39. Il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  11/12/1996.

1. Fl-episodju tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, San Luqa jenfasizza d-destin messjaniku ta’ Ġesù.

Skop immedjat tal-vjaġġ tal-Familja Mqaddsa minn Betlem għal Ġerusalem huwa, skont it-test Luqan, it-twettiq tal-Liġi: «Meta wasal iż-żmien tal-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lit-tarbija Ġerusalem biex joffruha lill-Mulej, bħal ma hem miktub fil-Liġi tal-Mulej: kull primoġenitu maskju ikun sagru għall-Mulej: u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew bċieċen tal-ħamiem, kif titlob il-Liġi tal-Mulej » (Lq 2,22-24).

B’dan il-ġest, Marija u Ġużeppi juru l-intenzjoni li jobdu b’mod fidil ir-rieda ta’ Alla, waqt li jirrifjutaw kull forma ta’ privileġġ. Il-miġja tagħhom fit-tempju ta’ Ġerusalem tassumi s-sinifikat ta’ konsagrazzjoni lil Alla, fil-post tal-preżenza tiegħu. Ipperswaduta mill-faqar tagħha biex toffri gamiem jew ħamiem, Marija, fir-realtà, tirregala il-veru Ħaruf li għandu jifdi l-umanità, waqt li tantiċipa bil-ġest tagħha dak li kien propost fl-offerti ritwali tal-Liġi l-Qadima.

2. Waqt li l-Liġi kienet titlob biss mill-omm il-purifikazzjoni wara l-ħlas, Luqa jitkellem dwar «żmien il-purifikazzjoni tagħhom» (Lq 2,28), waqt li forsi, irid jindika wkoll il-preskrizzjonijiet fir-rigward tal-omm u tal-Iben primoġenitu.

L-espressjoni «purifikazzjoni» tistà tissorprendina, għaliex hija riferutha għal Omm li kienet kisbet, bi grazzja singolari, li tkun [957] immakulata sa mill-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha, u għal Tarbija assolutament qddisa. Hemm bżonn, iżda, li niftakru li dan ma kellux x’jaqsam ma’ tindif ta’ kuxjenza minn xi tebgħa tad-dnub, imam biss li tiġi akkwistatha mill-ġdid il-purità ritwali, li, skont l-idea ta’ dak iż-żmien, kienet tiġi effettwata mill-fatt sempliċi tal-ħlas, mingħajr ma kien ikun hem ebda forma ta’ ħtija.

L-evanġelista japprofitta ruħu mill-okkażjoni biex jenfasizza r-rabta li teżisti bejn Ġesù, minħabba li kien «primoġenitu» (Lq 2,7.23) u l-qdusija ta’ Alla, kif ukoll biex jindika l-ispirtu ta’ offertà umli li kienet tinkuraġġixxi lil Marija u lil Ġużeppi (cf. Lq 2,24). Infatti, il-«par qamiem jew bċieċen» kienet l-offertà tal-foqra (Lv 12,8).

3. Fit-Tempju Ġużeppi u Marija jiltaqgħu ma’ Xmun, «raġel ġust u jibżà minn Alla, li kien jistenna l-konsolazzjoni ta’ Iżrael» (Lq 2,25).

Ir-rakkont Luqan ma jgħid xejn dwar l-imgħoddi tiegħu u tas-servizz li kien jiżvolġi fit-tempju; jirrakkonta dwar raġel profondament reliġjuż li f’qalbu kien jikkoltiva xewqat kbar u jistenna l-Messija, konsulatur ta’ Iżrael. Infatti «l-Ispirtu Santu… kien fuqu» u «kien ħabbarlu li ma kellux jara l-mewt qabel ma jkun ra lill-Messija tal-Mulej» (Lq 2,26).

Xmun jistedinna biex inħarsu lejn l-azzjoni ħanina ta’ Alla, li jsawwab l-Ispirtu fuq il-fidili tiegħu biex iwettqu il-pjan ta’ mħabba misterjuż tiegħu.

Xmun, mudell tal-bniedem li jinfetaħ għall-azzjoni ta’ Alla, «imqanqal mill-Ispirtu» (Lq 2,27), imur fit-Tempju fejn jiltaqà ma’ Ġesù, Ġużeppi u Marija. Waqt li jieħu lit-tarbija f’idejh, ibierek lil Alla: «Issa, Mulej, tistà tħalli l-qaddj tiegħk imur fis-sliem skont kelmtek» (Lq 2,29).

Espressjoni tat-Testment il-Qadim, Xmun jisperimenta l-ferħ tal-laqgħa mal-Messija u jħoss li laħaq l-iskop tal-eżistenza tiegħu: jistà mela jitlob lill-Iktar Għoli sabiex  jikseb il-paċi ttal-ħajja l-oħra. 

Fl-episodju tal-Preżentazzjoni nistgħu nagħrfu l-laqgħa tat-tama ta’ Iżrael mal-Messija. Nistgħu wkoll naraw sinjal profetiku tal-laqgħa tal-bniedem ma’ Kristu. L-Ispirtu Santu jirrendi dan possibbli, waqt li jqanqal fil-qalb umana x-xewqa ta’ tali laqgħa feddejja u waqt li jiffavorixxi t-twettiq.

Lanqas ma nistgħu nittraskuraw ir-rwol ta’ Marija, li tagħti t-Tarbija lix-xwejjaħ qaddis Xmun. Permezz tar-rieda divina, hija l-Omm li tirregala lil Ġesù lill-bnedmin.

4. Fir-rivelazzjoni tal-futur tal-Feddej, Xmun jagħmel riferenza għall-profezija tal-«Qaddej», mibgħut lill-Poplu magħżul u lill-ġnus. Lilu l-Mulej jgħid: «Jien iffurmajtek u stabbilejtek bħala patt tal-poplu u dawl tal-ġnus» (Iż 42,6). U iktar: «Huwa ftit wisq li inti l-qaddej tiegħi biex tirrestawra t-tribù ta’ Ġakobb u twassal lil dawk li fadal minn Iżrael. Jiena nirrendik dawl tal-ġnus sabiex twassal is-salvazzjoni tiegħi sa truf id-dinja» (Is 49,6).

Fil-kantiku tiegħu Xmun jaqleb għal kollox il-prospettiva, waqt li jimponi l-aċċent fuq l-iniversaliżmu tal-missjoni ta’ Ġesù: «Għajnejja raw il-fidwa tiegħek, imħejjija minnek quddiem il-popli, dawl biex idawwal in-nies u ġlorja tal-poplu tiegħek Iżrael» (Lq 2,30-32).

Kif nistgħu ma nistgħaġbux qudiem tali kliem? «Il-missier u l-omm ta’ Ġesù stgħaġbu bil-ħwejjeġ li kienu qed jingħadu dwaru» (Lq 2,33). Imma Ġużeppi u Msrija, permezz ta’ din l-esperjenza, jifhmu b’mod ċar l-importanza tal-ġest ta’ offertà tagħhom: fit-tempju ta’ Ġerusalem huma jippreżentaw lil Dak li, waqt li kien il-glorja tal-poplu tiegħu, huwa wkoll il-fidwa tal-umanità kollha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb