26. Il-verġinità ta’ Marija, verità ta’ fidi


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  10/07/1996.

1. Il-Knisja  emmnet b’mod kostanti il-verġinità ta’ Marija verità tal fidi, waqt li laqgħet u approfondiet ix-xhieda tal-Vanġeli ta’ Luqa, ta’ Mattew u, probabilment ukoll ta’ Ġwanni.

Fl-episodju tal-Annunzjazzjoni, l-evanġelista Luqa jsejjaħ lil Marija «verġni», waqt li jirreferi kemm għall-intenzjoni tagħha li tippriserva fil-verġinità  kif ukoll bħal fil-pjan ta’ Alla li   jirrikonċilja tali proposta mal-matrnità  tal-għaġeb tagħha. L-istqarrija tal-konċepiment verġinali,  dovut lill-azzjoni tal-Ispirtu Santu, jeskludi kull ipotesi ta’ partenoġeżi naturali u jwarrab it-tentattivi ta’ spjega tar-rakkont luqan bħala twettiq ta’ tema Ġudajka jew bħala derivazzjoni ta’ leġġenda mitoloġika pagana.

l-istruttura tat-test luqan (cf. Lqc 1,26-38; 2,19.51) tirreżisti għal kull interpretazzjoni riduttiva. Il-konsistenza tagħha ma tippermettix li ssostni b’mod validu tbiċċir tat-termini jew tal-espressjonijiet li jenfasizzaw il-konċepiment verġinali operat mill-Ispirtu Santu.

2. L-evanġelista Mattew, waqt li jirreferi għall-aħbar tal-anġlu lil Ġużeppi, jsostni  flimkien ma’ Luqa l-konċepiment operat «mill-Ispirtu Santu» (Mt 1,20) bl-esklużjoni ta’ relazzjonijiet konjugali. 

Il-ġenerazzjoni verġinali ta’ Ġesù, barra minn dan, tiġi kkomunikatha lil Ġużeppi  sussegwentement: din mhix għalih stedina biex jagħti l-kunsens tiegħu  qabel il-konċepiment tal-Iben ta’ Marija, frott tal-intervent soprannaturali tal-Ispirtu Santu u tal-koperazzjoni tal-omm biss [76]. Hu huwa biss ikkuntattjat biex jaċċetta b’mod liberu r-rwol tiegħu ta’ għarus tal-verġni u tal-missjoni paterna fir-rigward tat-tarbija.

Mattew jippreżenta l-oriġini verġinali ta’ Ġesù bħala twettiq tal-profezija ta’ Iżaija: «Hekk hu, il-verġni tnissel u twelled iben li jkun jismu Emmanuel, li jfisser Alla magħna » (Mt 1,23; cf: Iż 7,14). B’tali mod Mattew jasal biex jikkonkludi li l-konċepiment verġinali kien oġġett ta’ riflessjoni fl-ewwel komunità nisranija, li nkludiet il-konformità mal-pjan divin ta’ fidwa u  l-konnessjoni mal-identità ta’ Ġesù, «Alla magħna».

3. Differenti minn Luqa u Mattew, il-Vanġelu ta’ Marku ma jgħid xejn dwar il-konċepiment u t-twelid ta’ Ġesù: madankollu, huwa dehen ta’ notazzjoni li Marku ma jsemmi qatt lil Ġużeppi, l-għarus ta’ Marija. Ġesù huwa msejjaħ «Bin Marija» min-nies ta’ Nażżaret inkella f’kuntest ieħor, «Bin Alla» iktar minn darba (Mt 3,11; 5,7; cf. 1,1.11; 9,7; 14,61-62; 15,39). Dawn id-dati jaqblu mal-fidi fil-misteru tal-ġenerazzjoni verġinali tiegħu. 

Tali verità, skont sejba eseġetika riċenti, hija  inkluża b’mod espliċitu fil-vesett tal-Prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, li diversi ilħna awtorevoli antiki (per eżempji, Irinew u Tertulljanu) jippreżentaw, mhux fil-forma plurali tas-soltu, imma fis-singular: « Hu, li mhux mid-demm linqas mir-rieda tal-ġisem, linqas mir-rieda ta’ bniedem, imma minn Alla kien iġġenerat».

Din il-verżjoni fis-singular tagħmel mill-Prologu Ġovannesk waħda mill-istqarrijiet maġġuri tal-ġenerazzjoni verġinali ta’ Ġesù,  imdaħħla fil-kuntest tal-misteru tal-Inkarnazzjoni.

L-istqarrija paradossali ta’ Pawlu: «Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara… sabiex nirċievu l-addozzjoni ta’ wlied»  (Gal 4,4-5), tiftaħ it-triq għall-mistoqsija dwar il-personalità ta’ tali Iben u allura dwar it-twelid verġinali tiegħu.

Din ix-xhieda uniformi tal-Vanġeli tiċċertifika kif il-fidi fil-konċepiment verġinali ta’ Ġesù huwa radikat b’mod sod f’diversi ambjenti tal-Knisja primittiva. U dan iwarrab minn kull sies diversi nterpretazzjonijiet riċenti, li  jifhmu l-konċepiment verġinali f’sens mhux fiżiku jew bijoloġiku, imma biss simbolku jew metaforiku: dan jindika lil Ġesù bħala don ta’ Alla lill-umanità. L-istess ħaġa għandha tingħad għall-opinjoni mressqa minn oħrajn, skont liema r-rakkont tal-konċepiment verġinali huwa  minflok   theologoumenon, jiġifieri mod ta’ kif wieħed jesprimi duttrina tejoloġika, dik tal-filjazzjoni divina ta’ Ġesù jew tkun rappreżentazzjoni mitoloġika tiegħu.

