64. L-interċessjoni ċelesti tal-Omm tal-grazzja divina


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  24/09/1997.

1. Marija hija omm l-umanità fl-ordni tal-Grazzja. Il-Konċilju Vatikan II jenfasizza dan ir-rwol ta’ Marija billi jgħaqqdu mal-koperazzjoni tagħha fil-fidwa ta’ Kristu.

Hija «b’dispożizzjoni tal-Providenza divina kienet fuq din l-art “l-alma mater” tal-feddej divin, is-sieħba ġeneruża għal kollox eċċezzjonali u l-qaddejja umli tal-Mulej».1

B’tali dikjarazzjoni, il-Kostituzzjoni Lumen gentium trid tqiegħed fil-post li jixraqlu l-fatt li l-Verġni kienet assoċjata b’mod intimu fl-opra feddejja ta’ Kristu, u hekk issir «sieħba ġeneruża» u «għal kollox eċcezzjonali» tal-Feddej.

Permezz tal-ġesti ta’ kull omm, mill-iktar ordinarji għal dawk l-iktar impenjattivi, Marija tikkopera b’mod liberu fl-opra tal-fidwa tal-umanità, b’sintonija profonda u kostanti ma’ Binha divin.

2. Il-Konċilju jenfasizza wkoll li l-koperazjoni ta’ Marija kienet animata mill-virtujiet evanġeliċi tal-ubbidjenza, tal-fidi, tat-tama u tal-karità, u twettqet taħt l-influss tal-Ispirtu Santu. Barra minn dan, tfakkar li propju minn tali koperazzjoni  jirriżulta d-don tal-maternità spiritwali universali: assoċjata ma’ Kristu fl-opra tal-fidwa, li tinkludi r-riġenerazzjoni spiritwali tal-umanità, issir omm il-bnedmin imwielda mill-ġdid fil-ħajja l-ġdida.

Waqt li jiddikjara li Marija hija «għalina omm fl-ordni tal-grazzja»,2 il-Konċilju jaċċentwa li l-maternità tagħha spiritwali  ma tillimitax ruħha biss għad-dixxipli, donnu jrid jinterpreta f’sens restrittiv is-sentenza ta’ Ġesù ppronunzjata fuq il-Kalvarju:  «Mara, hawn hu ibnek» (Ġw 19,26). Infatti, b’tali kliem, il-Mislub, waqt li jistabilixxi rapport ta’ ntimità bejn Marija u d-dixxiplu maħbub, figura tipoloġika b’firxa universali, ried joffri lil ommu bħala omm tal-bnedmin kollha.

Minn naħa oħra, l-effett universali tas-sagrifiċċju feddej u l-koperazzjoni  konxja ta’ Marija fl-offerta sagrifikali ta’ Kristu, ma tittollera ebda limitazzjoni tal-imħabba materna tagħha.

Din il-missjoni materna universali ta’ Marija teżerċita ruħha fil-kuntest tar-rapport tagħha singolari mal-Knisja. Bil-prontezza tagħha lejn kull nisrani, u anzi lejn kull krejaturi umana, Hija tiggwida l-fidi tal-Knisja lejn laqgħa dejjem iktar profonda tal-Kelma ta’ Alla, waqt li ssostni t-tama, tanima l-karità u l-komunjoni fraterna u tinkuraġġixxi id-dinamiżmu apostoliku.

3. Matul ħajjitha terrena, Marija wriet il-maternità spiritwali tagħha lejn il-Knisja għal żmien tassew qasir. Madankollu, din il-funzjoni tagħha dehret fil-valur kollu tagħha wara l-Assunzjoni, u hija ddestinata li ttawwal ruħha fis-sekli sa tmiem id-dinja.

Il-Konċilju jiddikjara espressament: «Din il-maternità ta’ Marija fl-ekonomija tal-grazzja tkompli bla waqfien mill-waqt tal-kunsens misluf fil-fidi fiż-żmien talAnnunzjazzjoni u miżmum bla ebda eżitazzjoni taħt is-salib, sal-inkurunament perpetwu tal-magħżulin kollha».3

Ammessa fis-saltna eterna tal-Missier, iktar qrib l-Iben divin u, allura, qribna lkoll, Hija tistà teżerċita fl-Ispirtu b’mod iktar effikaċi l-funzjoni ta’ interċessjoni materna afdata lilha mill-Providenza divina.

