52. Marija u d-don tal-Ispirtu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  28/05/1997.

1. Waqt li jgħaddi l-itinerarju kollu tal-ħajja tal-Verġni Marija, il-Konċilju Vatikan II ifakkar il-preżenza tagħha fil-komunità li tattendi Għid il-Ħamsin: «Billi kien għoġob lil Alla li ma jimmanifestax b’mod sollenni l-misteru tal-fidwa umana qabel ma jkun issawwab l-Ispirtu mwiegħed minn Kristu, naraw l-Appostli qabel jum Għid il-Ħamsin “perseveranti b’qalb waħda fit-talb man-nisa u m’Omm Ġesù, u ma’ ħutu” (At 1,14), u Marija wkoll mitlufa fit-talb tagħha għad-don tal-Ispirtu, li kien diġa  dellilha fl-Annunzjazzjoni».1

l-ewwel komunità tikkostitwixxi l-preludju tat-twelid tal-Knisja; il-preżenza tal-Verġni tikkontribwixxi biex tindikalhom l-wiċċ definittiv, frott tad-don ta’ Għid il-Ħamsin.

2. Fil-klima ta’ stennija, dominanti fiċ-Ċenaklu wara l-Axxensjoni, liema hija l-pożizzjoni ta’ Marija applikabbli għall-inżul tal-Ispirtu Santu?

Il-Konċilju jenfasizza espressament il-preżenza oranti tagħha   in vista tat-tiswib tal-Paraklitu: Hija titlob b’ħerqa kbira «b’talbha id-don tal-Ispirtu». Din in-notazzjoni tirriżulta b’mod partikolari sinifikattiva mill-waqt li fl-Annunzjazzjoni l-Ispirtu Santu kien diġa niżel fuqha, waqt li ksiha «b’dellu» u b’hekk ta bidu għall-Inkarnazzjoni tal-Verb. 

Billi diġa kien kellha esperjenza għal kollox singolari dwar l-effett ta’ tali don, il-Verġni Santissima kienet fil-kondizzjoni li setgħet tapprezzah [1280]iktar minn kull wieħed; infatti għall-intervent misterjuż tal-Ispirtu, Hija kienet taf il-maternità tagħha, li kienet għamlet minnha t-triq tad-dħul tal-Feddej fid-dinja.

B’differenza ta’ dawk li kienu preżenti fiċ-Ċenaklu fi stennija anzjuża, Hija, billi  kienet taf sewwa l-importanza tal-wegħda ta’ Binha lid-dixxipli (cf. Ġw 14,16), kienet tgħin lill-komunità biex tħejji ruħha sewwa għall-miġja tal- «Paraklitu».

L-esperjenza singolari tagħha, mela, waqt li kienet tħeġġeġ ix-xewqa b’mod ardenti tal-miġja tal-Ispirtu, kienet timpenja ruħha wkoll biex  tħejji l-imħuħ u l-qlub ta’ dawk li kienu madwarha.

3. Waqt dak it-talb fiċ-Ċenaklu f’atteġġjament ta’ għaqda profonda mal- «aħwa» ta’ Ġesù, Omm il-Mulej kienet titlob id-don tal-Ispirtu għaliha u għall-komunità.

Kien opportun li l-ewwel tiswib tal-Ispirtu fuqha, li kien seħħ in vista tal-maternità divina, ikun imġedded u mqawwi. Infati, f’riġlejn is-Salib, Marija kienet ġiet investita b’maternità ġdida, dik fil-konfront tad-dixxipli ta’ Ġesù. Propju din il-missjoni kienet tesiġi don imġedded tal-Ispirtu. Il-Verġni dan xtaqitu, mela, in vista tal-fertilità tal-maternità spiritwali tagħha. 

Waqt li fis-siegħa tal-Inkarnazzjoni l-Ispirtu kien niżel fuqha, bħala l-persuna msejħa biex tieħu sehem denjament fil-misteru l-kbir, issa kollox jitwettaq  fid-dawl tal-Knisja, li tagħha Marija hija msejħa biex tkun tip, mudell u omm.

Fil-Knisja u għall-Knisja Hija, konxja mill-wegħda ta’ Ġesù, tistenna Għid il-Ħamsin u titlob bil-ħerqa għal kulħadd multepliċità ta’ doni, skont il-personalità u l-missjoni ta’ kull wieħed u waħda.

4. Fil-komunità nisranija t-talb ta’ Marija għandu sinifikat  speċifiku: dan jiffavorixxi l-miġja tal-Ispirtu, waqt li jħeġġeġ l-azzjoni fil-qalb tad-dixxipli u fid-dinja. Bħal ma fl-Inkarnazzjoni l-Ispirtu kien ifforma fil-ġuf tagħha verġinali l-ġisem fiżiku ta’ Kristu, hekk issa fiċ-Ċenaklu l-istess Spirtu jinżel biex janima l-Ġisem Mistiku.

Għid il-Ħamsin, mela, huwa frott ukoll tat-talb ma jaqtax tal-Verġni, li l-Paraklitu jilqà b’merħba singolari, għaliex espressjoni tal-imħabba materna tagħha lejn id-dixxipli tal-Mulej.

Waqt li jikkontemplaw l-interċessjoni qawwija ta’ Marija li tistenna l-Ispirtu Santu, l-insara taż-żminijiet kollha, fil-mixja twila u  iebsa lejn il-fidwa, spiss jirrikorru għall-interċessjoni tagħha biex jirċievu b’abbundanza ikbar id-doni tal-Paraklitu.

5. Waqt li wieġeb għat-talb tal-Verġni u tal-komunità miġbura fiċ-Ċenaklu f’jum Għid il-Ħamsin, l-Ispirtu Santu isawwab lill-Verġni u lil dawk preżenti bil-milja tad-doni tiegħu, waqt li jopera fihom bidla profonda in vista tat-tixrid tal-Bxara t-Tajba. Lill-Omm Kristu u lid-dixxipli  jiġu mogħtija qawwa ġdida u dinamiżmu apostoliku ġdid għall-kobor tal-Knisja. B’mod partikolari, it-tiswib tal-Ispirtu jmexxi lil Marija biex teżerċita l-maternità spiritwali tagħha b’mod singolari, permezz tal-preżenza tagħha minsuġa bil-karità u bix-xhieda tagħha ta’ fidi. 

Fil-Knisja krexxenti Hija tgħaddi lid-dixxipli, bħala teżor inestimabbli, it-tifkiriet dwar l-Inkarnazzjoni, dwar l-infanzja, dwar il-ħajja moħbija u dwar il-missjoni ta’ Binha divin, waqt li tikkontribwixxi biex ikun magħruf u biex tqawwi l-fidi ta’ dawk li jemmnu.

Ma nippossiedu ebda nformazzjoni dwar l-attività ta’ Marija fil-Knisja primittiva imma huwa ġust li wieħed jissopponi li, ukoll wara Għid il-Ħamsin, Hija kompliet tgħix eżistenza moħbija u diskreta,  viġilanti u effikaċi. Illuminatha u mmexxiha mill-Ispirtu, hija eżerċitat influss profond fuq il-komunità tad-dixxipli tal-Mulej.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentiumġust, 59.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 1279-1281.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.