Kif rajna, il-Vanġeli fihom l-istqarrija espliċita ta’ konċepiment verġinali ta’ ordni bijoloġiku, operat mill-Isprtu Santu, u tali verità għamlitha tagħha l-Knisja sa mill-ewwel formulazzjonijiet tal-fidi.1

4. Il-fidi mistqrrha fil-Vanġeli tiġi mwettqa, mingħajr interruzzjonijiet, fit-tradizzjoni suċcessiva. Il-formuli ta’ fidi tal-ewwel awturi nsara jassumu  l-allegazzjoni tat-twelid verġinali: Aristide, Ġustinjanu, Irinew, Tertulljanu jaqblu ma’ Sant Injazju ta’ Antijokja, li jipproklama lil Ġesù  «tassew imwieled min verġni».2

Dawn l-awturi jridu jitkellmu minn ġenerazzjoni ta’ Ġesù reali u storika, u huma ‘l bogħod milli jistqarru verġinità  morali biss, jew don vag ta’ grazzja, li mmanifesta ruħu fit-twelid tat-tarbija.

Id-definizzjonijiet sollenni ta’ fidi tal-Konċilji ekumeniċi u tal-Maġisteru Pontifiċju, li jsegwu l-ewwel formuli ta’ fidi, jaqblu b’mod perfett ma’ tali verità. Il-Konċilju ta’ Kalċedonja (451), fil-professjoni ta’ fidi tiegħu, miġbura b’mod rett u bil-kontenut definit b’mod infallibli, jisħaq li Kristu kien «iġgenerat … skont l-umanità, fl-aħħar jiem, għalina u għall-fidwa tagħna, minn Marija Verġni, Omm Alla».3 Bl-istess mod it-III Konċilju ta’ Kostantinopli (681) jipproklama li Ġesù Kristu kien «iġġenerat… skont l-umanità, mill-Ispirtu Santu u minn Marija Verġni, dik li hija propjament u fil-verità kollha Omm Alla».4 Konċilji ekumeniċi oħra (Kostantinoplitan II, Lateranensi IV e Lionese II) jiddikjaraw lil Marija[78] «dejjem verġni», waqt li  jenfasizzaw il-verġinità perpetwa.5 Tali stqarrijiet reġgħu ġew irkuprati mill-Konċilju Vatikan II, waqt li jenfasizza l-fatt li Marija «minħabba l-fidi tagħha u l-ubbidjenza tagħha… iġġenerat fuq l-art l-istess Iben tal-Missier, mingħajr ma għarfet raġel, imma taħt id-dell tal-Ispirtu Santu».6

Mad-definizzjonijiet konċiljari jiġu mbagħad miżjuda dawk tal-Maġisteru Pontifiċju, li għandhom x’jaqsmu mal-immakulata konċezzjoni tal- «Beatissima Verġni Marija»7 u mal-Assunzjoni tal-«Immakulata Omm Alla dejem Verġni».8

5. Ukoll jekk id-definizzjonijiet tal-Maġisteru, bl-eċċezzjoni tal-Konċilju Lateranensi tas-sena 649, mgħajjat mill-Papa Martin I, ma jippreċiżawx is-sens tat-titolu «verġni», huwa ċar li tali terminu jiġi wżat fis-sens abitwali: l-astensjoni voluntarja mill-atti sesswali u l-preservazzjoni tal-integrità korporali. Hu x’inhu l-integrità hija miżmuma bħala essenzjali għall-verità ta’ fidi tal-konċepiment verġinali ta’ Ġesù.9

Id-deskrizzjoni ta’ Marija bħala «Qaddisa, dejjem Verġni, Immakulata» tqanqal l-attenzjoni dwar ir-rabta bejn il-qdusija u l-verġinità. Marija riedet ħajja verġinali, minħabba li kienet imħeġġa minn xewqa li tagħti qalbha kollha lil Alla. 

L-espressjoni wżatha fid-definizzjoni tal-Assunzjoni,  «l-Immakulata Omm Alla dejjem verġni» tissuġġerixxi wkoll il-konnessjoni bejn il-verġinità u l-maternità ta’ Marija: żewġ prerogattivi magħquda b’mod mirakoluż fil-ġenerazzjoni ta’ Ġesù, veru Alla u veru bniedem. Hekk il-verġinità ta’ Marija hija marbuta b’mod intimu mal-maternità divina u l-qdusija perfetta tagħha.

NOTI

1 Cf. Catechismo della Chiesa Cattolica, 496.
2 Sant’Ignazio di Antiochia, Smirn. 1,2.
3 Denz.-Schön., 301.
4 Denz.-Schön., 555.
5 Denz.-Schön., 423, 801, 852, 842.
6 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 63.
7 Denz.-Schön., 2803.
8 Denz.-Schön., 3903.
9 Cf. Catechismo della Chiesa Cattolica, 496.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb