62. Mudell tal-Knisja fil-kult divin


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  10/09/1997.

1. Fl-Eżortazzjoni apostolika Marialis cultus tal-Qaddej ta’ Alla Pawlu VI ta’ tifkira meqjuma jippreżenta lill-Verġni bħala mudell tal-Knisja fl-eżerċizzju tal-kult.

Tali dikjarazzjoni tikkostitwixxi kważi korollarju tal-verità li tindika f’Marija il-mudell tal-Poplu ta’ Alla fit-triq tal-qdusija: «L-eżemplarità tal-beata Verġni f’dan il-qasam toħroġ mill-fatt li hi hija magħrufa bħala mudell eċċellentissmu tal-Knisja fl-ordni tal-fidi, tal-karità u tal-għaqda perfetta ma’ Kristu, jiġifieri ta’ dawk id-dispożizzjonijiet interni li bihom il-Knisja, għarusa tassew maħbuba, assoċċjata b’mod strett mal-Mulej tagħha, issejjaħlu  u, permezz tiegħu, tirrendi l-kult lill-Missier Etern».1

2. Dik li fl-Annunzjazzjoni wriet disponibiltà totali għall-proġett divin tirrapreżenta għal dawk kollha li jemmnu mudell sublimi ta’ smigħ u ta’ ħlewwa għall-Kelma ta’ Alla.

Waqt li twieġeb lill-Anġlu: «Ħa jsir minni dak li għidtli» (Lq 1,38) u waqt li tiddikjara ruħha lesta biex twettaq b’mod perfett r-rieda tal-Mulej, Marija tidħol b’titlu ġust fil-beatitudni ddikkjaratha minn Ġesù: «Beati dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u josservawha!» (Lq 11,28).

B’tali atteġġjament, li jħaddan l-eżistenza kollha tagħha, il-Verġni turi t-triq ewlenija tas-smigħ tal-Kelma tal-Mulej, waqt essenzjali tal-kult, li sar tipiku tal-liturġija nisranija. L-Eżempju tagħha jġħin biex jiftiehem li l-kult ma jikkonsistix qabel kollox fl-espressjoni tal-ħsibijiet u tas-sentimenti tal-bniedem, imma fli wieħed jismà sewwa l-Kelma divina biex ikun jafha, jassimilaha u jirrendiha operattiva fil-ħajja ta’ kuljum.

3. Kull ċelebrazzjoni liturġika hija memorjal tal-misteru ta’ Kristu fl-azzjoni feddejja tiegħu għall-umanità kollha kemm hi, u trid tippromwovi l-parteċipazzjoni personali tal-fidili fil-Misteru paskwali espress mill-ġdid u attwalizzat fil-ġesti u fil-kliem tar-rit. 

Marija kienet xhud tal-ġrajjiet tal-fidwa u fit-twettiq storiku tagħhom, li laħaq l-quċċata fil-mewt u l-qawmien mill-imwiet tal-Feddej, u żammet «dawn il-ħwejjeġ waqt li mmeditathom f’qalbha» (Lq 2,19).

Hija ma llimitatx ruħha li tkun preżenti fil-ġrajjiet singoli, imma fittxet li tiġbor is-sinifikat profond, billi b’qalbha kollha ngħaqdet ma’ dak li kien qed jitwettaq b’mod misterjuż. 

Marija tidher, għalhekk, bħala mudell suprem ta’ parteċipazzjoni personali fil-misteri divini. Hija tiggwida l-Knisja fil-meditazzjoni tal-misteru ċċelebrat u fil-partiċipazzjoni fil-ġrajja tal-fidwa, waqt li tippromwovi fil-fidili x-xewqa ta’  involviment personali ma’ Kristu biex tikkopera bid-don tal-ħajja propja fil-fidwa universali.

4. Marija tikkostitwixxi, ukoll, il-mudell tat-talb tal-Knisja. B’kull probabiltà Marija kienet miġbura fit-talb, meta l-anġlu Gabriel daħal fid-dar ta’ Nażżaret u sellmilha. Tali kuntest ta’ talb bla ebda dubju ta’ xejn sostna lill-Verġni fit-tweġiba tagħha lill-anġlu u fl-għaqda ġeneruża fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. 

Fix-xena tal-Annunzjazzjoni, l-artisti kważi dejjem  ippreżentaw lil Marija f’atteġġjament ta’ talb. Infakkru fost kollha lill-Beato Anġelico. Minn hawn tiġi lill-Knisja u lil kull wieħed li jemmen l-indikazzjoni tal-kliem li għandha tippresiedi l-iżvolġiment tal-kult.

Nistgħu mbagħad inżidu li Marija tirrapreżenta għall-Poplu ta’ Alla l-mudell ta’ kull espressjoni ta’ ħajjitha ta’ talb. B’mod partikolari, Hija tgħallem lill-insara kif għandhom iduru lejn Alla biex jitolbu l-għajnuna u s-sosten fid-diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja.

L-interċessjoni materna tagħha fit-tieġ ta’ Kana u l-preżenza tagħha fiċ-Ċenaklu maġemb l-Appostli fit-talb fl-istennija tal-Pentekoste [297] jissuġerixxu li t-talb ta’ ħtieġa huwa forma essenzjali ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp tal-opra fedejja fid-dinja. Waqt li ssegwi l-mudell tagħha, il-Knisja titgħallem tkun kuraġġuża fli titlob, biex tippersevera fl-interċessjonijiet tagħha u, speċjalment, fli titlob b’ħeġġa d-don tal-Ispirtu Santu (cf. Lq 11,13).

5. Il-Verġni tikkostitwixxi, ukoll, għall-Knisja l-mudell fil-parteċipazzjoni ġeneruża fis-sagrifiċċju.

Fil-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju u. b’mod speċjali, f’riġlejn is-salib, Marija twettaq id-don tagħha nfisha li jassoċjaha bħala Omm mat-tbatija u mal-provi tal-Iben. Hekk fil-ħajja ta’ kuljum bħal fiċ-Celebrazzjoni ewkaristika l- «Verġni offerenti»2 tħeġġeġ lill-insara biex «joffru sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu » (1Pt 2,5).

NOTI

1 Paolo VI, Marialis cultus, 16. 
2 Paolo VI, Marialis cultus, 20.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 295-297.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb