Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali – 06/08/1997.
1. Il-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium tal-Konċilju Vatikan II, wara li ppreżentat lil Marija bħala «sovreminenti u għal kollox membru singolari tal-Knisja», tiddikjaraha «xbiha tagħha u mudell eċċellentissimu fil-fidi u fil-karità».1
Is-Santi Padri konċiljari jattribwixxu lil Marija il-funzjoni tat- «tip», jiġifieri ta’ figura, «tal-Knisja», billi jesprimi bi kliem ieħor it-terminu ta’ San Ambroġ, li jesprimi ruħu hekk fil-kumment dwar l-Annunzjazzjoni: «Iva, hi (Marija) hija għarusa, imma verġni, għaliex hija tip tal-Knisja, li hija mmakulata, imma għarusa: verġni ikonċepiet mill-Ispirtu, verġni welldet mingħajr tbatija».2 Marija hija, mela, figura tal-Knisja minħabba l-qdusija mmakulata, il-verġinità, l-isponsalità u l-maternità.
San Pawl jinqeda bil-vokabolu «tip», biex jindika l-figura sensibbli ta’ realtà spiritwali. Huwa jilmaħ, infatti, fil-passaġġ tal-poplu ta’ Iżrael minn ġol-Baħar l-Aħmar «tip» jew xbiha tal-magħmudija nisranija u, fil-manna u l-ilma li jgelgel mill-blata, «tip» jew xbiha tal-ikel u tax-xorb ewkaristiku (cf. 1Kor 10,1-11).
Waqt li jiddefenixxi lil Marija tip tal-Knisja, il-Konċilju jistedinna biex nagħrfu fiha l-figura viżibbli tar-realtà spiritwali tal-Knisja u, fil-maternità inkontaminata tagħha, l-aħbar tal-maternità verġinali tal-Knisja.
2. Hemm bżonn imbagħad nippreċiżaw li, b’differenza mix-xbihat jew mit-tipi tat-Testment il-Qadim, li huma biss prefigurazzjonijiet ta’ realtajiet futuri, f’Marija r-realtà spiritwali sinifikata hija diġa preżenti u b’xi mod eminenti.
Il-passaġġ minn ġol-Baħar l-Aħmar, li dwaru naqraw fil-ktieb tal-Esodu, huwa ġrajja feddejja ta’ liberazzjoni, imma żgur li ma kinitx magħmudija kapaċi li taħfer id-dnubiet u tagħti ħajja ġdida.
Ugwalment il-manna, don prezzjuż ta’ Jaħwè lill-poplu tiegħu pellegrin fid-deżert, ma kien fiha xejn mir-realtà futura tal-Ewkaristija, Ġisem il-Mulej, linqas l-ilma li gelgel mill-blata ma kien fih id-Demm ta’ Kristu, imxerred għall-kotra.
L-Esodu huwa l-opra kbira mwettqa minn Jaħwè favur il-poplu tiegħu, imma ma tikkostitwixxix il-fidwa spiritwali u definittiva li kellha tiġi attwata minn Kristu fil-Misteru paskwali.
Mill-bqija, waqt li jirreferi għall-kult Lhudi, Pawlu jfakkar: «Dawn il-ħwejeġ kollha huma dell ta’ dawk futuri; imma r-realtà iżda hija Kristu» (Col 2,17).
Tidwi dan l-ittra lil-Lhud, li, waqt li tiżviluppa b’mod sistematiku din l-interpretazzjoni, tippreżenta l-kult tal-patt il-qadim bħala «figura u dell tar-realtà ċelesti» (Eb 8,5).
3. Waqt li jiddikjara li Marija hija figura tal-Knisja, il-Konċilju ma jridx għalhekk jillivellaha mal-figuri jew tipi tat-Testment il-Qadim, irid għall-kuntrarju jiddikjara li fiha titwettaq b’mod plenarju r-realtà spiritwali mħabbra u rappreżentata.
Infatti, il-Verġni hija figura tal-Knisja, mhux inkwantu prefigurazzjoni imperfetta, imma bħala milja spiritwali li b’mod varjat terġà ssib lilha nfisha fil-Ħajja tal-Knisja. Ir-rapport partikolari li jeżisti hawn bejn xbiha u realtà rappreżentata, isib is-sies tiegħu fil-pjan divin, li jistabilixxi rabta stretta bejn Marija u l-Knisja. Il-pjan ta’ fidwa li jordna l-prefigurazzjonijiet fit-Testment il-Qadim għat-twettiq fil-Patt il-Ġdid, jiddeċiedi wkoll li Marija tgħix b’mod perfett dak li b’mod suċċessiv jirrealizza ruħu fil-Knisja.
Il-perfezzjoni li Alla sawwab fuq Marija takkwista, għalhekk, is-sinifikat l-iktar awtentiku tagħha jekk moqrija bħala preludju tal-ħajja divina fil-Knisja.
4. Wara li ddikjara li Marija hija «tip tal-Knisja», il-Konċilju jżid li Hija hi «mudell eċċellentissimu» tagħha, eżempju ta’ perfezzjoni ta’ min isegwih u jimitah.
Marija, infatti, hija «mudell eċċellentissimu» ġaladarba l-perfezzjoni tagħha tissupera dik tal-membri l-oħra kollha tal-Knisja.
B’mod sinifikattiv, il-Konċilju jżid li Hija tirrejalizza tali funzjoni «fil-fidi u fil-karità».
Mingħajr ma ninsew li Kristu huwa l-ewwel mudell, il-Konċilju jissuġġerixxi b’tali mod li hemm xi dispożizzjonijiet interni propji tal-mudell imwettaq f’Marija, li jgħinu lin-nisrani biex jistabilixxi relazzjoni awtentika ma’ Kristu, Infatti, waqt li jħares lejn Marija, dak li jemmen jitgħallem jgħix f’għaqda iktar profonda ma’ Kristu, biex jingħaqad miegħU b’fidi ħajja, u biex iqiegħed fiH il-fiduċja u t-tama tiegħu, waqt li jħobbu bit-totalità tal-esseri tiegħu.
Il-funzjonijiet ta’ «tip u mudell tal-Knisja» jagħmlu referenza b’mod partikolari għall-maternità verġinali ta’ Marija, u jdawlu il-pożizzjoni speċifika fl-opra tal-fidwa. Din l-istruttura fundamentali tal-esseri ta’ Marija tirrifletti ruħha fil-maternità u l-verġinità tal-Knisja.
NOTI
1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 53.
2 Sant’Ambrogio, In Ev. sec. Luc., II,7, CCL 14, 33, 102-106.
Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 97-98.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.