20. Il-Qdusija Perfetta ta’ Marija


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  15/05/1996.

1. F’Marija «mimlija bil-grazzja», Il-Knisja għarfet «il-kollha qaddisa u meħlusa minn kull tebgħa ta’ dnub», «imżejna sa minn l-ewwel waqt tal-konċepiment tagħha bis-sbuħijiet ta’ qdusija għal kollox singolari ».1

Dan l-għarfien talab itinerarju twil ta’ riflessjoni duttrinali, li fl-aħħar wassal għall-proklamazzjoni sollenni tad-domma ta-Immakulata Konċezzjoni.

It-titolu «magħmula mimlija bil-grazzja», indirizzat lil Marija mill-anġlu fl-Annunzjazzjoni, jaċċenna għall-favur divin eċċezzjonali  mogħti liż-żagħżugħa ta’ Nażżaret minħabba l-maternità mħabbra, imma jindika b’mod iktar dirett l-effett f’Marija tal-grazzja divina; Marija intimament u stabilment mimlija bil-grazzja u allura mqaddsa. Il-kwalifika kecharitoméne għandha sinifikat l-iktar dens, li l-Ispirtu Santu qatt ma qatà li jkompli jkun  analizzat mill-Knisja.

2. Fil-katekeżi preċedenti jien innutajt li fit-tislima tal-anġlu l-espressjoni «mimlija bil-grazzja» għandha kważi valur ta’ isem: hija l-isem ta’ Marija għall-għajnejn ta’ Alla. Fl-użu semitiku, l-isem jesprimi r-realtà tal-persuni u tal-affarjiet li għalihom wieħed jirreferi. Konsegwentement, it-titolu «mimlija bil-grazzja» jimmanifesta d-dimensjoni l-iktar profonda tal-personalità taż-żagħżugħa ta’ Nażżaret; sa tali punt  magħġuna mill-grazzja u oġġett tal-favur divin, li tistà tkun iddefinita minn din il-preferenza speċjali.

Il-Konċilju jfakkar li għal tali verità kienu jimplikaw is-Santi Padri tal-Knisja meta kienu jsejħu lil Marija  «il-Kollha qaddisa», waqt li fl-istess ħin kienu jenfasizzaw li hi kienet «mill-Ispirtu Santu kważi magħġuna u magħmula krejatura ġdida».2

Il-grazzja, mifhuma fis-sinifikat ta’ «grazzja santifikanti» li taħdem il-qdusija personali, wettqet f’Marija l-ħolqien il-ġdid, waqt li għamlitha pjenament konformi mal-proġett ta’ Alla.

3. Hekk, ir-riflessjoni duttrinali setgħet tattribwixxi lil Marija perfezzjoni ta’ qdusija li, biex tkun kompluta, kellha b’mod neċessarju tinvesti l-oriġni ta’ ħajjitha.

Fid-direzzjoni ta’ din il-purezza oriġinali donnu mexa isqof tal-Palestina, li għex bejn is-snin 550 u 650, Theoteknos ta’ Livias. Hu, waqt li ppreżenta lil Marija bħala «qaddisa u kollha sabiħa», «pura u bla tebgħa», jirreferi għat-twelid tagħha b’dawn it-termini: «Twieldet bħall-Kerubini, dik li hija  ta’ tafal pur u immakulat».3

Din l-aħħar espressjoni, waqt li tfakkar il-ħolqien tal-ewwel bniedem,  immudellat minn tafal mhux imtebbà bid-dnub, jattribwixxi lit-twelid ta’ Marija l-istess karatteristiċi: ukoll l-oriġni tal-Verġni kien «pur u immakulat», jiġifieri mingħajr ebda dnub. Il-paragun mal-kerubini, barra minn dan,  itenni l-eċċellenza tal-qdusija li kkaratterizzat il-ħajja ta’ Marija sa mit-tbexbix tal-eżistenza tagħha.

