49. «Mara, hemm hu Ibnek!»

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  23/04/1997.

1. Wara li fakkar il-preżenza ta’ Marija u tan-nisa l-oħra qrib is-salib tal-Mulej, San Ġwann jirreferi: «Ġesù meta ra lil ommu u maġembha lid-dixxiplu li kien iħobb, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek!”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok!”» (Ġw 19,26-27).

Dan il-kliem, b’mod partikolari kommoventi, jikkostitwixxi «xena ta’ rivelazzjoni»: jirrivela s-sentimenti profondi tal-Kristu qed imut u jiġbor fih  għana kbira ta’ sinifiati għall-fidi u l-ispiritwalità nisranja. Infatti, waqt li jdur, fi tmiem il-ħajja tiegħu terrena, fuq l-Omm u fuq id-dixxiplu li kien iħobb, il-Messija msallab jistabilixxi relazzjonijiet ġodda ta’ mħabba bejn Marija u l-insara.   

Interpretati kultant b’mod uniku bħala manifestazzjoni tal-ħniena filjali ta’ Ġesù lejn Ommu, afdatha għall-futur lid-dixxiplu maħbub, tali espressjonijiet imorru ferm ‘il hemm mill-bżonn   kontinġenti ta’ soluzzjoni ta’ problema familjari. Infatti, il-konsiderazzjoni attenta tat-test, ikkonfermatha mill-interpretazzjoni ta’ bosta Santi Padri u mis-smigħ ekkleżjali komuni, tpoġġina quddiem, fl-għotja doppja ta’ Ġesù, xi fatti ferm rilevanti biex nifhmu l-irwol tal-Verġni fl-ekonomija tal-fidwa.

Il-kliem ta’ Ġesù agunija, fil-fatt, jirivela li l-fehma tiegħu primarja mhix dik li jafda lill-Ommu lil Ġwanni, imma li jagħti lid-dixxiplu lil Marija, billi jtiha missjoni materna ġdida. It-titlu «mara», barra minn dan, użat minn Ġesù wkoll fit-tieġ ta’ Kana biex iwassal lil Marija għal dimensjoni ġdida tal-esseri tagħha [750] ta’ Omm, juri kemm il- kliem tal-Feddej mhux frott ta’ sempliċi sentiment ta’  mħabba filjali, imma jrid ipoġġiha fuq pjan iktar għoli.

2. Il-mewt ta’ Ġesù, minkejja li kkawżat f’Marija l-ikbar tbatija, ma tbiddilx minnha nfiha il-kondizzjonijiet abitwali ta’ ħajjitha: infatti, waqt li abbanduna lil Nażżaret biex jibda l-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù kien diġa ħalla weħidha lil Ommu. Barra minn hekk, il-preżenza qrib is-salib tal-qariba tagħha, Marija ta’ Kleofa, tippermetti li naħsbu li l-Verġni kellha rapporti tajbin mal-familja u l-qraba,  għand min setgħet issib ilqugħ wara l-mewt ta’ Binha. 

Il-kliem ta’ Ġesù, iżda, jassumi s-sinifikat iktar awtentiku tiegħu fl-intern tal-missjoni tiegħu feddejja. Ippronunzjat fil-waqt tas-sagrifiċċju feddej, huwa  jikseb propju minn din iċ-ċirkustanza sublimi il-valur tiegħu iktar għoli.

L-Evanġelista, infatti, wara l-espressjonijiet ta’ Ġesù lill-Omm, iġib  parentesi sinifikattiva: «Ġesù, billi issa kien jaf li kull ħaġa kienet imwettqa…» (Ġw 19,28), kważi donnu jrid jenfasizza li Hu wassal għat-tmiem is-sagrifiċċju tiegħu bl-affidament ta’ Ommu lil Ġwanni u fih, lill-bnedmin kollha, li tagħhom hija ssir Omm fl-opra feddejja.

3. Ir-realtà mwettqa bil-kliem ta’ Ġesù, jiġifieri l-maternità l-ġdida ta’ Marija fil-konfront tad-Dixxiplu, tikkostitwixxi sinjal ulterjuri tal-imħabba kbira li wasslet lil Ġesù biex joffri ħajtu għall-bnedmin kollha. Fuq il-Kalvarju tali mħabba turi ruħha fl-għotja ta’ omm, dik tiegħu, li hekk issir ukoll ommna.

Hemm bżonn niftakru li, skont it-tradizzjoni, Ġwanni huwa dak li, fil-fatt, il-Verġni għarfet bħala binha; imma tali privileġġ ġie nterpretat mill-poplu nisrani, sa mill-bidu, bħala sinjal ta’ ġenerazzjoni spiritwali fir-rigward tal-umanità kollha kemm hi.

Il-maternità universali ta’ Marija, il «Mara» tat-tieġ ta’ Kana u tal-Kalvarju, tfakkar lil Eva, «omm il-ħajjin kollha» (Ġn 3,20). Madankollu, waqt li din kienet ikkontribwiet għad-dħul tad-dnub fid-dinja, l-Eva l-ġdida, Marija, tikkopera fil-ġrajja feddjja tal-Fidwa. Hekk fil-Verġni, il-figura tal-«mara» tiġi rijabilitatha u l-maternità tassumi id-dmir li xxerred fost il-bnedmin il-ħajja ġdida ta’ Kristu.

Minħabba tali missjoni, minn Marija huwa mitlub is-sagrifiċċju, għaliha tassew doloruż, li taċċetta l-mewt tal-Uniġenitu tagħha. L-espressjoni ta’ Ġesù: «Mara, hawn hu ibnek»,tippermetti lil Marija li  tagħraf ir-rapport matern il-ġdid li kellu jtawwal u jespandi dak preċedenti. L- «iva» tagħha għal tali proġett mela tikkostitwixxi, approvazzjoni għas-sagrifiċċju ta’ Kristu , li Hi b’mod ġeneruż taċċetta  fl-għaqda mar-rieda divina. Ukoll jekk fil-pjan ta’ Alla l-maternità ta’ Marija kienet iddestinatha sa mill-bidu biex testendi ruħha għall-umanità kollha, fuq il-Kalvarju biss, bis-saħħa tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, hija turi ruħha fid-dimensjoni universali tagħha.

Il-kliem ta’ Ġesù: «Hawn hu ibnek», iwettaq dak li jesprimi, waqt li jikkostitwixxi lil Marija omm ta’ Ġwanni u tad-dixxipli kollha ddestiniati li jirċievu d-don tal-grazzja divina.

4. Ġesù fuq is-Salib ma jipproklamax b’mod formali l-maternità universali ta’ Marija, imma stabilixxa rapport matern konkret bejnha u bejn id-dixxiplu maħbub. F’din l-għażla tal-Mulej wieħed jistà jara l-ansjetà li tali maternità ma tiġix interpretatha f’sens vag, imma tindika r-rapport intens u personali ta’ Marija mal-insara wieħed wieħed.

Jistà kull wieħed u waħda minna, propju minħabba din il-konkretezza tal-maternità universali ta’ Marija, jagħraf b’mod sħiħ fiHa lill-propja Ommu, waqt li jafda lilu nnifsu b’fiduċja fl-imħabba materna tagħha.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 749-751.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading