31. Marija dejjem-verġni ( «aeiparthenos»)


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  28/08/1996.

 1. Il-Knisja mmanifestat b’mod kostanti l-fidi propja fil-verġinità perpetwa ta’ Marija. It-testi l-iktar antiki meta jirreferu għall-konċepiment ta’ Ġesù, isejħu lil Marija sempliċement «Verġni», waqt li madankollu jħallu jinftiehem li kienu jżommu tali kwalità bħala fatt permanenti, riferut għall-ħajja tagħha kollha.

L-insara tal-ewwel sekli esprimew tali konvinzjoni ta’ fidi permezz tat-terminu Grieg aeiparthenos – «dejjem verġni» –, maħluq biex jikwalifika b’mod uniku u effikaċi l-persuna ta’ Marija, u jesprimu b’kelma waħda l-fidi tal-Knisja fil-verġinità perpetwa tagħha. Dan insibuh użat fit-tieni simbolu ta’ fidi ta’ Sant’Epifanju fis-sena 374, fir-rigward tal-Inkarnazzjoni: L-Iben ta’ Alla «inkarna ruħu, jew aħjar kien iġġenerat b’mod perfett minn Santa Marija, id-dejjem verġni,  permezz tal-Ispirtu Santu».1

L-espressjoni «dejjem Verġni» terġà tittieħed mill-Konċilju ta’ Kostantinopli (553), li jiddikjara: il-Verb ta’ Alla, «inkarnat mill-qaddisa glorjuża Omm Alla u dejjem Verġni Marija, twieled minnha».2 Din id-duttrina tiġi mwettqa minn żewġ Konċilji Ekumeniċi oħra, il-Lateranensi IV (1215)3 u t-tieni Konċilju ta’ Lyon (1274),4 u mit-test tad-definizzjoni tad-domma tal-Assunzjoni (1950),5 li fih il-verġinità perpetwa ta’ Marija tiġi magħżula fost il-mottivi tal-elevazzjoni tagħha bil-ġisem u r-ruħ għall-glorja ċelesti.

2. Permezz ta’ formula sintetika, it-tradizzjoni tal-Knisja ippreżentat lil Marija bħala «verġni qabel it-twelid, fit- twelid, wara t-twelid», waqt li ssostni, permezz tal-indikazzjoni ta’ dawn il-waqtiet, li hija qatt ma qatgħet li tkun verġni.

Mit-tlieta, l-istqarrija tal-verġinita «qabel it-twelid» hija bla ebda dubju, l-iktar importanti, għaliex tirreferixxi għall-konċepiment ta’ Ġesù u tmiss b’mod dirett il-misteru stess tal-Inkarnazzjoni. Sa mill-bidu hija preżenti b’mod kostanti fil-fidi tal-Knisja.

Il-verġinità «fit-twelid» u  «wara t-twelid», għalkemm miġbura b’mod impliċitu fit-titlu ta’ verġni, attribwit lil Marija diġa fit-tbexbix tal-Knisja, isir oġġett dottrinali approfondit  meta  xi wħud jibdew b’mod espliċitu jpoġġuha fid-dubju. Il-Papa Ormisida jippreċiża li «l-iben ta’ Alla sar Bin il-bniedem, imwieled fiż-żmien fil-mod ta’ bniedem, billi fetaħ għat-twelid il-ġuf tal-omm (cf. Lq 2,23) u, bil-qawwa ta’ Alla, billi ma kisirx il-verġinità tal-omm».6 Id-duttrina hija kkonfermata mill-Konċilju Vatikan II, li fih hemm iddikjarat li l-Iben primoġenitu ta’ Marija «ma naqqasx l-integrità verġinali tagħha, imma kkonsagraha».7 Fir-rigward tal-verġinità wara t-twelid, wieħed irid qabel xejn  jinnota li mhemmx mottivi biex wieħed jaħseb li r-rieda li tibqà verġni, manifestata minn Marija fil-waqt tal-Annunzjazzjoni inbidlet suċcessivament. Barra minn dan, is-sens immedjat tal-kliem: (cf. Lq 1,34), «Mara, hemm hu ibnek», «Hemm hi ommok» (Ġw 19,26), li Ġesù minn fuq is-salib jindirizza lil Marija u lid-dixxiplu maħbub, iġegħlna ninnutaw sitwazzjoni li teskludi l-preżenza ta’ wlied oħra mwielda minn Marija.

Dawk li jiċħdu l-verġinità wara t-twelid ħasbu li se jsibu argument konvinċenti fit-terminu «primoġenitu», attribwit lil Ġesù fil-Vanġelu (Lq 2,7), kważi li tali frażi tħalli li wieħed jissopponi li Marija ġġenerat ulied oħra wara Ġesù. Imma l-kelma «primoġenitu» litteralment tfisser «tifel mhux ippreċedut minn ieħor» u. minnha nfiha  tinjora l-eżistenza ta’ wlied oħra. Barra minn hekk l-evanġelista jenfasizza din il-karatteristika tat-Tifel,  minħabba li mat-twelid tal-primoġenitu kienu marbutin diversi  twettiqiet importanti propji tal-liġi Lhudija, indipendentement mill-fatt li l-omm tkun welldet ulied oħra. Kull iben uniku, mela,  kien jaqà mill-ġdid taħt il-preskrizzjoni, għaliex «iġġenerat l-ewwel» (cf. Lq 2,23).

3. Skont xi wħud, il-verġinità ta’ Marija wara t-twelid tiġi miċħuda minn dawk t-testi evanġeliċi li jfakkru l-eżistenza ta’ erbà  «aħwa ta’ Ġesù»: Ġakbu, Ġużeppi. Xmun u Ġuda (cf. Mt 13,55-56; Mk 6,3), u ta’ diversi ħutu bniet.

Jeħtieġ niftakru, li, fl-Ebrajk kif ukoll fl-Aramajk, ma teżistix kelma partikolari biex tesprimi l-kelma «kuġin» u li, allura, it-termini «ħu» u «oħt» kellhom sinifikat wiesà ħafna, li kien iħaddan diversi gradi ta’ parentela. Fir-realtà, bit-terminu «aħwa ta’Ġesù» jiġu ndikati «l-ulied» ta’ waħda Marija dixxipla ta’ Kristu (cf. Mt 27,56), li hija msemmija b’mod sinifikattiv bħala «Marija l-oħra» (Mt 28,1). Din kienet waħda mill-qraba  tassew qrib ta’ Ġesù, skont espressjoni mhix inużwali fit-Testment il-Qadim.8

Marija Santissima hija mela d-«dejjem Verġni». Din il-prerogattiva tagħha hija l-konsegwenza tal-maternità divina, li ikkonsagratha totalment għall-missjoni feddejja ta’ Kristu.

NOTI

1 Sant’Epifanio, Ancoratus, 119, 5; Denz.-Schön., 44.
2 Denz.-Schön., 422.
3 Denz.-Schön., 801.
4 Denz.-Schön., 852.
5 Denz.-Schön., 3903.
6 Denz.-Schön., 368.
7 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 57.
8 Catechismo della Chiesa Cattolica, 500.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.