48. Marija koperatriċi singolari tal-Fidwa


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  09/04/1997.

1. Matul is-sekli l-Knisja rriflettiet dwar il-koperazzjoni ta’ Marija fl-opra tal-Fidwa, waqt li approfondiet l-analiżi tal-assoċjazzjoni tagħha fis-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu. Diġa Santu Wistin jattribwixxi lill-Verġni l-kwalifika ta’ «koperatriċi» tal-Fidwa,1 titolu li jenfasizza l-azzjoni konġunta u suġġetta ta’ Marija ma’ Kristu Feddej.

F’dan is-sens żviluppat ruħha r-riflessjoni, speċjalment nibdew mill-XV-il seklu. Xi ħadd beżà li riedu jpoġġu lil Marija fuq l-istess pjan ta’ Kristu. Fir-realtà t-tagħlim tal-Knisja jenfasizza b’ċarezza d-differenza bejn Marija u l-Iben fl-opra tal-fidwa, waqt li turi s-subordinazzjoni tal-Verġni, għaliex hija koperatriċi, tal-uniku Feddej.

Mill-bqija, l-appostlu Pawlu, meta jistqarr: «Aħna kollaboraturi ta’ Alla» (1Kor 3,9), isostni l-possibiltà effettiva għall-bniedem li jikkopera ma’ Alla. Il-kollaborazzjoni ta’ dawk li jemmnu li, ovvjament, teskludi kull ugwaljanza miegħU, tesprimi ruħha fl-aħbar tal-Vanġelu u  fil-kontribut personali għall-fundamentalità tiegħu fil-qalb tal-esseri umani.

2. Applikat għal Marija, it-terminu «koperatriċi» jassumi, però, sinifikat speċifiku. Il-kollaborazzjoni tal-insara fil-fidwa tattwa ruħha wara l-ġrajja tal-Kalvarju, li għaliha huma jimpenjaw ruħhom biex ixerrdu l-frott permezz tat-talb u s-sagrifiċċju. Il-konkors ta’ Marija, iżda, jattwa ruħu waqt il-ġrajja stess u bit-titlu ta omm; jinfirex allura mat-totalità tal-opra feddejja ta’ Kristu. Hija biss kienet assoċjata b’dan il-mod fl-offerta feddejja li mmeritat il-fidwa tal-bnedmin kollha. F’għaqda ma’ Kristu u  soġġetta għalih, Hija ikkollaborat biex tikseb il-grazzja tal-fidwa għall-umanità kollha kemm hi.

Ir-rwol partikolari ta’ koperatriċi  mwettaq mill-Verġni għandu bħala sies il-maternità divina tagħha. Billi welldet lil Dak li kien iddestinat biex iwettaq il-fidwa tal-bniedem, billi temgħatu, billi ppreżentatu fit-tempju, billi sofriet miegħu waqt li kien qed imut fuq is-Salib «hija kkoperat b’mod għal kollox speċjali fl-opra tal-Feddej».2 Ukoll jekk is-sejħa ta’ Alla biex tikkollabora fl-opra tal-fidwa tirrigwarda kull esseri uman, is-sehem ta’ Omm il-Feddej fil-Fidwa tal-umanità tirrapreżenta fatt uniku u rrepetibbli.

Minkejja s-singolarità ta’ tali kondizzjoni, Marija hija destinatarja tal-fidwa. Hija hi l-ewwel mifdija, riskattata minn Kristu  «bil-mod l-iktar sublimi» fil-konċepiment immakulat tagħha,3 u mfawra bil-grazzja tal-Ispirtu Santu.

3. Din l-istqarrija issa twassalna biex nistaqsu: xinhu s-sinifikat ta’ din il-koperazzjoni singolari ta’ Marija fil-pjan tal-fidwa. Dan għandu jitfittex f’intenzjoni partikolari ta’ Alla fil-konfront ta’ Omm il-Feddej, li f’żewġ okkażjonijiet sollenni, jiġifieri f’Kana u taħt is-Salib, Ġesù jsejjaħ bit-titlu ta’  «Mara» (cf. Ġw 2,4; 19,26). Marija hija assoċjata għaliex mara fl-opra feddejja. Wara li ħoloq il-bniedem «maskju u femmina» (cf. Ġn 1,27), il-Mulej ried  jikkumplimenta, ukoll fil-Fidwa, lil Adam il-Ġdid bl-Eva l-Ġdida. Il-koppja tal-proġenituri kienet għażlet it-triq tad-dnub; koppja ġdida, l-Iben ta’ Alla bil-kollaborazzjoni tal-Omm, kellu jergà jistabilixxi l-ġeneru uman fid-dinjità oriġinarja tiegħu.

Marija,  Eva l-ġdida, hekk issir ikona perfetta tal-Knisja. Hija, fil-pjan divin ta’ Alla, tirapreżenta taħt is-Salib lill-umanità mifdija li, fil-bżonn ta’ fidwa, saret kapaċi toffri kontribut lill-iżvilupp tal-opra feddejja.

4. Il-Konċilju għandu preżenti sewwa din id-duttrina u jagħmilha tiegħu, waqt li jenfasizza l-kontribut tal-Verġni Mqaddsa mhux biss fit-twelid tal-Feddej, imma wkoll fil-ħajja ta’ Ġismu mistiku tul il-kors tas-sekli u sal- «eschaton»: fil-Knisja Marija «ikkoperat»4 u «tikkopera»5 fl-opra tal-fidwa. Fl-ispjega tal-misteru tal-Annunzjazzjoni, il-Konċilju jiddikjara li l-Verġni ta’ Nazzaret, «waqt li tħaddan ir-rieda feddejja ta’ Alla, tikkonsagra għal kollox lilha nfisha bħala l-Qaddejja tal-Mulej lill-persuna u lill-opra ta’ Binha, billi taqdi l-misteru tal-fidwa taħtU u miegħU, bil-grazzja ta’ Alla omnipotenti».6

Il-Vatikan II, barra minn hekk, jippreżenta lil Marija mhux biss bħala «omm il-Feddj», imma bħala «sieħba ġeneruża għal kollox eċċezzjonali», li tikkopera «b’mod għal kollox speċjali fl-opra tal-Feddej, bl-ubbidjenza, il-fidi, it-tama u l-karità mħeġġa». Ifakkar, ukoll, xi frott sublimi ta’ din il-koperazzjoni hija l-maternità universali: «Għal dan saret għalina omm fl-ordni tal-grazzja».7

Lejn il-Verġni Mqaddsa mela nistgħu nduru b’fiduċja, waqt li nitolbuha l-għajnuna fl-għarfien tar-rwol singolari afdat Lilha minn Alla, ir-rwol ta’ koperatriċi tal-Feddej, minnHa mwettaq fil-ħajja kollha u, b’mod partikolari, f’riġlejn is-Salib.

NOTI

1 Sant’Agostino, De Sancta Virginitate, 6; PL 40, 399.
2 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 58.
3 Cf. Bolla Ineffabilis Deus, in Pio IX, Acta 1, 605.
4 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 53.
5 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 63. 
6 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 56. 
7 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 61.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 621-623.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.