17. Bint Sijon


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  24/04/1996.

1. Il-Bibbja spiss tuża l-espressjoni «bint Sijon», biex tindika l-abitanti tal-belt ta’ Ġerusalem, li l-muntanja Sion tifforma il-parti l-iktar sinifikattiva kemm storikament kif ukoll reliġjożament (cf. Mik 4,10-13; Sof 3,14-18; Żk 2,14; 9,9-10).

Din il-personaliżazzjoni fil-femminil tirrendi aktar aġevoli l-interpretazzjoni sponsali tar-relazzjoni ta’ mħabba bejn Alla u Iżrael, sikwit indikata bit-termini ta’ «namrata» u ta’ «għarusa».

L-istorja tal-fidwa hija l-istorja ta’ mħabba ta’ Alla, imma sikwit ukoll tal-infedeltà tal-esseri uman. Il-Kelma tal-Mulej iċċanfar spiss lill-għarusa-poplu li tikser l-allejanza nuzjali stabbilita ma’ Alla: «Bħal ma mara tkun nfidila mal-maħbub tagħha, hekk int, dar ta’ Iżrael, kont infidila miegħi» (Ġer 3,20), u tistieden lill-ulied Iżrael biex jakkużaw lil ommhom: «Akkużaw lil ommkom, akużawha, għaliex hi mhix iktar marti u jien miniex iktar żewġha!» (Os 2,4).

Fiex jikkonsisti d-dnub tal-infedeltà li bih jittebba Iżrael, l-«għarusa» ta’ Jahwè? Dan jikkonsisti b’mod speċjali fl-idolatrija: skont it-test sagru, għall-Mulej, id-dawrien lejn l-idoli minn naħa tal-poplu magħżul huwa ekwivalenti għal adulterju.

 2. Huwa l-profeta Osea li jiżviluppa, bi xbihat qawwija u drammatiċi, it-tema tal-allejanza sponsali bejn Alla u l-poplu tiegħu u tat-tradiment minn naħa ta’ dan tal-aħħar: l-istess ġrajja personali tiegħu issir simbolu elokwenti. Fit-twelid  tal-ulied, infatti, dan jirċievi l-amar: «Sejħilha Mhix-maħbuba, għaliex ma nħobbx ikar id-dar ta’ Iżrael, u ma jkollix iktar ħniena», u mill-ġdid: «Sejjaħlu Mhux-poplu-tiegħi, għaliex intom mintomx poplu iegħi u jien ma neżistix iktar għalikom» (Os 1,6.9).
      

Is-sejħa tal-Mulej u l-esperjenza deludenti tal-kult lill-idoli jġegħlu  lill-għarusa infidila tiġi f’sensiha u, niedma, tgħid: «Nerġà lura għand żewġi ta’ qabel, għaliex kont iktar kuntenta minn issa» (Os 2,9). Imma Alla stess jixtieq jerġà jistabilixxi l-patt, u allura l-Kelma tiegħu ssir tifkira, ħniena u ħlewwa: «Għalhekk, ara, niġbidha lejja, neħodha fid-deżert u nkellem lil qalbha » (Os 2,16). Id-deżert, infatti, huwa l-post fejn Alla, wara l-ħelsien mill-iskjavitù, stabilixxa l-patt definittiv mal-poplu tiegħu.   

Permezz ta’ dawn ix-xbihat ta’ mħabba, li jerġgħu jipproponu r-rapport diffiċli bejn Alla u Iżrael, il-profeta juri d-dramm kbir tad-dnub, l-infeliċità tat-triq tal-infedeltà u l-isforzi ta’ mħabba divina biex jitkellem mal-qalb tal-bnedmin u jġibhom lura għall-patt.

3. Minkejja d-diffikultajiet tal-preżent, Alla jħabbar, b’fomm il-profeti, patt iktar perfett għall-futur: «U jseħħ f’dak il-jum – oraklu tal-Mulej – li int ssejjaħli: Żewġi, u ma ssejaħlix iktar: Sidi… Nagħmlek l-għarusa tiegħi għal dejjem, nagħmlek l-għarusa tiegħi fil-ġustizzja u fid-dritt, fil-ġid u fl-imħabba, ngħarrsek miegħi fil-fedeltà u int issir taf lill-Mulej» (Os 2,18.21-22).

Il-Mulej ma jaqtax qalbu quddiem d-debbolizzi umani, imma jwieġeb għall-infedeltà tal-bnedmin billi jipproponi għaqda iktar stabbli u aktar intima: «Jiena nkabbarhom mill-ġdid għalija fil pajjiż u nħobb lil Mhix-maħbuba: u lil Mhux-poplu-tiegħi ngħidlu: Poplu tiegħi, u hu jgħidli: Alla tiegħi» (Os 2,25).    

L-istess prospettiva ta’ patt ġdid tiġi riproposta minn Ġeremija lill-poplu fl-eżilju: «F’dak iż-żmien – oraklu tal-Mulej – jien inkun Alla għat-tribujiet kollha ta’ Iżrael u huma jkunu l-poplu tiegħi». Hekk jgħid il-Mulej: «Sab grazzja fid-deżert poplu [1072] ta’ maħrubin mix-xabla: Iżrael jinsab fi triqtu lejn għamara kwieta». Mill-bogħod dehrlu l-Mulej: «Ħabbejtek b’imħabba eterna, minħabba f’hekk għad għandi ħniena għalik. Nedifikak mill-ġdid u int tkun riedifikat, verġni ta’ Iżrael» (Ġer 31,1-4).

Minkejja l-infedeltà tal-poplu, l-imħabba eterna ta’ Alla hija dejjem lesta biex terġà tistabilixxi l-patt ta’ mħabba u biex tirregala fidwa li tissupera kull stennija.

4. Ukoll Eżekjel u Iżaija jagħmlu referenza għax-xbiha tal-mara infidila maħfura.

Permezz ta’ Eżekjel il-Mulej jgħid lill-għarusa: «Imma jiena niftakar fil-patt konkluż miegħek fi żmien żgħożitek u nistabilixxi miegħek patt etern » (Eż 16,60). 

Il-Ktieb ta’ Iżaija iġib oraklu sħih ta’ ħniena: «L-Għarus tiegħek huwa l-Ħallieq tiegħek… Għal waqt qasir abbandunajtek imma nerġà nieħdok b’imħabba mmensa. F’waqt ta’ rabja ħbejtlek għal ftit wiċċi, imam bi mħabba perenni ħennejt għalik, jgħid il-feddej tiegħek, il-Mulej» (Iż 54,5.7-8).

Dak imwiegħed lil bint Sion huwa mħabba ġdida u fidila, tama manifika li tissupera l-abbandun tal-għarusa nfidila: «Għidu lil bint Sion: Hekk hu, jasal il-feddej tiegħek; hekk hu għandu miegħu il-ħniena tiegħu, ir-rigal tiegħu jinsab quddiemu. Huma jsejħulu poplu qaddis, mifdi mill-Mulej. U inti tissejjaħ Imfittxiha, Belt mhix abbandunata» (Iż 62,11-12).

Il-profeta jippreċiża: «Ħadd m jsejjaħlek iktar l-Abbandunata, linqas l-art tiegħek ma tkun iktar imsejħa l-Imħarbta, imma int tissejjaħ l-għaxqa Tiegħi u artek, Miżżewġa, għaliex il-Mulej jitgħaxxaq bik u artek ikollha għarus. Iva, bħal għarusa żagħżugħa, hekk jitgħarrsek il-ħallieq tiegħek; kemm jitgħaxxaq l-għarus għall-għarusa, hekk Alla jitgħaxxaq bik» (Iż 62,4-5).

Xbihat u atteġġjamenti ta’ mħabba li l-Kantiku tal-Kantiċi jissintetizza fl-espressjoni: «Jien għall-għażiż tiegħi u l-għażiż tiegħi għalija» (Kt 6,3). Hekk jiġi ripropost f’terminu ideali r-rapport bejn Jahwè u l-poplu tiegħu.

 5. Meta kienet tismà l-qari tal-kitbiet profetiċi Marija kien ikollha tagħmel referenza għal din il-prospettiva, li kienet tkompli żżid f’qalbha t-tama messjanika.

Iċ-ċanfir indirizzat lill-poplu nfidil kien iqanqal fiha impenn iktar imħeġġeġ ta’fedeltà għall-patt, waqt li jiftaħ l-ispirtu tagħha għall-proposta ta’ għaqda sponsali definittiva mal-Mulej fil-grazzja u fl-imħabba. Minn dak il-patt il-ġdid kellha tiġi l-fidwa tad-dinja kollha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb