46. Is-sehem ta’ Marija fil-ħajja pubblika tal-Iben


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  12/03/1997.

1. Il-Konċilju Vatikan II, wara li fakkar l-intervent ta’ Marija fit-tieġ ta’ Kana, jenfasizza s-sehem tagħha fil-ħajja pubblika ta’ Ġesù:  «Matul il-predikazzjoni tiegħu ġabret il-kliem, li bih l-Iben, waqt li eżalta s-Saltna ‘il fuq mir-rapporti tal-irbit tal-laħam u tad-demm, ipproklama beati lil dawk li jisimgħu u jgħassu l-Kelma ta’ Alla (cf. Mk 3,35 par.; Lk 11,27-28) bħal ma kienet tagħmel hi b’mod fidil (cf. Lk 2,19 e 51)».1

  Il-bidu tal-missjoni ta’ Ġesù indika wkoll id-distakk tiegħu mill-Omm, liema mhux dejjem segwit lill-Iben tul il-ġiri fit-toroq tal-Palestina. Ġesù għażel apposta l-firda mill-Omm u mill-imħabba familjari, bħal ma jidher mill-kondizzjonijiet li huwa mpona fuq id-dixxipli tiegħu biex isegwuh u biex jiddedikaw ruħhom għall-aħbar tas-Saltna ta’ Alla.

Minkejja dan, Marija kultant semgħet il-predikazzjoni tal-Iben. Wieħed jistà jassumi li hija kienet preżenti fis-Sinagoga ta’ Nażżaret, meta Ġesù, wara li kien qara l-profezija ta’ Iżaija, ikkummenta t-test, billi applika għalih innifsu l-kontenut (cf. Lq 4,18-30). Min jaf kemm sofriet fit-tali okkażjoni, wara li kienet qasmet l-istagħġib ġenerali għall- «kliem ta’ grazzja li kien ħareġ minn fommu» (Lq 4,22), meta osservat l-ostilità iebsa taċ-ċittadini sħabu li keċċew lil Ġesù mis-Sinagoga u saħansitra ppruvaw joqtluh! Mill-kliem tal-evanġelista Luqa toħroġ id-drammatiċità [423] ta’ dak il-waqt: «Qamu, keċċewh ‘il barra mill-belt u wassluh sa fuq il-quċċata tal-muntanja li fuqha kienet wieqfa belthom sabiex jitfgħuh minn fuq il-preċipizzju. Imma hu waqt li għadda minn nofshom, telaq» (Lq 4,29-30).

 Wara dik il-ġrajja, Marija, waqt li rrejalizzat li setà jkun hemm provi oħra,  ikkonfermat u analizzat l-aċċettazjoni  totali tagħha tar-Rieda tal-Missier, waqt li offrietlu t-tbatija tagħha ta’ omm u s-solitudni tagħha..

2. Skont il-Vanġeli, Marija kellha ċans tismà wkoll lil Binha f’ċirkustanzi oħra. L-ewwelnett ġewwa Kafarnaw, fejn Ġesù  mar wara t-tieġ ta’ Kana, «flimkien ma’ ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu» (Ġw 2,12). Barra minn dan, huwa probabbli li hija setgħet issegwih ukoll ġo Ġerusalem, fl-okkażjoni tal-Għid, fit-Tempju, li Ġesù jqis bħala dar Missieru, li għaliha Hu jħeġġeġ biż-żelu (cf. Ġw 2,16-17). Hija, imbagħad, issib ruħha f’nofs il-folla,  meta billi ma rnexxilhiex tersaq qrib Ġesù, tisimgħu jwieġeb lil min  iħabbarlu l-preżenza tagħha u ta’ qrabatu: «Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jpoġġuha fil-prattika» (Lq 8,21).

B’tali espressjoni l-Kristu, minkejja li jirrelativizza l-irbit familjari, jindirizza eloġju kbir lill-Omm, waqt li jenfasizza rabta ferm iktar għolja magħha. Marija, infatti, waqt li  tqiegħed lilha nfisha għas-smigħ tal-Iben, tiġbor kliemu kollu u tpoġġih b’mod fidil fil-prattika.

 Wieħed jistà jaħseb li Marija, minkejja li ma ssegwix lil Ġesù tul il-mixja missjunarja tiegħu, tinforma ruħha dwar l-iżvolġiment tal-attività apostolika tal-Iben, waqt li tilqà b’imħabba u b’ansjetà l-aħbarijiet dwar il-predikazzjoni tiegħu minn fomm dawk li jkunu ltaqgħu miegħu.

Il-firda ma kinitx tfisser distanza mill-qalb, kif ma kinitx timpedixxi lill-Omm li ssegwi b’mod spiritwali lill-Iben, waqt li tippreserva u timmedita t-tagħlim tiegħu, kif diġa kienet għamlet fil-ħajja moħbija ta’ Nażżaret. Infatti, il-fidi tagħha, kienet tippermettilha li tilqà s-sinifikat tal-kliem ta’ Ġesù qabel u aħjar mid-dixxipli tiegħu, li [424] spiss ma kinux jifhmu t-tagħlim tiegħu u b’mod speċjali ir-referenzi għall-Passjoni futura (cf. Mt 16,21-23; Mk 9,32; Lk 9,45).

3. Marija, waqt li ssegwi mill-bogħod il-ġrajjiet tal-Iben, tieħu sehem fid-dramm tiegħu li jħoss lilu nnifsu rifjutat minn parti mill-poplu magħżul.Tali rifjut li sa minn meta wera ruħu f’Nażżaret, isir dejjem iktar viżibbli fil-kliem u fl-imġieba tal-kapijiet tal-poplu.

B’dan il-mod, il-Verġni spiss kienet issir taf bil-kritika, bl-insulti u bit-theddid indirizzati lil Ġesù. Ġo Nażżaret ukoll, diversi drabi kienet issib ruħha mweġġgħa min-nuqqas ta’ twemmin ta’ qraba u ta’ konoxxenti, li kienu jippruvaw jistrumentalizzaw lil Ġesù (cf. Ġw 7,2-5) jew li jinterrompu l-missjoni tiegħu (cf. Mk 3,21).

Permezz ta’ dawn it-tbatijiet imġarrba b’dinjità kbira u fil-moħbi, Marija taqsam l-itinerarju ta’ Binha «lejn Ġerusalem» (Lq 9,51) u. dejjem iktar magħquda miegħu fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba, tikkopera fil-fidwa.

4. Il-Verġni hekk issir eżempju għal dawk li jilqgħu l-kelma ta’ Kristu. Waqt li temmen sa mill-Annunzjazzjoni l-messaġġ divin u waqt li tingħaqad totalment mal-Persuna tal-Iben, Hija tgħallimna npoġġu lilna nfusna fi smigħ fiduċjuż tal-Feddej, biex niskopru fih il-Kelma divina li tbiddel u ġġedded ħajjitna. L-esperjenza tagħha tinkuraġġina, ukoll, biex naċċettaw il-provi u t-tbatijiet li joħorġu mill-fedeltà lil Kristu, waqt li nżommu ħarsitna fissa fil-bejatitudni mwegħda minn Ġesù lil dawk li jisimgħu u jgħassu Kelmtu  .

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 58.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 422-424.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb