-Mulej.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb