34. Fil-misteru tal-Viżitazzjoni il-preludju tal-missjoni tal-Feddej

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  02/10/1996.

1. Fl-episodju tal-Viżitazzjoni San Luqa juri kif il-grazzja tal-Inkarnazzjoni, wara li fawret lil Marija, ġarret salvazzjoni u ferħ lejn id-dar ta’ Eliżabbetta. Il-Feddej tal-bnedmin, magħluq fil-ġuf ta’ ommu idaħħal l-Ispirtu Santu, waqt li jimmanifesta ruħu sa mill-bidu tal-miġja tiegħu fid-dinja.

Waqt li jiddeskrivi t-tluq ta’ Marija lejn il-Ġudea, l-evanġelista juża l-verb «anistemi», li jfisser «qum», «ibda ċċaqlaq». Waqt li nikkunsidraw li tali verb jiġi wżat fil-Vanġeli biex jindika l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù (cf. Mk 8,31; 9,9.31; Lq 24,7.46) jew f’azzjonijiet materjali li jinħtieġu qawmien spiritwali (cf. Lq 5,27-28; 15,18.20), nistgħu nissopponu li Luqa jrid jenfasizza, b’din l-espressjoni, il-qawmien qawwi li jmexxi lil Marija, taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu biex tirregala lid-dinja lill-Feddej.

2. It-test evanġeliku jirreferi, ukoll, li Marija wettqet il-vjaġġ «bil-għaġġla» (Lq 1,39). Ukoll in-notazzoni  «lejn il-muntanja» (Lq 1,39), fil-kuntest Luqan, tidher ferm iktar minn sempliċi indikazzjoni topografika,  billi ġġiegħel wieħed jaħseb dwar il-messaġġier tal-aħbar it-tajba deskritt fil-Ktieb ta’ Iżaija: «Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji saqajn il-messaġġier ta’ aħbarijiet ferrieħa li jħabbru l-paċi, messaġġier ta’ ġid li jħabbar il-fidwa, li jgħid lil Sion: “Isaltan l-Alla tiegħek”» (Iż 52,7).

Bħal ma jagħmel San Pawl, li jagħraf it-twettiq ta’ tali test profetiku fil-predikazzjoni tal-Vanġelu (cf. Rm 10,15), ukoll San Luqa donnu jistieden biex wieħed jara f’Marija l-ewwel «evanġelista», li xxerred l-«aħbar it-tajba», waqt li tagħti bidu għall-vjaġġi missjunarji tal-Iben divin.

Sinifikattiva b’mod partikolari, fl-aħħarnett, hija d-direzzjoni tal-vjaġġ tal-Verġni Mqaddsa: se jkun mill-Galilea sal-Ġudea, bħall-mixja missjunarja ta’ Ġesù (cf. Lq 9,51).

Infatti, biż-żjara lil Eliżabbetta, Marija twettaq il-preludju tal-Missjoni ta’ Ġesù u, waqt li tikkollabora sa mill-bidu tal-maternità tagħha fl-opra feddejja tal-Iben, issir il-mudell ta’ dawk li fil-Knisja jerħulha jimxu biex iwasslu d-dawl u l-ferħ ta’ Kristu lill-bnedmin ta’ kull post u ta’ kull żmien.

3. Il-laqgħa ma’ Eliżabbetta terġà tlibbes il-karattri bi ġrajja feddeja ferrieħa li tissupera s-sentiment spontanju tas-simpatija familjari. Hemm fejn it-tifxil tal-inkredulità fil-mutiżmu ta’ Żakkarija, Marija tidħol bil-ferħ tal-fidi lesta u disponibbli: «Kif daħlet f’dar Żakkarija, sellmet lil Eliżabbetta » (Lq 1,40).

San Luqa jirreferi li «malli Eliżabbetta semgħet it-tislima ta’ Marija, it-tarbija qabżet f’ġufha» (Lq 1,41). It-tiislima ta’ Marija tqanqal fl-iben ta’ Eliżabbetta qabża ta’ ferħ: id-dħul ta’ Ġesù fid-dar ta’ Eliżabbetta, permezz tal-Omm, iġib għall-profeta li kien se jitwieled dak il-ferħ li t-Testment il-Qadim iħabbar bħala sinjal tal-preżenza tal-Messija.

Għat-tislima ta’ Marija, il-ferħ messjaniku jinvesti wkoll lil Eliżabbetta li «ntliet bl-Ispirtu Santu u b’leħen għoli għajtet:  “Imbierka int fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek!”» (Lq 1,41-42).

Bis-saħħa ta’ illuminazzjoni superjuri, hija tifhem il-kobor ta’ Marija li, iktar minn Ġaele u minn Ġuditta, prefigurazzjonijiet tagħha fit-Testment il-Qadim, hija mbierka fost in-nisa, minħabba l-frott ta’ ġufha, Ġesù, il-Messija.

4. L-esklamazzjoni ta’ Eliżabetta, magħmula «b’leħen għoli», turi entużjażmu reliġjuż tassew, li t-talba tas-Sliema għalik  Marija tkompli tirbombja fuq xuftejn dawk li jemmnu, bħala kantiku ta’ tifħir tal-Knisja għall-opri kbar imwettqa mill-Iktar Għoli fl-Omm ta’ Ibnu.

Waqt li xandritha «imbierka fost in-nisa», Eliżabbetta tindika l-mottiv tal-bejatitudni ta’Marija fil-fidi tagħha: «U mbierka dik li emmnet fit-twettiq tal-kliem tal-Mulej» (Lq 1,45). Il-kobor u l-ferħ ta’ Marija joriġinaw mill-fatt li hija hi dik li temmen.

Quddiem l-eċċllenza ta’ Marija, Eliżabbetta tifhem ukoll liema unur jikkostitwixxi għaliha l-viżta tagħha: «Xinhu dan li l-omm tal-Mulej tiegħi tiġi għandi?» (Lq 1,43). Bl-espressjoni «Mulej tiegħi» Eliżabbetta tagħraf id-dinjità rjali, anzi messjanika, tal-Iben ta’ Marija. Fit-Testment il-Qadim, infatti, din l-espressjoni kienet tintuża biex wieħed jindirizza lis-sultan (cf. 1Sl 1,13.20-21, eċċ.) u biex wieħed jitkellem dwar is-Sultan-Messja (Sal 110,1). Dwar  Ġesù, l-anġlu kien qal: «Il-Mulej Alla jtih it-tron ta’ David, missieru» (Lq 1,32).«Mimlija bl-Ispirtu Santu», Eliżabbetta għandha l-istess intuwizzjoni. Iktar tard, il-glorifikazzjoni paskwali ta’ Kristu, tirrivela f’liema sens dan it-titolu għandu jinftiehem, f’sens, jiġifieri, traxxendenti (cf. Ġw 20,28; At 2,34-36).

Bl-esklamazzjoni ta’ min jammiraha tagħha, Eliżabbetta tistedinna biex napprezzaw dak kollu li l-preżenza tal-Verġni ġgib b’rigal għall-ħajja ta’ kull wieħed li jemmen.

Fil-Viżitazzjoni l-Verġni ġġib lill-omm tal-Battista l-Kristu,  li jħeġġeġ l-Isprtu Santu. Tali rwol ta’ medjatriċi jidher b’mod l-iktar ċar fil-kliem stess ta’ Eliżabbetta:: «Hekk hu, hekk kif il-leħen tat-tislima tiegħek wasal f’widnejja, it-tarbija qabżet bil-ferħ ġo ġufi» (Lq 1,44). L-intervent ta’ Marija jipproduċi, bid-don tal-Ispirtu Santu, kważi preludju tal-Pentekoste, waqt li jsostni koperazzjoni [492] li, mibdija bl-Inkarnazzjoni, hija ddestinata biex tesprimi ruħha fl-opra kollha tal-fidwa divina.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: