65. Marija Medjatriċi


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  01/10/1997.

1. Fost it-titli mogħtija lil Marija fil-kult tal-Knisja, il-Kapitolu VIII tal-Lumen gentium ifakkar dak ta’ «Medjatrici». Għalkemm diversi Santi Padri konċiljari ma qablux għal kollox ma’ tali għażla,1 dan it-titlu kien imdaħħal xorta waħda fil-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja, bħala konferma tal-valur tal-verità li jesprimi. Però, ittieħdet attenzjoni li ma jiġi marbut ma’ ebda tejoloġija partikolari tal-medjazzjoni, imma li jiġi elenkat biss fost t-titli l-oħra magħrufa lil Marija.

It-test konċiljari, barra minn dan, jirreferi diġa il-kontenut tat-titlu ta’ «Medjatrici», meta jiddikjara li Marija «bl-interċessjoni multipla tagħha tkompli tiksbilna d-doni tal-fidwa eterna».2

Bħala tifkira fl-Enċiklika Redemptoris Mater, «il-medjazzjoni ta’ Marija hija marbuta b’mod strett mal-maternità tagħha, tippossiedi karattru b’mod speċifiku matern, li jiddistingwiha minn dik tal-krejaturi l-oħra».3

Minn dan il-punt di vista, hija hi unika u effikaċi b’mod singolari fil-ġeneru tagħha.

2. Għad-diffiultajiet murija minn diversi Santi Padri dwar it-terminu «Medjatriċi », l-istess Konċilju ħaseb biex iwieġeb billi ddikkjara li Marija hija «għalina l-omm fl-ordni tal-grazzja».4 Niftakru li l-medjazzjoni ta’ Marija hija kkwalifikata b’mod fundamentali mill-maternità tagħha. L-għarfien tar-rwol ta’ medjatriċi huwa, [460] barra minn hekk, impliċitu fl-espressjoni  «Ommna», li tipproponi d-duttrina tal-medjazzjoni marjana, waqt li timponi l-aċċent fuq il-maternità  Fl-aħħarnett, it-titolu «Omm fl-ordni tal-grazzja», jiċċara li l-Verġni tikkopera ma’ Kristu fit-twelid mill-ġdid spiritwali tal-umanità.

3. Il-medjazzjoni materna ta’ Marija ma ddellilx il-medjazzjoni unika u perfetta ta’ Kristu. Infatti, il-Konċilju, wara li jsemmi lil Marija «medjatriċi», jgħaġġel jippreċiża:  «Dan, però għandu jinftiehem b’mod li xejn ma jtellef jew iżid mad-dinjità u mal-effett ta’ Kristu, medjatur».5

U jikkwota f’dan ir-rigward it-test magħrug tal-Ewwel Ittra lil Tomotju: «Wieħed biss, infatti, huwa Alla u wieħed biss il-Medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu għall-fidwa ta’ kulħadd» (1Tm 2,5-6).

Il-Konċilju jiddikjara, barra minn dan, li «l-funzjoni materna ta’ Marija lejn il-bnedmin bl-ebda mod ma ddellel jew tnaqqas din l-unika medjazzjoni ta’ Kristu, imma turina l-effett» .6

Bogħod għalhekk milli tkun ostaklu għall-eżerċizzju tal-unika medjazzjoni ta’ Kristu, Marija pjuttost tenfasizza l-fertilità u l-effett. «Ġaladarba kull influss  salutari tal-Beata Verġni lejn il-bniedem ma jitwelidx mill-ħtieġa imma mill-kunsens ta’ Alla, u jgelgel mis-sovrabbundanza tal-merti ta’ Kristu, dan jissejjes fuq il-medjazzjoni tiegħU, minnha jiddependi b’mod assolut u jinstilet l-effett kollu tagħha».7

4. Minn Kristu jiġi l-valur tal-medjazzjoni ta’ Marija u għalhekk l-influss salutari tal-Beata Verġni «ma jtellifx minimament l-għaqda immedjata ta’ dawk li jemmnu ma’ Kristu, anzi jħaffifha».8

L-orjentazzjoni intrinsika lil Kristu tal-opra tal-«Medjatriċi» timbotta l-Konċilju biex jirrakkomanda lill-fidili biex jirrikorru lejn Marija «għaliex, sostnuti minn din l-għajnuna materna, huma jingħaqdu b’mod iktar intimu mal-Medjatur u Feddej».9

Fil-proklamazzjoni ta’ Kristu uniku medjatur (cf. 1Tm 2,5-6), it-test tal-Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, jeskludi kull medjazzjoni oħra parallela, imma mhux medjazzjoni  suġġetta. Infatti, qabel ma jindika l-unika u esklussiva medjazzjoni ta’ Kristu, l-awtur jirrakkomanda «li jsiru domandi, suppliki, talb u ringrazzjamenti għall-bnedmin kollha…» (1Tm 2,1). Mhuwiex forsi t-talb forma ta’ medjazzjoni? Anzi, skont San Pawl, l-unika medjazzjoni ta’ Kristu hija ddestinata biex  tinkuraġġixxi medjazzjonijiet oħra dipendenti u ministerjali. Waqt li jipproklama l-uniċità ta’ dik ta’ Kristu, l-Appostlu jfittex li jeskludi biss kull medjazzjoni awtonoma jew kontestanti, mhux forom oħra kompatibbli mal-valur infinit tal-opra tal-Feddej.

5. Huwa possibbli li tieħu sehem fil-medjazzjoni ta’ Kristu f’diversi oqsma tal-opra tal-fidwa. Il- Lumen gentium, wara li kkonfermat li «ebda krejatura ma tistà titqabbel mal-Verb inkarnat u Feddej », tispjega kif inhu possibbli għall-krejaturi li jeżerċitaw diversi forom ta’ medjazzjoni flimkien ma’ Kristu. Infatti, tiddikjara: «Bħal mas-saċerdozju ta’ Kristu huwa ipparteċipat b’modi differenti mill-ministri sagri u mill-poplu fidil, u kif l-unika tjubija ta’ Alla hija  mferrxa b’modi varji fil-krejaturi, hekk ukoll l-unika medjazzjoni  tal-Feddej ma teskludix, imma tqanqal fil-krejaturi koperazzjoni differenti ipparteċipata mill-uniku sors».10

F’din ir-rieda ta’ tqanqil ta’ sehem fl-unika medjazzjoni ta’ Kristu turi ruħha l-imħabba gratuwita ta’ Alla li jrid jaqsam dak li huwa possibbli.

6. Fis-sewwa x’inhi l-medjazzjoni materna ta’ Marija jekk mhix don tal-Missier lill-umanità? Hawn hu għaliex il-Konċilju jikkonkludi: «Dan id-dmir  suġġettiv ta’ Marija, il-Knisja ma tiddubitax li tagħrfu b’mod miftuħ, tisperimentaħ b’mod kontinwu u tirakkomandah lill-qalb tal-fidili…».11

Marija  twettaq l-azzjoni materna tagħha b’dipendenza kontinwa mill-medjazzjoni ta’ Kristu u mingħandu tirċievi dak kollu li qalbha trid tagħti lill-bnedmin.

Il-Knisja, fil-pellegrinaġġ terren tagħha, tisperimenta  «b’mod kontinwu» l-effett tal-azzjoni tal-«Omm fl-ordni tal-grazzja».

NOTI

1 Cf. Acta Synodalia III,8,163-164.
2 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 62. 
3 Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 38.
4 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 61.
5 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 62. 
6 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 60.
7 Ibidem.
8 Ibidem
9 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 62. 
10 Ibidem
11 Ibidem.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 459-462.

Miġjub għall-Mati mit-Taljan minn Emanuel Zarb