19. Il-Mimlija bil-grazzja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  08/05/1996.

1. Fir-rakkont tal-Annunzjazzjoni, l-ewwel kelma tat-tislima anġelika: «Ifraħ», tikkostitwixxi stedina għall-ferħ li tfakkar l-orakli tat-Testment il-Qadim indirizzati lil «bint Sijon».

Dan innotajnieh fil-katekeżi preċedenti, waqt li spjegajna wkoll il-mottivi li fuqhom issib is-sisien ta’ tali stedina: il-preżenza ta’ Alla f’mofs il-poplu tiegħu, il-miġja tas-sultan messjaniku u l-fertilità materna. Dawn il-mottivi jsibu f’Marija –twettiq sħiħ.

L-anġlu Ġabriel, waqt li jdur lejn il-Verġni wara t-tislima chaire, «ifraħ», isejħilha kecharitoméne, «mimlija bil-grazzja».

Il-kliem tat-test Grieg chaire u keckaritoméne bejniethom jippreżentaw konnessjoni profonda; Marija hija mistiedna biex tifraħ b’mod speċjali għaliex Alla jħobbha u mliha bil-grazzja minħabba l-maternità divina!      

Il-fidi tal-Knisja u l-esperjenza tal-qaddisin jgħallmu li l-grazzja hija sors ta’ ferħ u li l-veru ferħ jiġi minn Alla. F’Marija, bħal fl-insara, id-don divin jiġġenera ferħ profond.

2. Kecharitoméne: dan it-terminu ndirizzat lil Marija jidher bħal kwalifika propja tal-mara ddestinatha biex issir l-omm ta’ Ġesù. Dan tfakkru b’mod opportun il-Lumen gentium, meta tisħaq: «Il- Verġni ta’ Nażżaret  hija, b’amar ta’ Alla, msellma mill-anġlu ħabbar bħala “mimlija bil-grazzja”».1

Il-fatt li l-messaġġier ċelesti jsejħilha hekk jitfà fuq it-tislima anġelika valur iktar għoli: din hija manifestazzjoni tal-pjan feddej misterjuż ta’ Alla fir-rigward ta’ Marija. Bħal ma ktibt f-enċiklka Redemptoris Mater: «Il-milja tal-grazzja tindika it-twessigħ kollu [1192]soprannaturali, li minnu tibbenefika Marija fir-rigward tal-fatt li hi ġiet magħżula u ddestinata biex tkun Omm Kristu».2

«Mimlija bil-grazzja» , huwa l-isem li Marija tippossiedi fil-għajnejn ta’ Alla.

L-anġlu, infatti, skont ir-rakkont tal-evanġelista Luqa, jerġa jużah qabel ma jippronunzja l-isem ta’ «Marija», waqt li b’hekk jimponi fid-dieher l-aspett prevalenti li l-Mulej jiġbor fir-personalità tal-Verġni ta’ Nażżaret.

L-espressjoni «mimlija bil-grazzja» tittraduċi l-kelma Griega kecharitoméne, li hija partiċipju passiv. Biex tirrendi b’iktar eżattezza l-isfumatura tat-terminu Grieg, m’għandekx għalfejn mela tgħid sempliċement  «mimlija bil-grazzja», imma  «magħmula mimlija bil-grazzja» jew inkella «imfawra bil-grazzja» , li jindika b’mod ċar li dan hu rigal ta’ Alla lill-Verġni. It-terminu f’forma ta’ partiċipju perfett, jissustanzja x-xbiha ta’ grazzja perfetta u dejjiema li timplika milja. L-istess verb, fis-sinifikat ta’ «iżżejjen bil-grazzja», huwa użat fl-Ittra lill-Efesin biex jindika l-abbundanza ta’ grazzja, mogħtija lilna mill-Missier f’Ibnu l-għażiż (Ef 1,6). Marija tirċeviha bħala frott bikri tal-fidwa.3

3. Fil-każ tal-Verġni l-azzjoni ta’ Alla tidher bla dubju sorprendenti. Marija ma tippossiedi ebda titolu uman biex tirċievi l-aħbar tal-miġja tal-Messija. Hi mhix l-qassis il-kbir , rappreżentant uffiċjali tar-reliġjon Ebrajka, u linqas raġel, imma mara żagħżugħa nieqsa minn influss fis-soċjetà ta’ żmienha. Iktar u iktar, hija oriġinarja ta’ Nażżaret, raħal qatt imsemmi fit-Testment il-Qadim. Dan ma kienx igawdi fama tajba, bħal ma jidher minn kliem Nathanael li jinsab fil-Vanġelu ta’ Ġwanni: «Minn Nażzaret tistà qatt toħrog xi ħaġa tajba?» (Ġw 1,46).

Il-karattru straordinarju u ħieles mill-intervent ta’ Alla jirriżulta mill-ġdid iktar evidenti mit-taqbil mat-test ta’ Luqa, li jirreferi għall-ġrajja ta’ Żakkarija.Dwar dan, infatti, hija enfasizzata l-kondizzjoni saċerdotali, kif ukoll l-eżemplarità tal-ħajja li tirrendi lilu u lil martu Eliżabetta, mudelli tal-ġusti għat-Testment il-Qadim: «josservaw  irrispettivament il-liġijiet kollha u l-preskrizzjonijiet tal-Mulej» (Lq 1,6).

L-oriġni ta’ Marija, iżda, ma jiġi linqas indikat: l-esptressjoni «mid-dar ta’ David» (Lq 1,27) tirreferi, infatti, biss għal Ġużeppi. Ma tagħmilx aċċenn imbagħad għall-imġieba ta’ Marija. B’tali għażla letterarja, Luqa  jenfasizza li fiha kollox kien ġej minn grazzja sovrana. Dak li ġralha ma kien ġej minn l-ebda titolu ta’ mertu, imma unikament mill- preferenza divina libera u gratwità.

4. B’dan l-għemil, l-evanġelista bla ebda dubju ma ried  iċekken l-valur personali eżaltat tal-Qaddisa Verġni. Huwa jrid pjuttost jippreżenta lil Marija bħala frott pur tat-tjubija ta’ Alla, li ħa  talment pussess tagħha li rrendiha, skont  l-isem użat mill-Anġlu, «mimlija bil-grazzja». Propju l-abbundanza tal-grazzja issejjes l-għana spiritwali moħbija f’Marija.

Fit-Testment il-Qadim Jahwè jimmanifesta  s-sovrabbundanza ta’ mħabbtu b’diversi modi u f’tant ċirkustanzi. F’Marija, fit-tbexbix tat-Testment il-Ġdid, il-gratuwità tal-ħniena divina tilħaq il-grad suprem. Fiha il-predilazzjoni ta’ Alla mixhuda lill-poplu magħżul, u b’mod partikolari lill-umli u lill-fqjrin, tilħaq il-quċċata tagħha.

Imħeġġa mill-Kelma tal-Mulej u mill-esperjenza tal-qaddisin, il-Knisja tħeġġeġ lil dawk li jemmnu biex iżommu ħarsthom imdawra lejn l-Omm tal-Feddej u biex iħossu ruħhom bħalha maħbubin minn Alla. Tistedinhom biex jaqsmu l-umiltà u l-faqar  sabiex, waqt li jsegwu l-eżempju tagħha u grazzi għall-interċessjoni tagħha jkunu jistgħu jipperseveraw fil-grazzja divina li tqaddes u tibdel il-qlub.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 56.
2 Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 9.
3 Cf. Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 10.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb