37. It-titolu ta’ «Omm Alla»


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  27/11/1996.

1. Il-kontemplazzjoni tal-misteru tat-twelid tas-Salvatur  mexxa lill-poplu nisrani mhux biss biex idur lejn il-Verġni Mqaddsa bħala Omm Ġesù, imma wkoll biex jagħrfha bħala Omm Alla.

Tali verità kienet approfondita u apprezzata bħala li tappartjeni lill-patrimonju tal-fidi tal-Knisja diġa fl-ewwel sekli tal-era kristjana, sakemm ġiet sollennement ipproklamata mill-Konċilju ta’ Efesu fis-sena 431.

L-ewwel komunità nisranija, waqt li jikber fost id-dixxipli l-għarfien li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, jirriżulta dejjem iktar ċar li Marija hija t- Theotokos, l-Omm ta’ Alla. Dan huwa titolu li ma jidhirx b’mod espliċitu fit-testi evanġeliċi, għalkemm fihom hija mfakkra  bħala «l-Omm ta’ Ġesù» u jiġi ddikkjarat li Hu huwa Alla (Ġw 20,28; cf. 5,18; 10,30.33). Marija madankollu tiġi ppreżentata bħala Omm l-Emmanuel, li jfisser Alla magħna (cf. Mt 1,22-23).

Diġa fit-III seklu, bħal ma wieħed jistà jassumi minn xhieda mituba antika, l-insara tal-Egittu kienu jduru lejn Marija b’din it-talba: «Taħt il-protezjoni tiegħek infittxu l-kenn, Omm Imqaddsa ta’ Alla: la tiddisprezzax is-suppliki tagħna li ninsabu fil-prova, u eħlisna minn kull perikolu, o Verġni glorjuża u mbierka».1 F’din ix-xhieda antika, għall-ewwel darba, l-espressjoni Theotokos, «Omm Alla», tidher f’forma  speċifika.

Fil-mitoloġija pagana, spiss kien iseħħ li xi Alla mara kienet tkun ippreżentata bħala omm ta’ xi alla. Żews, per eżempju, l-alla suprem, kellu bħala ommu lill-alla mara Rea.

Tali kuntest jistà jkun li ħaffef, min-naħa tal-insara, l-użu tat-titolu «Theotokos»,  «Omm Alla», għall-omm ta’ Ġesù. Madankollu rridu ninnutaw li dan it-titolu ma kienx jeżisti, imma kien maħluq mill-insara biex jesprimu fidi li ma kellha xejn x’taqsam mal-mitoloġija pagana, il-fidi fil-konċepiment verġinali, fil-ġuf ta’ Marija, ta’ Dak li minn dejjem kien il-Verb etern ta’ Alla.

 2. Mar-IV seklu, it-terminu Theotokos kien jintuża b’mod spiss fil-Lvant u fil-Punent. Il-ħniena u t-tejoloġija jagħmlu riferenza dejjem iktar spiss għal tali terminu,, li sa daż-żmien daħal fil-patrimonju tal-fidi tal-Knisja.

Wieħed għalhekk jifhem il-moviment kbir ta’ protesta, li tqanqlet fil- V seklu, meta Nestorju daħħal id-dubju fir-rigward tal-leġittimità tat-titolu «Omm Alla».

Huwa infatti, waqt li kien inklinat biex iżomm lil Marija biss Omm tal-bniedem Ġesù, kien isostni li kienet dottrinalment korretta biss l-espressjoni «Omm ta’ Kristu». Għal tali żball Nestorju kien ipperswadut mid-diffikultà tiegħu biex jammetti l-unità tal-persuna ta’ Kristu u tal-interpretazzjoni żbaljata tad-distinzjoni bejn iż-żewġ naturi – divina u umana – preżenti fiH.

Il-Konċilju ta’ Efesu, fis-sena 431, ikkundanna t-teżijiet tiegħu u, waqt li ddikkjara  l-eżistenza tan-natura divina u tan-natura umana fl-unika persuna tal-Iben, ipproklama lil Marija Omm Alla.

3. Id-diffikultajiet u l-oġġezzjonijiet mqanqla minn Nestorju joffrulna, issa, l-okkażjoni għal diversi riflessjonijiet utli biex nifhmu u ninterpretaw b’mod korrett tali titolu. L-espressjoni Theotokos, li letteralment tfisser «dik li ġġenerat lil Alla», mal-ewwel daqqa t’għajn tistà tirriżulta sorprendenti: tqanqal, infatti, l-mistoqsija dwar kif inhu possibbli li krejaturi umana tiġġenera lil Alla. It-tweġiba tal-fidi tal-Knisja hija ċara: il-maternità divina ta’ Marija tirreferi biss għall-ġenerazzjoni umana tal-Iben ta’ Alla iżda mhux għall-ġenerazzjoni divina. L-Iben ta’ Alla kien minn dejjem iġġenerat minn Alla Missier u hu konsustanzjali għalih.

F’din il-ġenerazzjoni eterna Marija ma għandha evidentement ebda rwol. L-Iben ta’ Alla, iżda, elfejn sena ilu, assuma n-natura umana tagħna u allura kien ikkonċeput u mwieled minn Marija.

Waqt li tipproklama lil Marija «Omm Alla» il-Knisja, għalhekk, trid tiddikjara li Hija l- «Omm tal-Verb inkarnat, li huwa Alla». Il-maternità tagħha ma tirrigwardax, għalhekk, lit-Trinità kollha, imma biss lit-tieni Persuna, l-Iben li, waqt li nkarna ruħu, assuma minn għandha n-naturaa umana.

Il-maternità hija relazzjoni bejn persuna u persuna: omm mhijiex omm biss tal-ġisem jew tal-krejatura fiżika li ħarġet minn ġufha, [764] imma tal-persuna li tiġġenera.

Marija, mela, billi ġġenerat skont in-natura umana l-persuna ta’ Ġesù, li hija persuna divina, hija Omm Alla.

4. Waqt li tipproklama lil Marija «Omm Alla», il-Knisja tistqarr b’espressjoni unika l-fidi tagħha dwar l-Iben u l-Omm. Din l-unjoni toħroġ diġa fil-Konċilju ta’ Efesu: bid-definzzjoni tal-maternità divina s-Santi Padri riedu  jenfasizzaw il-fidi tagħhom fid-divinità ta’ Kristu. Minkejja l-oġġezzjonijiet, antiki u riċenti, dwar l-opportunità li jirrikonoxxu lil Marija dan it-titolu, l-insara taż-żminijiet kollha, waqt li nterpretaw b’mod korrett is-sinifikat ta’ tali maternità, ħolqu espressjoni privileġġjata tal-fidi tagħhom fid-divinità ta’ Kristu u ta’ mħabbithom lejn il-Verġni.

Fit-Theotokos il-Knisja, minn naħa,  tagħraf il-garanzija tar-realtà tal-Inkarnazzjoni, għaliex – kif jiddikjara Santu Wistin – «jekk l-Omm kienet fittizja, ukoll il-ġisem ikun fittizju… fittizji  l-marki tal-qawmien mill-imwiet».2  U min-naħa l-oħra, hija timmedita b’għaġeb u tiċcelebra b’qima l-kobor immens imsawwab fuq Marija minn Dak li ried ikun binha. L-espressjoni  «Omm Alla» tindirizza lill-Verb ta’ Alla, li fl-Inkarnazzjoni assuma l-umiltà tal-kondizzjoni umana biex jeleva l-bniedem għall-filjolanza divina. Imma tali titolu, fid-dawl tad-dinjità sublimi msawba fuq il-Verġni ta’ Nażżaret, tipproklama, ukoll, in-nobiltà tal-mara u l-vokazzjoni l-iktar għolja tagħha. Alla infatti jitratta lil Marija bħala persuna libera u responsabbli u ma jwettaqx l-Inkarnazzjoni ta’ Ibnu jekk mhux wara li jkun kiseb il-kunsens tagħha.

Waqt li jsegwu l-eżempju tal-insara antiki tal-Eġittu, il-fidili jafdaw lilhom infushom lil Dik, li, billi hija  Omm Alla, tistà tikseb mingħand l-Iben divin il-grazzji tal-ħelsien mill-perikli u tal-fidwa eterna. 

NOTI

1. Dalla Liturgia delle Ore.
2. Sant’Agostino, Tract. in Ev. Ioannis, 8, 6-7.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.