47. Ħdejn is-Salib, Marija hija parti mid-dramm tal-Fidwa


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  02/04/1997.

1. Regina caeli laetare, alleluia!

Hekk tkanta l-Knisja f’dan iż-żmien tal-Għid, waqt li tistieden lill-fidili biex jingħaqdu fil-ferħ spiritwali ta’ Marija, Omm l-Irxoxt. Il-ferħ tal-Verġni għall-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu hu ferm iktar kbir meta nqisu s-sehem tagħha ntimu fil-ħajja kollha ta’ Ġesù.

Marija, waqt li taċċetta b’disponibiltà sħiħa l-kelma tal-anġlu Gabriel, li kien ħabbrilha li kellha ssir l-Omm tal-Messija, bdiet is-sehem tagħha fid-dramm tal-fidwa. L-involviment tagħha fis-sagrifiċċju tal-Iben, żvelat minn Xmun waqt il-preżentazzjoni fit-Tempju, jkompli mhux biss fl-episodju tat-telfa u tas-sejba ta’ Ġesù ta’ tnax-il sena, imma wkoll tul il-ħajja pubblika tiegħu.

Madankollu, l-assoċjazzjoni tal-Verġni fil-missjoni ta’ Kristu tilħaq il-quċċata tagħha f’Ġerusalem, fil-waqt tal-passjoni u l-mewt tal-Feddej. Bħal ma jiċċertifika r-rabà Vanġelu, hija f’dawk il-jiem kienet tinsab fil-Belt Qaddisa, wisq probabbli għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid Lhudi.

2. Il-Konċilju jenfasizza d-dimensjoni profonda tal-preżenza tal-Verġni fuq il-Kalvarju, waqt li jfakkar li Hi «żammet fedelment l-għaqda tagħha mal-Iben sas-salib»,1 u jixtieq jindika li tali għaqda «fl-opra tal-fidwa turi ruħha mill-waqt tal-konċepiment verġinali ta’ Kristu sal-mewt tiegħu».2

Mill-ħarsa lluminatha mid-dija tal-qawmien mill-imwiet, nieqfu biex nimmeditaw l-aċċettazjoni tal-Omm tal-Passjoni feddejja tal-Iben, li titwettaq fis-sehem tad-dulur tagħha. Nerġgħu mill-ġdid lura, imma issa fil-prospettiva tal-qawmien mill-imwiet, f’riġlejn is-salib, fejn l-Omm «sofriet b’mod profond  mal-Uniġenitu tagħha u tingħaqad b’kuraġġ matern fis-sagrifiċċju tiegħu, bi qbil amoruż mas-sagrifiċċju tal-vittma minnħa ġġenerata».3

B’dan il-kliem il-Konċilju jfakkarna «fil-ħniena ta’ Marija», fil-qalb ta’ min jgħaddi dak kollu li Ġesù jsofri u f’ġismu, waqt li jenfasizza r-rieda li tieħu sehem fis-sagrifiċċju feddej u li tgħaqqad it-tbatija materna tagħha mal-offerta saċerdotali tal-Iben. 

Fit-test konċiljari wkoll, jidher b’mod evidenti li l-kunsens minnha mogħti għas-sagrifiċċju ta’ Ġesù ma jikkostitwixxix aċċettazzjoni passiva, imma att awtentiku ta’ mħabba, li bih Hija toffri lil Binha bħala «vittma» ta’ espijazzjoni ghad-dnubiet tal-umanità kollha kemm hi.

Il-Lumen gentium tpoġġi, fl-aħħarnett, il-Verġni f’relazzjoni ma’ Kristu, protagonist tal-ġrajja feddejja, waqt li tispeċifia li fl-assoċjazzjoni «fis-ragrifiċċju tiegħU», Hija tibqà  suġġetta għal Binha divin.

3. Fir-rabà Vanġelu San Ġwann jirreferi li «kien hemm qrib is-salib ta’ Ġesù, ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala» (Ġw 19,25). Bil-verb «kien hemm», li litteralment ifisser «kien hemm bilwieqfa», «kien hemm dritta», l-Evanġelista jrid forsi jippreżenta d-dinjità u l-qawwa murija fid-dulur minn Marija u min-nisa l-oħra. 

B’mod partikolari, il-«kien hemm dritta» tal-Verġni qrib is-salib ifakkarna fil-qawwa inkrollabbli u l-kuraġġ straordinarju fl-iffaċċjar tal-uġigħ tal-qalb. Fid-Dramm tal-Kalvarju Marija hija sostnuta mill-fidi,  imqawwija fil-korsa tal-ġrajjiet tal-eżistenza tagħha u, b’mod speċjali, waqt il-ħajja pubblika ta’ Ġesù. Il-Konċilju jfakkar li, «il-Beata Verġni avanzat fil-mixja tal-fidi u  żammet fedelment l-għaqda tagħha ma’ Binha sas-salib». Għall-insulti  arroganti indirizzati lejn il-Messija msallab, [573]Hija, waqt li qasmet id-dispożizzjonijiet intimi tiegħu,  tressaq l-indulġenza u l-maħfra, waqt li tassoċja ruħha mas-supplika lill-Missier: «Aħfrilhom, għaliex ma jafux x’inhuma jagħmlu» (Lq 23,34). Tieħu sehem fis-sentiment ta’ abbandun għar-rieda tal-Missier, espress minn l-aħħar kliem ta’ Ġesù fuq is-salib: «Missier, f’idejk nerħi ruħi» (Lq 23,46), Hija b’tali mod toffri, bħal ma josserva l-Konċilju, kunsens ta’ mħabba «għas-sagrifiċċju tal-vittma  minnha ġgenerata».5

4. F’din l-«iva» suprema ta’ Marija tiddi t-tama fiduċjuża fil-misteru futur, mibdi bil-mewt tal-Iben imsallab. L-espressjonijiet li bihom Ġesù, fil-mixja lejn Ġerusalem, kien jgħallem lid-dixxipli  «li Bin il-bniedem kellu jbati ħafna u jkun  akkużat mix-xjuħ, mill-qassisin il-kbar u mill-iskribi, imbagħad ikun maqtul u, wara tlett ijiem, jerġà jqum» (Mk 8,31), dwewlha f’qalbha fis-siegħa drammatika tal-Kalvarju, waqt li qanqlu l-istennija u x-xewqa tal-qawmien mill-imwiet. It-tama ta’ Marija f’riġlejn is-salib  tiġbor fiha dawl iktar qawwi mid-dlam li jsaltan f’bosta qlub: quddiem is-Sagrifiċċju feddej, titwieled f’Marija t-tama tal-Knisja u tal-umanità.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 58.
2 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 57.
3 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 58.
4 Ibidem.
5 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 58.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb