33. Marija «Eva l-ġdida»


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  18/09/1996.

1. Waqt li jikkummenta l-episodju tal-Annunzjazzjoni, il-Konċilju Vatikan II  jenfasizza b’mod speċjali il-valur tal-kunens ta’ Marija għall-kliem tal-messaġġier divin. Differenti minn dak li jseħħ f’rakkonti bibbliċi, dan huwa espressament mistenni mill-anġlu: «Ried il-Missier tal-ħniena li l-aċċettazzjoni ta’ dik li kienet predestinata biex tkun l-omm tiġi qabel l-Inkarnazzjoni, sabiex hekk, bħal ma mara kienet ikkontribwiet biex tagħti l-mewt, mara tikkontribwixxi biex tagħti l-ħajja ».1

Il-Lumen gentium tfakkar il-kuntrast bejn l-imġieba ta’ Eva u ta’ Marija, illustrat b’dan il-mod minn Sant’Irinew: «Bħal ma dik – jiġifieri Eva – kienet imħajra mid-diskors ta’ anġlu, b’mod li tevita lil Alla billi tikser kelmtu, hekk din – jiġifieri Marija – tirċievi l-aħbar tajba minn diskors ta’ anġlu, b’mod li ġġorr , Alla, billi tobdi kelmtu; u kif dik kienet imħajra b’mod li ma tobdix lil Alla, din ħalliet lilha nfisha tiġi pperswaduta biex tobdi lil Alla, u hekk tal-verġni Eva il-Verġni Marija saret l-avukata. U kif il-ġeneru uman kien ġie ssuġġettat għall-mewt minn verġni, ġie meħlus minn Verġni; hekk id-diżubbidjenza ta’ verġni ġiet kontrabilancjatha mill-ubbidjenza ta’ Verġni… ».2

2. Fil-pronunzja tal-«iva» totali tagħha għall-proġett divin, Marija hija libera b’mod sħiħ quddiem Alla. Fl-istess ħin hija tħossha  personalment responsabbli fil-konfront tal-umanità, li l-futur tagħha huwa marbut mat-tweġiba tagħha.

Alla jagħti f’idejn il-mara żagħżugħa d-destin ta’ kulħadd, L- «iva» ta’ Marija timponi l-premessa biex jitwettaq il-pjan li, fl-imħabba tiegħu, Alla ħejja għall-fidwa tad-dinja.

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolka jerġà jiġbor fil-qosor b’mod sintetiku u effikaċi l-valur deċiżiv għal kollha kemm hi l-umanità tal-kunsens liberu ta’ Marija għall-pjan divin tal-fidwa. «Marija Verġni ikkoperat għall-fidwa tal-bniedem b’fidi u ubbidjenza liberi. Qalet il-“fiat” tagħha “loco totius humanae naturae – f’isem l-umanità kollha”: għall-ubbidjenza tagħha saret l-Eva l-ġdida, omm il-ħajjin».3

3. Bl-imġieba tagħha, Marija tfakkar meta lil kull wieħed u waħda minna r-responsaabiltà gravi li nilqgħu l-proġett divin dwar ħajjitna. Waqt li tobdi mingħajr riservi għar-rieda feddejja ta’ Alla, murija fil-kelma tal-anġlu, hija timponi ruħha bħala mudell għal dawk li l-Mulej jipproklama beati, minħabba  li  «jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u josservawha». Ġesù, bit-tweġiba lil mara li, minn qalb il-folla, tipproklama beata lil ommu, juri l-mottiv veru tal-bejatitudni ta’ Marija: il-qbil mar-rieda ta’ Alla, li mexxietha għall-aċcettazzjoni tal-maternità divina.

Fl-Enċiklika Redemptoris Mater jien erġajt urejt li l-maternità spiritwali ġdida, li dwarha jitkellem Ġesù, tirrigwarda fl-ewwel post propju lilha.

Infatti «mhix jewwilla Marija l-ewwel waħda fost “dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jpoġġuha fil-prattika”? U allura ma tirrigwardax speċjalment lilha dik l-benedizzjoni ppronunzjatha minn Ġesù bi tweġiba għall-kliem tal-mara anonima?».4 Marija hekk tiġi f’ċertu sens ipproklamata bħala l-ewwel dixxiplu ta’ Binha5 u, bl-eżempju tagħha, tistieden lil dawk kollha li jemmnu biex iwieġbu b’mod ġeneruż għall-grazzja tal-Mulej.

4. Il-Konċilju Vatikan II jinsisti li juri d-dedikazzjoni totali ta’ Marija għall-persuna u għall-opra ta’ Kristu: «Offriet ruħha totalment[374]bħala l-qaddejja tal-Mulej għall-persuna u għall-opra tal-Iben tagħha, waqt li poġġiet ruħha għas-servizz tal-misteru tal-fidwa taħtu u miegħu bil-grazzja ta’ Alla omnipotenti».6

Id-dedikazzjoni għall-persuna u għall-opra ta’ Ġesù għal Marija tfisser l-għaqda intima mal-Iben, l-impenn matern biex tippromwovi t-trobbija umana tiegħu u l-koperazzjoni għall-opra ta’ fidwa tiegħu.

Marija teżerċita dan l-aħħar aspett tad-dedikazzjoni tagħha għal Ġesù «taħtu», jiġifieri f’kundizzjoni ta’ subordinazzjoni, li hija frott tal-grazzja. Din però hija vera koperazzjoni, għaliex titwettaq «miegħu» u tinħtieġ, nibdew mill-Annunzjazzjoni, parteċipzzjoni attiva fl-opra feddejja.

«Ġustament mela – josserva il-Konċilju Vatikan II – is-Santi Padri jsostnu li Marija ma kinitx strument sempliċement passiv fl-idejn ta’ Alla, imma li kkoperat għall-fidwa tal-bniedem b’fidi libera u ubbidjenza. Infatti, bħal ma jgħid Sant’Irinew, hija “waqt li obdiet saret il-kawża tal-fidwa għaliha [Eva] u għall-ġeneru uman kollu” (Adv. Haer. 3,22,4)».7

Marija, assoċjata mar-rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub tal-Proġenituri antiki, tidher bħala l-veru «omm tal-ħajjin».8 Il-maternità tagħha, aċċettatha b’mod liberu b’ubbidjenza mal-pjan divin, issir sors ta’ ħajja għall-umanità kollha kemm hi.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 56.
2 Sant’Ireneo, Adversus haereses, 5, 19, 1.
3 Catechismo della Chiesa Cattolica, n. 511.
4 Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 20.
5 Cf. ibidem.
6 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 56.
7 Ibidem.
8 Ibidem.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.