63. Omm il-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  17/09/1997.

1. Il-Konċilju Vatikan II, wara li kien ipproklama lil Marija «membru sovreminenti», «tip» u «mudell» tal-Knisja, jiddikjara: «Il-Knisja Kattolika, imnebbħa mill-Ispirtu Santu, bi mħabba ta’ ħniena filjali tqimha bħala omm l-iktar maħbuba».1

Biex ngħid is-sewwa, it-test konċiljari ma jattribwixxix b’mod espliċitu lill-Verġni t-titolu ta’ «Omm il-Knisja», linqas iħabbar però b’mod  indisputibbli l-kontenut, waqt li jerġà jdur fuq dikjarazzjoni magħmula, iktar minn żewġ sekli ilu, fl-1748 mill-Papa Benedittu XIV.2

F’tali document, il-Predeċessur meqjum tiegħi, waqt li jiddeskrivi s-sentimenyti filjali tal-Knisja li tagħraf f’Marija l-omm l-iktar maħbuba, jiddikjaraha, b’mod indirett Omm il-Knisja.

2. L-użu ta’ tali isem kien pjuttost rari fl-imgħoddi, imma riċentement sar iktar komuni fl-istqarriji tal-Maġisteru tal-Knisja u fil-ħniena tal-Poplu nisrani. Il-fidili sejħu lil Marija qabel xejn bit-titolu ta’ «Omm Alla», «Omm il-fidili» jew «Ommna», biex jenfasizzaw ir-relazzjoni personali ma’ kull wieħed minn uliedha.

Wara, grazzi għall-attenzjoni riservata ikbar tal-misteru tal-Knisja u għar-relazzjoni ta’ Marija magħha, il-Verġni bdiet tissejjaħ b’mod iktar spiss bħala «Omm il-Knisja».

L-espressjoni, qabel il-Konċilju Vatikan II, hija preżenti fil-Maġisteru tal-Papa Ljun XIII, fejn hemm iddikjarat li Marija kienet «fil-verità kollha omm il-Knisja».3 Suċċessivament, l-isem kien użat iktar drabi fit-tagħlim ta’ Ġwanni XXIII u Pawlu VI.

3. Ukoll jekk attribwit lil Marija b’mod tardiv, it-titolu ta’ «Omm il-Knisja» jesprimi r-relazzjoni materna tal-Verġni mal-Knisja, li diġa tinsab muriha f’xi testi tat-Testment il-Ġdid. 

Marija, sa mill-Annunzjazzjoni, hija msejħa biex toffri l-kunsens tagħha għall-miġja tas-Saltna messjanika, li titwettaq bil-formazzjoni tal-Knisja.

Marija f’Kana, waqt li qanqlet lill-Iben għall-eżerċitazzjoni tal-poter messjaniku, toffri kontribut fundamentali lir-radikament tal-fidi fl-ewwel komunità tad-dixxipli u tikkopera fit-twaqqif tas-Saltna ta’ Alla, li għandha ż- «żerriegħa» u l- «bidu» fil-Knisja.4

Fuq il-Kalvarju Marija, waqt li tingħaqad fis-sagrifiċċju ta’ Binha, toffri lill-opra tal-fidwa l-kontribut matern tagħha propju, li jassumi l-forma ta’ ħlas doloruż, il-ħlas tal-umanità l-ġdida.

Waqt li jdur lejn Marija bil-kliem «Mara, hawn hu ibnek», il-Mislub jipproklama l-maternità mhux biss lejn l-Appostlu Ġwanni, imma wkoll lejn kull dixxiplu. L-istess Evanġelista, jiddikjara li Ġesù kellu jmut  «biex jgħaqqad flimkien l-ulied ta’ Alla li kienu mferrxin» (Ġw 11,52), jindika fit-twelid tal-Knisja il-frott tas-sagrifiċċju feddej, f’liema Marija hija assoċjata.

L-Evanġelista San Luqa jirreferi dwar il-preżenza ta’ Omm Ġesù fl-intern tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalem (At 1,14). Hekk huwa jenfasizza r-rwol matern ta’ Marija lejn il-Knisja naxxenti, f’anoloġija ma dak li Hija kellha fit-twelid tal-Feddej. Id-dimensjoni materna hekk issir element fundamentali tar-relazzjoni ta’ Marija lejn il-Poplu il-ġdid tal-mifdijin.

4. Waqt li ssegwi l-Iskrittura Mqaddsa, id-duttrina patristika tagħraf il-maternità ta’ Marija fir-rigward tal-opra ta’ Kristu u, allura, tal-Knisja, ukoll jekk f’termini mhux dejjem espliċiti.

Skont Sant’Irinew, Marija «saret kawża ta’ fidwa għall-ġeneru uman kollu»5 u l-ġuf pur tal-Verġni «jerġà jiġġenera l-bnedmin f’Alla».6 Dan jidwuh Sant’Ambroġ li jiddikjara: « Verġni ġġenerat il-fidwa tad-dinja, Verġni tat il-ħajja lill-ħwejjeġ kollha»,7 u Santi Padri oħra li jsejħu lil Marija «Omm il-Fidwa».8

Fil-Medjuevu, San Anselmu hekk imur idur lejn Marija: «Inti l-omm tal-ġustifikazzjoni u tal-ġustifikati, l-omm tar-rikonċiljazzjoni u tar-rikonċiljati, l-omm tal-fidwa u tas-salvati»,9 waqt li awturi oħra jattribwixxu lilha t-titoli ta’ «Omm il-grazzja» u «Omm il-ħajja».

5. It-titolu  «Omm il-Knisja» jirrifletti, għalhekk, il-konvinzjoni profonda tal-fidili nsara, li jaraw f’Marija mhux biss l-omm tal-persuna ta’ Kristu, imma wkoll tal-fidili. Dik li hija magħrufa bħala omm il-fidwa, il-ħajja u il-grazzja, omm is-salvati u omm il-ħajjin, bi dritt xieraq hija pproklamatha Omm il-Knisja.

Il-Papa Pawlu VI kien xtaq li l-istess Konċilju Vatikan II jipproklama «Marija Omm il-Knisja, jiġifieri tal-Poplu kollu ta’ Alla, kemm tal-fidili kif ukoll tar-Rgħajja ». Dan għamlu hu stess fid-diskors tal-għeluq tat-tielet sessjoni konċiljari (21 nov. 1964),waqt li talab ukoll, li «minn issa ‘l hemm, b’tali titolu l-iktar  ħelu il-Verġni tiġi ferm iktar onorata u msejħa mill-Poplu nisrani kollu».10

B’dan il-mod, il-Predeċessur venerat tiegħi ħabbar b’mod espliċitu d-duttrina diġa miġbura fil-Kapitolu VIII tal- Lumen gentium, waqt li ttama li t-titolu ta’ Marija, Omm  il-Knisja , jakkwista post dejjem iktar rilevanti fil-liturġija u fil-ħniena tal-Poplu nisrani.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 53.
2 Benedetto XIV, Bullarium romanum, series 2, t. 2, n. 61, p. 428.
3 Acta Leonis XIII, 15, 302. 
4 Cf. Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 5.
5 Sant’Ireneo, Adversus Haer., 3,22,4; PG 7, 959.
6 Sant’Ireneo, Adversus Haer., 4,33,11; PG 7, 1080.
7 Sant’Ambrogio, Ep. 63, 33; PL 16, 1198.
8 Severiano di Gabala, Or. 6 de mundi creatione, 10, PG 54, 4; Fausto di Riez, Max. Bibl. Patrum, VI, 620-621.
9 Sant’Anselmo, Or. 52, 8; PL 158, 957.
10 Paolo VI, Discorso di chiusura della terza sessione del Conc. Ecum. Vaticano II: AAS (1964), 37.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 330-332.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb