53. L-assunzjoni ta’ Omm Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  25/06/1997.

1. Dwar il-konklużjoni tal-ħajja terrena ta’ Marija, il-Konċilju jerġà jaqbad it-termini tal-Bolla tad-definizzjoni tad-Domma tal-Assunzjoni u jiddikjara: «L-Immakulata Verġni, ippriservatha immuni min kull tebgħa tal-ħtija oriġinali, meta spiċċa l-kors ta’ ħajjitha terrena, ġiet imtellgħa fil-glorja ċelesti bil-ġisem u r-ruħ».1 

B’din il-formula l-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, waqt li ssegwi lill-Predeċessur Venerabbli tiegħi Piju XII, ma tippronunzjax ruħha dwar il-kwistjoni tal-mewt ta’ Marija. Piju XII madankollu ma jridx jiċħad il-fatt tal-mewt, imma biss ma qiesx opportun li jiddikjara sollennement, bħala verità li għandha tkun Assunta minn dawk kollha li jemmnu, il-mewt tal-Omm ta’ Alla.

Diversi tejoloġi, fil-fatt, sostnew l-eżenzjoni tal-Verġni mill-mewt u l-passaġġ tagħha dirett mill-ħajja terrena għall-glorja ċelesti. Madankollu din l-opinjoni tibqà mhix magħrufa sas- XVII-il seklu, waqt li fir-realtà teżisti tradizzjoni komuni li tara fil-mewt ta’ Marija l-introduzzjoni tagħha fil-glorja ċelesti.

2. Huwa possibbli li Marija ta’ Nażżaret sperimentat f’ġisimha id-dramm tal-mewt? Waqt li nirriflettu fuq id-destin ta’ Marija u fuq ir-rapport tagħha mal-Iben divin, donnu jidher leġittimu li wieħed inwieġeb b’mod affermattiv: la darba Kristu miet, huwa diffiċli li wieħed isostni l-kuntrarju għal Ommu.

F’dan is-sens irraġunaw is-Santi Padri tal-Knisja, li f’dan ir-rigward m’għandhom ebda dubju. Biżżejjed nikkwotaw lil San Ġakbu ta’ Sarug († 521), skont[1609]min «il-kor tat-tnax-il Appostlu» meta għal Marija wasal «iż-żmien li timxi fuq it-triq tal-ġenerazzjonjiet kollha», jiġifieri t-triq tal-mewt, inġabar biex jidfen «il-ġisem verġni tal-Imbierka».2 San Modest ta’ Ġerusalem († 634), wara li kien tkellem fil-wisà dwar «ir-raqda bejatissima tal-glorjożissima Ġenitriċi ta’ Alla», jikkonkludi t-«tifħir» tiegħu billi jeżalta l-intervent tal-għaġeb ta’ Kristu li  «qajjimha mill-qabar» biex  jassumiha miegħu fil-glorja.3 San Ġwann Damaxxenu († 704), minn naħa tiegħu jistaqsi:  «Kif qatt dik li fil-ħlas għaddiet fuq il-limiti kollha tan-natura, issa titbaxxa għal-liġijiet tagħha u ġisimha mmakulat jiġi sottomess għall-mewt?». U jwieġeb: «Bla ebda dubju kien hemm bżonn li l-parti mortali tiġi midfuna biex tlibbes lilha nfisha bl-immortalità, għaliex is-sid tan-natura wkoll ma rrifjutax l-esperjenza tal-mewt.

Huwa, infatti miet skont il-ġisem u bil-mewt qered il-mewt, għall-korruzzjoni kabbar l-inkorrutibiltà u l-mewt tagħmlu sors ta’ qawmien mill-imwiet».4

3. Huwa minnu li fir-rivelazzjoni il-mewt hija ppreżentata bħala kastig tad-dnub. Madankollu il-fatt li l-Knisja tipproklama lil Marija meħlusa mid-dnub oriġinali bi privileġġ divin singolari ma jwassalx biex nikkonkludu li Hija irċeviet ukoll l-immortalità korporali. L-Omm mhix superjuri għall-Iben, li assuma l-mewt, waqt li taha sinifikat ġdid u waqt li bidilha fi strument ta’ fidwa.

Involuta fl-opra feddejja u assoċjata fl-offerta feddejja ta’ Kristu, Marija setgħet taqsam it-tbatijiet u l-mewt minħabba l-fidwa tal-umanità. Ukoll għaliha jgħodd dak li jiddikjara Severo ta’ Antijokja fir-rigward ta’ Kristu: «Mingħajr mewt preliminari, kif setà jseħħ il-qawmien mill-imwiet?».5 Biex tkun parteċipi tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, Marija kellha taqsam qabel xejn il-mewt.

4. It-Testment il-Ġdid ma jtina ebda aħbar dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt ta’ Marija. Dan is-skiet iwassal biex wieħed jissopponi li din seħħet b’mod normali, mingħajr ebda partikular li jistħoqqlu li wieħed isemmih. Li kieku ma kienx hekk, kif setgħet l-aħbar tibqà moħbija lil dawk kontemporanji u ma tasalx b’xi mod, għandna?

Rigward il-kawżi tal-mewt ta’ Marija ma tantx jidhru  ta’ min jorbot fuqhom l-opinjonijiet li riedu għaliha jeskludu kawżi naturali. Iktar importanti hija r-riċerka tal-atteġġjament spiritwali tal-Verġni fil-waqt tat-tluq tagħha minn din id-dinja. Dwar dan, San Franġisk ta’ Sales isostni li l-mewt ta’ Marija seħħet bħala effett ta’ passaġġ ta’ mħabba. Huwa jitkellem dwar mewt «fl-imħabba, minħabba l-imħabba u għall-imħabba», waqt li jżid għalhekk biex jiddikjara li l-Omm ta’ Alla mietet bl-imħabba għal Binha Ġesù.6

Kien x’kien il-fatt organiku u bijoloġiku li kkawża, taħt l-aspett fiżiku, il-waqfien tal-ħajja tal-ġisem, wieħed jistà jgħid li l-passaġġ minn din il-ħajja għall-oħra kien għal Marija maturazzjoni tal-grazzja fil-glorja, hekk li qatt bħal f’dak il-każ il-mewt setgħet tkun ikkonċepita bħala «assunzjoni».

5. F’diversi Santi Padri tal-Knisja nsibu deskrizzjoni ta’ Ġesù stess li jiġi biex jieħu lil Ommu fil-waqt tal-mewt, biex jintroduċiha fil-glorja ċelesti.

Huma jippreżentaw, hekk, il-mewt ta’ Marija bħala ġrajja ta’ mħabba li mexxietha biex tasal ħdejn Binha divin għall-ħaja immortali. Fl-aħħar tal-eżistenza terrena tagħha, Hija sperimentat, bħal Pawlu u iktar minnu, ix-xewqa li tinħall mill-ġisem biex tkun ma’ Kristu għal dejjem  (cf. Fil 1,23). 

L-esperjenza tal-mewt għaniet il-persuna tal-Verġni: billi għaddiet mix-xorti komuni tal-bnedmin, Hija tistà teżerċita b’iktar  effett il-maternità spiritwali tagħha lejn dawk li jaslu fis-siegħa suprema tal-ħajja.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 59.
2 San Giacomo di Sarug, Discorso sulla sepoltura della Santa Genitrice di Dio, 87-99 in C. Vona,Lateranum 19 (1953), 188.
3 San Modesto di Gerusalemme, Enc. in dormitionem Deiparae semperque Virginis Mariae, nn. 7 e 14: PG 86 bis, 3293; 3311.
4 San Giovanni Damasceno, Panegirico sulla Dormizione della Madre di Dio, 10: SC 80,107.
5 Severo d’Antiochia, Antijulianistica, Beirut 1931, 194s.
6 San Francesco di Sales, Traité de l’Amour de Dieu, Lib. 7, c. XIII-XIV.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/1 (1997) p. 1608-1610.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.