L-istqarrija ta’ Theoteknos timmarka stadju sinifikattiv tar-riflessjoni tejoloġika dwar il-misteru ta’ Omm il-Mulej. Is-Santi Padri Griegi u orjentali kienu ammettew purfikazzjoni  mwettqa mill-grazzja f’Marija kemm qabel l-Inkarnazzjoni, kif ukoll fil-waqt stess tal-Inkarnazzjoni.5

Theoteknos ta’ Livias donnu  jerġà jitlob għal Marija purezza assoluta sa mill-bidu ta’ ħajjitha. Infatti, Dik li kienet iddestinata li ssir Omm il-Feddej ma setgħetx ma jkollhiex oriġni perfettament qaddis, mingħajr ebda tebgħa.

4. Fis-seklu VIII, Andrea ta’ Kreta, huwa l-ewwel tejologu li jara fit-twelid ta’ Marija ħolqien ġdid. Huwa jargumenta b’dan il-mod: «Illum l-umanità, fl-isplendur kollu tan-nobiltà immakulata tagħha, tirċievi s-sbuħija antika tagħha.  Il-mistħijiet tad-dnub kienu ċajpru l-isplendur u s-seħer tan-natura umana; imma meta titwieled Marija tas-Sbuħija per eċċellenza, din in-natura tirkupra, fil-persuna tagħha, il-privileġġi antiki tagħha u tfassal ruħha skont il-mudell perfett u tassew dehen ta’ Alla… 

Illum ir-riforma tan-natura tagħna tibda u d-dinja mxejħa, mrażżna għal trasformazzjoni kollha kemm hi divina, tirċievi   l-prodott bikri tat-tieni ħolqien».6

Imbagħad waqt li jerġà jaqbad ix-xbiha primittiva tat-tafal, hu jenfasizza: «Il-ġisem tal-Verġni huwa art li Alla ħadem, il-frott bikri tal-massa adamitika divinizzata fil-Kristu, ix-xbiha tixbaħ tassew lis-sbuħija primittiva,  it-tafal  magħġun mill-idejn tal-Artist divin».7

Il-Konċezzjoni pura u immakulata ta’ Marija tidher b’dan il-mod bħala l-bidu tal-ħolqien il-ġdid. Dan huwa privileġġ personali mogħti lill-mara magħżula biex tkun Omm Kristu, li tinawgura ż-żmien tal-grazzja abbundanti, mixtieq minn Alla għall-umanità kollha. 

Din id-duttrina, mibdija mill-ġdid fl-istess seklu VIII minn San Ġermanu ta’ Kostantinopli u minn San Ġwann Damaxxenu, iddawwal il-valur tal-qdusija oriġinali ta’ Marija, ippreżentata bħala l-bidu tal-fidwa tad-dinja.

B’tali mod ir-riflessjoni ekkleżjali timplimenta u twettaq is-sens awtentiku tat-titolu «mimlija bil-grazzja», attribwit mill-anġlu lill-Verġni Qaddisa. Marija hija mimlija bi grazzja santifikanti, u hija hekk, sa minn l-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha. Din il-grazzja, skont l-Ittra lill-Efesin (Ef 1,6), tiġi  mogħtiha fi Kristu ll dawk kollha li jemmnu. Il-qdusija oriġinali ta’ Marija tikkostitwixxi l-mudell insuperabbli tar-rigal u tat-tixrid tal-grazzja ta’ Kristu fid-dinja.

NOTI
1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 56.
2 Ibidem.
3 Theoteknos di Livias, Panegirico per la festa dell’Assunzione, 5-6.
4 S. Gregorio Nazianzeno, Oratio 38, 16. 
5 Cf. S. Efrem, Severiano di Gabala, Giacomo di Sarug.
6 Andrea di Creta, Serm. I sulla Natività di Maria.
7 Andrea di Creta, Serm. I sulla Dormizione di Maria.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb