40. Il-Profezija ta’ Xmun tassoċja lil Marija mad-destin doloruż tal-Iben


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  18/12/1996.

1. Wara li kien għaraf f’Ġesù d-«dawl li kellu jdawwal il-ġnus» (Lq 2,32), Xmun iħabbar lil Marija l-prova kbira li għaliha kien imsejjaħ il-Messija u jiżvela s-sehem tagħha f’tali destin doloruż.

Ir-riferenza għas-sagrifiċċju feddej, nieqes fl-Annunzjazzjoni, wera fl-oraklu ta’ Xmun kważi «tieni aħbar»,1 li twassal lill-Verġni għal fehim iktar profond tal-misteru ta’ Ibnu.

Xmun li, sa dak il-waqt, kien indirizza lil dawk kollha preżenti, waqt li jbierek b’mod partikolari lil Ġużeppi u Marija, issa jħabbar biss lill-Verġni li se jkollha sehem fix-xorti tal-Iben. Ispirat mill-Ispirtu Santu, jħabbrilha: «Huwa qiegħed hawn għar-rovina u l-qawmien ta’ bosta f’Iżrael, sinjal ta’kontradizzjoni – u wkoll lilek xabla tinfidlek ruħek – għaliex ikunu żvelati l-ħsibijiet ta’ bosta qlub» (Lq 2,34-35).

2. Dan il-kliem ibassar future ta’ tbatija għall-Messija.

Huwa, infatti, Hu, « is-sinjal li jmeruh», iddestinat biex isib oppożizzjoni iebsa minn naħa ta’ dawk ta’ żmienu. Imma Xmun jakkumpanja mat-tbatija ta’ Kristu l-viżjoni tar-ruħ ta’ Marija minfuda mix-xabla waqt li, b’dan il-mod, jgħaqqad  l-Omm mad-destin doloruż tal-Iben.

Hekk il-għassies qaddis, waqt li jpoġġi fid-dawl l-ostilità kull ma tmur tikber li magħha kellu jiltaqà l-Messija, jenfasizza ir-riperkussjoni tagħha fuq il-qalb tal-Omm. Tali sofferenza maternal kellha tilħaq il-quċċata tagħha fil-passjoni meta kienet se tingħaqad mal-Iben fis-sagrifiċċju feddej.

Waqt li jiġi wara aċċenn għall-ewwel kanti tal-Qaddej tal-Mulej (cf. Iż 42,6; 49,6), ikkwotati f’ Lq 2,32, il-kliem ta’ Xmun iġegħlna naħsbu fil-profezija tal-Qaddej sofferenti (Iż 52,13 – 53,12), li, «minfud minħabba d-delitti tagħna» (Iż 53,5), joffri «lilu nnifsu bi tpattija» (Iż 53,10) permezz ta’ sagrifiċċju personali u spiritwali, li jissupera  b’mod sinifikanti s-sagrifiċċji ritwali antiki.

Nistgħu ninnutaw hawn kif il-profezija ta’ Xmun tħallina nilmħu fit-tbatija future ta’ Marija xebħ singolari mal-ġejjieni doloruż tal-«Qaddej».

3. Marija u Ġużeppi juru mhux ftit stagħġib meta Xmun jipproklama lil Ġesù bħala «dawl biex idawwal il-ġnus u ġlorja ta’ Iżrael» (Lq 2,32). Marija iżda, b’referenza għall-profezija tax-xabla li tinfdilha ruħha, ma tgħid xejn. Tilqà fis-skiet, flimkien ma’ Ġużeppi, dak il-kliem misterjuż li jawgura prova tassew doloruża u jpoġġi fis-sinifikat tiegħu l-iktar awtentiku l-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju.

Infatti, skont il-pjan divin, is-sagrifiċċju offrut dakinhar ta’«par gamiem jew bċieċen, bħal ma titlob il-Liġi» (Lq 2,24) kienet preludju tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù,  ġentili u umli tal-qalb» (Mt 11,29); fih kienet saret il-vera «preżentazzjoni» (cf. Lq 2,22), li rat lill-Omm assoċjata mal-Iben fl-opra tal-fidwa.

4. Mal-profeżija ta’ Xmun tiġi l-laqgħa mal-profetessa Anna: «Din ukoll bdiet tfaħħar lil Alla u kienet titkellem dwar it-tifel ma’ dawk li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalem» (Lq 2,38). Il-fidi u l-għerf profetiku tax-xwejħa mara li,  «waqt li kienet taqdi lil Alla lejl u nhar» (Lq 2,37), kienet iżżomm ħajja bis-sawm u t-talb l-istennija tal-Messija, joffru lill-Familja Mqaddsa impuls ulterjuri biex tqiegħed fl-Alla ta’ Iżrael it-tama tagħha. F’waqt hekk partikolari, l-imġieba ta’ Anna tidher lil Marija u Ġużeppi bħala sinjal tal-Mulej, messaġġier ta’ fidi mnebbħa u ta’ servizz perseveranti.

Mill-profezija ta’ Xmun, Marija tgħaqqad b’mod intens u misterjuż ħajjitha mal-missjoni doloruża ta’ Kristu: hija ssir il-koperatriċi fidila tal-Iben għall-fidwa tal-ġeneru uman.

NOTI

1 Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 16.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb