32. Il-qaddejja ubbidjenti tal-Mulej


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  04/09/1996.

1. Il-kliem ta’ Marija fl-Annunzjazzjoni: «Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej,ħa jsir minni dak li għidtli» (Lq 1,38) jixhed atteġġjament karatteristiku tar-reliġjożità Ebrajka. Mosè, fil-bidu tal-Patt il-Qadim, bi tweġiba għas-sejħa tal-Mulej, kien ipproklama ruħu qaddej tiegħu (cf. Es 4,10; 14,31).

Fl-avvent tal-Patt il-Ġdid, ukoll Marija twieġeb lil Alla b’att ta’ sottomissjoni libera u ta’ abbandun  konxju għar-rieda tiegħu, waqt li mmanifestat disponibiltà sħiħa li tkun il-qaddejja tal-Mulej».

 Il-kwalifika ta’ «qaddej» ta’ Alla  torbot fit-Testment il-Qadim lil dawk kollha li huma msejħa biex iwettqu missjoni favur il-poplu magħżul: Abraham (Ġn 26,24), Iżakk (Ġn 24,14), Ġakobb (Es 32,13; Ez 37,25), Ġożwè (Ġż 24,29), David (2Sam 7,8, eċċ.).

Huma qaddejja wkoll il-profeti u s-saċerdoti, li lilhom huwa afdat id-dmir li jiffurmaw lil poplu għas-servizz fidil tal-Mulej. Il-ktieb tal-profeta Iżaija jeżalta fil-ħlewwa tal-«Qaddej sofferenti» mudell ta’ fedeltà lil Alla fit-tama ta’ riskatt għad-dnubiet tal-kotra (cf. Iż 42-53). Eżempji ta’ fedeltà joffru wkoll diversi nisa, bħas-sultana Ester, li qabel ma tinterċedi għas-salvazzjoni tal-Lhud, tagħżel talba lil Alla, waqt li ssejjaħ lilha nfisha bosta drabi «l-qaddejja tiegħek» (Est 4,17).

2. Marija, il-«mimlija bil-grazzja», waqt li tipproklama lilha nfisha «qaddejja tal-Mulej» feħsiebha timpenja ruħha biex twettaq personalment b’mod perfett is-servizz li Alla jistenna mill-poplu kollu.

Il-kliem: «Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej» iħabbru bil-quddiem lil Dak li dwaru nnifsu jgħid: «Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa ta’ bosta» (Mk 10,45; cf. Mt 20,28). L-Ispirtu Santu jwettaq, b’dan il-mod, bejn lOmm u l-Iben armonija ta’ dispożizzjonijiet intimi, li jippermetti lil Marija biex tassumi b’mod sħiħ ir-rwol matern tagħha qrib Ġesù, waqt li takkumpanjah fil-missjoni tiegħu ta’ Qaddej.

Fil-ħajja ta’ Ġesù r-rieda li jaqdi hija kostanti u sorprendenti: bħala l-Iben ta’ Alla, huwa nfatti setà bir-raġun kollu jġiegħel li jkun moqdi. Waqt li attribwixxa lilu nnifsu t-titolu ta’ «Bin il-bniedem», dwar liema l-ktieb ta’ Danjel  isostni: «Il-ġnus kollha, nazzjonijiet u ilsna kienu jaqduh» (Dn 7,14), setà jippretendi li jiddomina fuq l-oħrajn. Iżda, waqt li ssielet il-mentalità taż-żmien espress mill-aspirazzjoni tad-dixxipli għall-ewwel postijiet (cf. Mk 9,34) u mill-protesta ta’ Pietru wqt il-ħasil tar-riġlejn (cf. Ġw 13,6), Ġesù ma riedx ikun moqdi, imma jixtieq jaqdi sa ma jagħti totalment ħajtu fl-opra tal-fidwa.

3. Ukoll Marija, minkejja li kienet taf bid-dinjità l-iktar għolja msawba fuqha, għall-aħbar tal-anġlu b’mod spontanju tiddikjara lilha nfisha «qaddejja tal-Mulej». F’dan l-impenn ta’ servizz hija tinkludi wkoll l-intenzjoni li taqdi l-proxxmu, bħal ma juri l-kollegament bejn l-episodji tal-Annunzjazzjoni u tal-Viżitazzjoni: mgħarrfa mill-anġlu li Eliżabbetta qed tistenna t-twelid ta’ iben, Marija terħilha għal vjaġġ u tilħaq  «bil-għaġġla» (Lq 1,39) il-Ġudea biex tgħin lil qaribtha fit-tħejjijiet għat-twelid tal-iben b’disponiblità sħiħa. B’dan il-mod hija toffri lill-insara ta’ kull żmien mudell sublimi ta servizz.

Il-kliem: «Ħa jsir minni dak li għidtli» (Lq 1,38) juri f’Dik li tiddikjara ruħha qaddejja tal-Mulej, ubbidjenza totali għar-rieda ta’ Alla. It-terminu genoito, «ħa jsir», użat minn Luqa, jesprimi mhux biss aċċettazzjoni, imma assunzjoni konvinta tal-proġett divin, magħmul propju b’impenn tar-riżorsi personali kollha.

4. Waqt li taqbel mar-rieda divina, Marija tantiċipa u tagħmel propju l-atteġjament ta’ Kristu li, skont l-Ittra lil-Lhud, waqt li jidħol fid-dinja, jgħid: «Inti la ridt sagrifiċċju linqas offertà, minflok ħejjejtli ġisem… Allura għidt: Hawn jien, niġi…biex nagħmel, o Alla, ir-rieda tiegħek» (Eb 10,5-7; Sal 40 (39),7-9).

Il-ħlewwa ta’ Marija tħabbar u tara minn qabel, ukoll, dik espressa minn Ġesù fil-kors ta’ ħajtu pubblika sal-Kalvarju. Kristu jgħid: «Ikli huwa li nagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħatni u nwettaq l-opra tiegħu» (Ġw 4,34). F’din l-istess linja Marija tagħmel mir-rieda tal-Missier il-bidu ispiratur tal-eżistenza kollha tagħha, waqt li tfittex mill-ġdid fiha il-qawwa meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni afdatha lilha.

Jekk fil-waqt tal-Annunzjazzjoni Marija għadha ma tafx is-sagrifiċċju li jikkaratterizza l-missjoni ta’ Kristu, il-profezija ta’ Xmun iġġagħlha tara minn qabel d-destin traġiku tal-Iben (cf. Lq 2,34-35).

Il-Verġni tassoċja ruħha b’partiċipazzjoni ntima. Bl-ubbidjenza totali tagħha għar-rieda divina, Marija hija lesta biex tgħix dak kollu li l-imħabba divina tipproġetta għall-eżistenza tagħha, sax-«xabla» li taqsmilha ruħha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.