38. Edukatriċi tal-Iben ta’Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  04/12/1996.

1. Minkejja li kienet seħħet bl-opra tal-Ispirtu Santu u ta’ Omm Verġni, il-ġenerazzjoni ta’ Ġesù, għaddiet mill-fażijiet tal-konċepiment, tal-ġestazzjoni u tal-ħlas. Barra minn hekk il-maternità ta’ Marja ma kinitx limitata biss għall-proċess bijoloġiku tal-ġenerazzjoni, imma, l-istess bħal dak li jseħħ għal kull omm oħra, tat ukoll kontribut essenzjali għall-kobor u għall-iżvilupp tat-tifel. 

Omm mhijiex biss il-mara li twlled tarbija, imma dik li trabbih u li tedukah; anzi nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li d-dmir edukattiv huwa, skont il-pjan divin, il-kontinwazzjoni naturali tal- prokrejazzjoni.

Marija hija Theotokos mhux biss għaliex iġgenerat u welldet l-Iben ta’ Alla, imma wkoll għaliex akkumpanjatu fit-trobbija umana tiegħu.

2. Wieħed jistà jaħseb li Ġesù, billi kien jippossiedi fih il-milja tad-divinità, ma kellux bżonn ta’ edukaturi. Imma l-misteru tal-Inkarnazzjoni jirrivelalna li l-Iben ta’ Alla ġie fid-dinja f’kondizzjoni umana għal kollox tixbaħ lil dik tagħna, minbarra d-dnub (cf. Eb 4,15). Kif jiġri għal kull esseri uman, it-trobbija ta’ Ġesù, mill-infanzja sal-età adulta (cf. Lq 2,40), kellha bżonn tal-azzjoni edukattiva tal-ġenituri.

Il-Vanġelu ta’ Luqa, attent b’mod partikolari għall-perijodu tal-infanzja, jirrakkonta li Ġesù ta’ Nażżaret kien sottomess lejn Ġużeppi u lejn Marija (cf. Lq 2,51). Tali dipendenza turina lil Ġesù fid-dispożizzjoni li jirċievi, miftuħ għall-opra edukattiva ta’ ommu u ta’ Ġużeppi, li kienu jeżerċitaw id-dover tagħhom ukoll minħabba ħlewwa minnu muriha b’mod kostanti.

3. Id-doni speċjali, li bihom Alla kien fawwar lil Marija, kienu jirrenduha b’mod partikolari idonja biex tiżvolġi d-dover tagħha ta’ omm u ta’ edukatriċi. Fiċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull jum, Ġesù setà jsib fiha mudell wara liema jimxi u jimita, u eżempju ta’ mħabba perfetta lejn Alla u lejn l-aħwa.

Maġemb il-preżenza materna ta’ Marija, Ġesù setà jorbot fuq il-figura paterna ta’ Ġużeppi, raġel ġust (cf. Mt 1,19), li kien jassikura l-ekwilibriju meħtieġ tal-azzjoni edukattiva. Waqt li jeżerċita l-funzjoni ta’ missier, Ġużeppi kkopera mal-għarusa tiegħu biex jirrendi d-dar ta’ Nażżaret ambjent favorevoli għat-trobbija u għall-maturazzjoni personali tas-Salvatur tal-umanità. Imbagħad, waqt li qabbdu x-xogħol iebes ta’ mastrudaxxa, Ġużeppi ippermetta lil Ġesù li jinserixxi ruħu fid-dinja tax-xogħol u fil-ħajja soċjali.

4.  Il-ftit elementi, li l-Vanġelu joffri, ma jippermettulniex li nagħrfu u nevalwaw ir-regoli ddettaljati tal-azzjoni pedagoġika ta’ Marija fir-rigward tal-Iben divin. Bla ebda dubju ta’ xejn kienet hi, flimkien ma’ Ġużeppi, li ntroduċiet lil Ġesù fir-riti u l-preskrizzjonijiet ta’ Mosè, fit-talb lil Alla tal-Patt permezz tal-użu tas-Salmi, fl-istorja tal-poplu ta’ Iżrael ċċentrata fuq l-Esodu mill-Eġittu. Minn għandha u mingħand Ġużeppi Ġesù tgħallem jiffrekwenta s-sinagoga u jwettaq il-pellegrinaġġ annwali f’Ġerusalem fil-Għid.

Waqt li nħarsu lejn ir-riżultati, nistgħu bla ebda dubju nassumu li l-opra edukattiva ta’ Marija kienet tassew inċiżiva u profonda u sabet fil-psikoloġija umana ta’ Ġesù art tassew fertili.

5. Id-dover edukattiv ta’ Marija, indirizzat lil iben hekk singolari, jippreżenta diversi karatteristiċi partikolari meta mqabbel mar-rwol tal-ommijiet l-oħra. Hija ggarantiet biss il-kondizzjonijiet favorevoli għaliex setgħu jiġu mwettqa d-dinamiżmi u l-valuri essenzjali ta’ trobbija, diġa preżenti fl-iben. Per eżempju, l-assenza f’Ġesù ta’ kull forma ta’ dnub kienet tesiġi minn Marija orjentament dejjem pożittiv, bl-esklużjoni ta’ interventi korrettivi fil-konfront tiegħu. Barra minn hekk, jekk kienet l-omm li kellha tintroduċi lil Ġesù fil-kultura u fit-tradizzjonijiet tal-poplu ta’ Iżrael, se jkun Hu li jirrevela sa mill-episodju tas-sejbien fit-tempju l-għarfien sħiħ li kien l-Iben ta’ Alla, mibgħut biex jixħet dawl fuq il-verità fid-dinja waqt li jsegwi b’mod esklussiv ir-rieda tal-Missier. Minn «għalliema» ta’ binha, Marija, ssir dixxipla hekk umli tal-Imgħallem divin minnha ġġenerat.

Jibqà l-kobor tad-dover tal-Omm Verġni: mill-infanzja sal-età adulta, hija għenet lill-iben Ġesù biex jikber  «fil-għerf, fl-età u fil-grazzja» (Lq 2,52) u biex iħejji ruħu għall-missjoni tiegħu.

Marija u Ġużeppi jispikkaw għalhekk bħala mudelli tal-edukaturi kollha. Huma jsostnuhom fid-diffikultajiet kbar li llum tiltaqà magħhom il-familja u juruhom il-mixja biex jilħqu formazzjoni  inċiżiva u effikaċi tal-ulied.

L-esperjenza edukatriċi tagħhom tikkostitwixxi punt ta’ riferenza sikur għall-ġenituri nsara, imsejħa, f’kondizzjonijiet dejjem iktar ikkomplikati u diffiċli, biex ipoġġu lilhom infushom għas-servizz tal-iżvilupp integrali tal-persuna ta’ wliedhom, sabiex jgħixu eżistenza denja tal-bniedem u korrispondenti għall-pjan ta’ Alla.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.