35. Fil-«Magnificat» Marija tiċċelebra l-opra meraviljuża ta’ Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  06/11/1996.

1. Waqt li tispira ruħha mit-tradizzjoni veterotestamentarja, bil-kantiku tal-Magnificat Marija tiċcelebra l-meravilji mwettqa fiha minn Alla.

Il-kantiku huwa t-tweġiba tal-Verġni għall-misteru tal-Annunzjazzjoni: l-anġlu kien stedina għall-ferħ, issa Marija tesprimi l-eżultanza tal-ispirtu tagħha f’Alla feddej. Il-ferħ tagħha jitnissel mill-fatt li kienet għamlet l-esperjenza personali tal-ħarsa grazzjuża ndirizzatha minn Alla lilha, krejatura fqira u mingħajr ebda nfluss fl-istorja.

Bl-espressjoni Magnificat, verżjoni Latina ta’ vokabolu Grieg bl-istess sinifikat, jiġi ċċelebrat il-kobor ta’ Alla, li bl-aħbar tal-anġlu jirrivela l-omnipotenza tiegħu, waqt li jissupera stennijiet u tamiet tal-poplu tal-Patt u wkoll l-iktar xewqat nobbli tar-ruħ umana. 

Quddiem il-Mulej, qawwi u ħanin, Marija tesprimi s-sentiment taċ-ċokon propju tagħha: «Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi  jifraħ f’Alla, salvatur tiegħi, għaliex ħares lejn l-umiltà tal-qaddejja tiegħu» (Lq 1,47-48). It-terminu Grieg «tapeinosis» huwa probabilment  missellef mill-kantiku ta’ Anna, omm Samwel. Fih hemm indikati l-«umiljazzjoni» u l-«miżerja» ta’ mara sterili (cf. 1Sam 1,11), li tafda l-piena tagħha lill-Mulej. B’espressjoni simili Marija tgħarraf is-sitwazzjoni tagħha ta’ povertà u l-għarfien li hija ċkejkna quddiem Alla li, b’deċiżjoni gratwita, xeħet ħarstu Fuqha, tfajla umli min-Nażżaret,  billi sejħilha biex issir Omm il-Messija.

2. Il-kliem «minn issa ‘l hemm il-ġenerazzjonijiet kollha jsejħuli ħienja» (Lq 1,48)  jibdew mill-fatt li Eliżabbetta tkun l-ewwel waħda li tipproklama lil Marija  «ħienja» (Lq 1,45). Mhux mingħajr kuraġġ, il-kantiku  jħabbar li l-istess proklamazzjoni tkompli tinfirex u tiżdied b’dinamiżmu inarrestabbli. Fl-istess ħin, dan jixhed il-qima speċjali lejn Omm Ġesù, preżenti fil-Komunità nisranija sa minn l-ewwel seklu. Il-Magnificat jikkostitwixxi l-frott bikri tal-espressjonijiet differenti tal-kult, trażmessi minn ġenerazzjoni għall-oħra, li bihom il-Knisja tesprimi mħabbitha lejn il-Verġni ta’ Nażżaret.

3. «Ħwejjeġ kbar għamel fija l-Omnipotenti u Qaddis huwa ismu: minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni l-ħniena tiegħu tinfirex fuq dawk li jibżgħu minnu» (Lq 1,49-50).

X’inhuma l-«ħwejjeġ kbar» imwettqa f’Marija mill-Omnipotenti?

L-espressjoni tirrepeti ruħha fit-Testment il-Qadim biex tindika l-ħelsien tal-poplu ta’ Iżrael mill-Eġittu jew mill-Babilonja. Fil-Magnificat din tirreferi għall-ġrajja misterjuża tal-konċepiment verġinali ta’ Ġesù, li sseħħ f’Nażżaret wara l-aħbar tal-anġlu.

Fil-Magnificat, kantiku tassew tejoloġiku għaliex jirrivela l-esperjenza tal-wiċċ ta’ Alla mwettqa minn Marrija, Alla mhuwiex biss l-Omnipotenti li għalih xejn mhu mpossibbli, bħal ma kien iddikjara Gabriel (cf. Lc 1,37), imma wkoll il-Ħanin, imħarreġ sewwa fil-ħlewwa u l-fedeltà lejn kull esseri uman.

4. «Huwa wera l-qawwa ta’ driegħu, ħawwad lis-suppervi fi ħsibijiet qalbhom: niżżel lill-qawwijin minn fuq tronhom, għolla lill-umli, mela bil-ġid lil min hu bil-ġuħ, lill-għonja bagħthom ‘il barra b’xejn» (Lq 1,51-53).

Bil-qari tagħha għaref tal-istorja, Marija tintroduċina biex niskopru l-kriterji tal-aġir misterjuż ta’ Alla. Huwa, waqt li jaqleb ta’ taħt fuq il-ġudizzji tad-dinja, jigi biex jgħin lill-foqra u liċ-ċkejknin,  b’detriment tal- [641] għonja u tal-qawwija u, b’mod sorprendenti, jimla bil-ġid lill-umli, li jafdawlu l-eżistenza tagħhom.1

Dan il-kliem tal-kantiku, waqt li jurina f’Marija mudell konkret u sublimi, iġegħlna nifhmu li hija speċjalment l-umiltà tal-qalb li tiġbed it-tjubija ta’ Alla.

5. Fl-aħħarnett, il-kantiku jeżalta t-twettiq tal-wegħdi u l-fedeltà ta’ Alla lejn il-poplu magħżul: «Għen lill-Iżrael, qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħal ma wiegħed lil missierijietna, b’risq Abraham u nislu għal dejjem» (Lq 1,54-55).

Imfawra bid-doni divini, Marija ma twaqqafx ħarsitha fuq il-każ tagħha personali, imma tifhem kif dawn id-doni huma manifestazzjoni tal-ħniena ta’ Alla għall-poplu kollu tiegħu. Fiha Alla jwettaq il-wegħdiet tiegħu b’fedeltà u ġenerożità sovrabbondanti.

Ispirat mit-Testment il-Qadim u mill-ispiritwalità ta’ bint Sion, il-Magnificat jegħleb it-testi kollha profetiċi li oriġinawh, waqt li rrivela fil-«mimlija bil-grazzja» il-bidu ta’ ntervent divin li jmur ferm ‘il hemm mit-tamiet messjaniċi ta’ Iżrael: il-misteru qaddis tal-Inkarnazzjoni tal-Verb.

NOTI

1 Cf. Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 37.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb