57. Marija, membru sopreminenti tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  30/07/1997.

IT-TIELET PARTI
IR-RWOL TA’ MARIJA FIL-KNISJA

1. Ir-rwol eċċezzjonali li Marija għandha fl-opra tal-fidwa jistedinna biex napprofondixxu r-rapport eżistenti bejnHa u l-Knisja.

Skont xi wħud, Marija ma tistax titqies membru tal-Knisja,  minħabba li l-prvileġġi li ġew imsawba fuqha, l-immakulata konċezzjoni, il-maternità divina u l-koperazzjoni singolari tal-fidwa, jpoġġuha f’kundizzjoni ta’ superjorità fir-rigward tal-komunità ta’ dawk li jemmnu.

Il-Konċilju Vatikan II, però, ma jaħsibhiex li jippreżenta lil Marija bħala membru tal-Knisja, minkejja li jippreċiża li Hi hija dan b’mod  «sopreminenti u għal kollox singolari»:1 Tal-Knisja Marija hija figura. Mudell u omm. Differenti mill-fidili l-oħra kollha, u mottiv tad-doni eċċezzjonali riċevuti mill-Mulej, il-Verġni tappartjeni, madankollu, għall-Knisja u hija membru tagħha b’titlu sħiħ.

2. Id-dutrina konċiljari ssib sies sinifikattiv fl-Iskrittura Mqaddsa. L-Atti tal-Appostli juru lil Marija preżenti sa mill-bidu fil-komunità primittiva (cf. At 1,14), waqt li taqsam mad-dixxipli u xi nisa li kienu jemmnu l-istennija  oranti tal-Ispirtu Santu, li se jinżel fuqhom.

Wara Ġħid il-Ħamsin il-Verġni tkompli tgħix f’għaqda fraterna f’nofs il-komunità u tieħu sehem fit-talb, fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli u fil- «qsim tal-ħobż», jiġifieri fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika (cf. At 2,42).

Dik li kienet għexet f’għaqda stretta ma’ Ġesù fid-dar ta’ Nażżaret, issa tgħix fil-Knisja f’għaqda intima ma’ Binha preżenti fl-Ewkaristija.

3. Omm l-Iben uniġenitu ta’ Alla, Marija hija Omm il-Komunità li tikkostitwixxi l-Ġisem mistiku tal-Kristu u takkumpanjaha fl-ewwel passi.

Waqt li taċċetta l- missjoni, Hija timpenja ruħha biex tanima l-ħajja ekkleżjali bil-preżenza tagħha materna u eżemplari. Tali solidarjetà tiġi mill-affiljazzjoni tagħha fil-komunità tal-mifdijin. Infatti, b’differenza minn Binha, Hija kien hemm bżonn li tkun mifdija, minħabba li «kienet magħquda mad-dixxendenti ta’ Adam flimkien mal-bnedmin kollha li kienu jinħtieġu l-fidwa».2 Il-privileġġ tal-immakulata konċezzjoni ippriservaha mit-tebgħa tad-dnub, minħabba influss feddej speċjali tal-Feddej.

«Membru sovreminenti u għal kollox singolari» tal-Knisja, Marija tuża d-doni mogħtija lilha minn Alla biex twettaq solidarjetà iktar sħiħa mal-aħwa ta’ Binha, li issa kienu wkoll saru wliedha.

4. Bħala membru tal-Knisja, Marija tpoġġi għas-servizz tal-aħwa l-qdusija personali tagħha, frott tal-grazzja ta’ Alla u tal-kollaborazzjoni fidila tagħha. L-Immakulata tikkostitwixxi għall-insara kollha sosten validu fil-ġlieda kontra d-dnub u inkuraġġiment  perpetwu biex jgħixu ta’ mifdijin minn Kristu, imqaddsa mill-Ispirtu u wlied il-Missier. 

Inserita fl-ewwel komunità, «Marija, omm  Ġesù» (At 1,14), hija rrispettata u meqjuma minn kulħadd.

Kull wieħed jifhem is-superjorità ta’ Dik li ġġenerat l-Iben ta’ Alla, is-Salvatur uniku u universali. Il-karattru verġinali tal-maternità tagħha,  ukoll,  jippermettilha li tixhed  il-kontribut straordinarju għall-ġid tal-Knisja offrutha minn min, waqt li ċċaħħad għall-fertilità umana għal manswetudni lill-Ispirtu Santu, tpoġġi lilha nfisha kompletament għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla.

Imsejħa biex tikkollabora b’mod intimu għas-sagrifiċċju tal-Iben u għad-don tal-ħajja divina għall-umanità, Marija tkompli l-opra tagħha materna wara Għid il-Ħamsin. Il-misteru ta’ mħabba miġbur fis-Salib jispira l-ħeġġa apostolika tagħha u jimpenjaha, bħala membru tal-Knisja, fit-tixrid tal-bxara t-tajba.

Il-kliem tal-Imsallab fuq il-Golgota: «Mara, hawn hu ibnek» (Ġw 19,26), li bih jiġi mgħarraf lilha r-rwol ta’ omm universali ta’ dawk li jemmnu, jiftaħ orrizzonti ġodda u indefiniti għall-maternità tagħha. Id-don tal-Ispirtu Santu,  riċevut nhar Għid il-Ħamsin (Pentekoste) għat-twettiq ta’ tali missjoni, jipperswadiha biex toffri l-għajnuna ta’ qalbha materna lil dawk kollha li jinsabu fi  triqthom lejn it-twettiq sħiħ tas-Saltna ta’ Alla.

5. Membru sovreminenti tal-Knisja, Marija tgħix f’rapport uniku mal-persuni divini tat-Trinità Mqaddsa: Mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu Santu.

Il-Konċilju, waqt li jsejħilha «Omm l-Iben ta’ Alla, u allura […] bint  favorita tal-Missier u tempju tal-Ispirtu Santu»,3 ifakkar l-effett primarju tal- preferenza tal-Missier li hija l-maternità divina.

Konxja dwar id-don riċevut, Marija taqsam ma’ dawk li jemmnu l-atteġġjamenti ta’ ubbidjenza filjali u ta’ gratitudni sinċiera, waqt li tinkuraġġixxi lil kull wieħed biex jagħraf is-sinjali tat-tjubija divina f’ħajtu.

Il-Konċilju juża l-espressjoni  «tempju» (sacrarium) tal-Ispirtu Santu, bil-ħsieb li jenfasizza r-rabta ta’ preżenza, ta’ mħabba u ta’ kollaborazzjoni li teżisti bejn il-Verġni u l-Ispirtu Santu. Il-Verġni, li diġa San Franġisk ta’ Assisi jinvoka bħala «għarusa tal-Ispirtu Santu»4 tinkuraġġixxi bl-eżempju tagħha lill-membri l-oħra tal-Knisja biex jafdaw ruħhom b’mod ġeneruż għall-azzjoni misterjuża tal-Paraklitu u biex jgħixu f’komunjoni perpetwa  ta’ mħabba miegħu.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 53.
2 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 53.
3 Ibidem.
4 Cf. «Santa Maria Vergine» in: Fonti Francescane, 281.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 73-75.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.