4. Qrib Kristu u b’għaqda miegħu,  «li tistà ssalva b’mod perfett lil dawk li permezz tiegħu jersqu lejn Alla, billi hu dejjem ħaj biex jinterċedi favur tagħna» (Eb 7,25), il-Missier ċelesti ried iqiegħed lil Marija: għall-interċessjoni saċerdotali tal-Feddej ried jgħaqqad dik materna tal-Verġni. Din hija funzjoni li Hija teżerċita favur dawk li jkunu fil-periklu u jkollhom bżonn ta’ favuri temporali u, speċjalment tas-salvazzjoni eterna: «Fil-karità materna tagħha tieħu ħsieb l-aħwa ta’ Binha li kien għadhom pellegrinanti u mqiegħda f’nofs perikoli u nkwiet, sakemm ma jkunux ittieħdu fil-patrija beata. Għal dan il-Beata Verġni tissejjaħ fil-Knisja bit-titoli ta’ avukata, awżiljatriċi, sokkorrotriċi, medjatriċi».4

Dawn l-ismijiet issuġġeriti mill-fidi tal-poplu nisrani, jgħinu biex wieħed jifhem aħjar in-natura tal-intervent ta’ Omm il-Mulej fil-ħajja tal-Knisja u tal-fidili ndividwali.

5. It-titlu ta’ «Avukata» jmur lura għal Sant’Irinew. Waqt li jitkellem dwar id-diżubbidjenza ta’ Eva u dwar l-ubbidjenza ta’ Marija, huwa jisħaq li fil-waqt tal-Annunzjazzjoni «il-Verġni Marija ssir l-Avukata» ta’ Eva. Infatti bl- «iva» tagħha ddifendiet u lliberat lill-proġenitriċi mill-konsegwenzi tad-diżubbidjenza tagħha, waqt li ssir il-kawża tal-fidwa għaliha u għall-ġeneru uman kollu.

Marija teżerċita l-rwol tagħha ta’  «Avukata», waqt li tikkopera  kemm mal-Ispirtu Paraklitu, kif ukoll ma’ dak li fuq is-Salib interċieda għall-persekuturi tiegħu (cf. Lq 23,34) u li Ġwanni jsejjaħ bħala «l-avukat tagħna quddiem il-Missier» (1Ġw 2,1). Bħala omm, Hija tiddefendi lil uliedha u tipproteġihom kontra l-ħsarat ikkawżati mill-istess ħtijiet tagħhom.

L-insara jsejħu lil Marija bħala «Awżiljatriċi», waqt li jagħrfu l-imħabba maternal li tara l-bżonnijiet ta’ wliedha u hija lesta biex tintervieni biex tgħinhom, speċjalment meta hemm fin-nofs il-fidwa tagħhom.

Il-konvinzjoni li Marija hija fil-qrib ta’ dawk li jbatu jew li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ periklu gravi, issuġġerixxa lill-fidili biex isejħulha bħala «Sokkorrotriċi». L-istess ċertezza fiduċjuża hija espressa mill-iktar talb marjan antik bil-kliem: «Taħt il-protezzjoni tiegħek infittxu kenn, qaddisa Omm Alla: la tiddisprezzax is-suppliki tagħna li [383] ninsabu fil-prova u eħlisna dejjem minn kull perikolu, o Verġni glorjuża u mbierka!».6

Bħala Medjatriċi materna, Marija tippreżenta lil Kristu x-xewqat tagħna, is-suppliki tagħna u tittrażmettilna d-doni divini waqt li tinterċiedi kontinwament favur tagħna.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 61.
2 Ibidem.
3 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 67.
4 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 62.
5 Sant’Ireneo, Adversus Haereses, 5,19,1; PG 7, 1175-1176.
6 Dal Breviario Romano.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 380-383.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb