68. Devozzjoni marjana u kult tax-xbihat


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  29/10/1997.

1. Wara li dottrinalment iġġustifika l-kult tal-Beata Verġni, il-Konċilju Vatikan II iħeġġeġ lill-fidili kollha biex jagħmlu lilhom infushom promuturi: «Il-Konċilju Sagrosant espressament jgħallem din id-duttrina kattoliika u fl-istess ħin iħeġġeġ lil ulied il-Knisja kollha, sabiex b’mod ġeneruż jippromwovu l-kult, speċjalment liturġiku, lejn il-Beata Verġni, ikollhom stima kbira tal-prattiċi u tal-eżerċizzji ta’ ħniena lejha, irrakkomandati tul-is-sekli mill-Maġisteru».1

B’din l-aħħar dikjarazzjoni s-Santi Padri konċiljari, mingħajr ma niżlu għal determinazzjonijiet partikolari, riedu  jikkonfermaw il-validità ta’ diversi talbiet bħar-Rużarju u l-Angelus għeżież għat-tradizzjoni tal-poplu nisrani u frekwentement inkoraġġiti mill-Papiet, bħala mezzi effikaċi biex iżommu ħajja l-fidi u d-devozzjoni lejn il-Verġni.

2. It-test konċiljari ikompli billi jistaqsi lil dawk li jemmnu li  « b’mod skrupluż josservaw dak li fl-imgħoddi kien stabbilit dwar il-kult tal-immaġni ta’ Kristu, tal-Beata Verġni u tal-Qaddisin».2

Hekk jerġà jipproponi d-deċiżjonijiet tat-tieni Konċilju ta’ Niċea, li sar fis-sena 787, li kkonferma l-leġittimità tal-kult tax-xbihat sagri, kontra dawk li riedu jeqirduhom, billi kienu jħossuhom  inadegwati biex jirrapreżentaw lid-divinità.3

«Aħna niddfenixxu, – jiddikjaraw is-Santi Padri ta’ dik l-assisi konċiljari – b’kull  severità u attenzjoni li, b’xebħ tar-raffigurazzjoni tas-slib prezzjuż u ħaj, hekk ix-xbihat meqjuma u qaddisin [696] kemm impittra kif ukoll immużajkjati jew fi kwalunkwè materjal addattat ieħor, għandhom ikunu esposti fil-knejjes sagri ta’ Alla, fuq  l-ornamenti sagri, fuq  l-ilbies sagru, fuq il-ħitan u fuq l-imwejjed, fid-djar u fit-toroq, kemm jekk ikunu xbihat tal-Mulej Alla u Feddej tagħna Ġesù Kristu, jew dik tal-immakulata Sinjura tagħna, l-Omm Qaddisa ta’ Alla, tal-qaddisin anġli, tal-qaddisin u ġusti kollha».4

Waqt li tfakkar tal-definizzjoni, il-Lumen gentium riedet tikkonferma l-leġittimità u l-validità tax-xbihat sagri fil-konfront ta’ xi tendenzi  mmirati biex jeliminaw mill-knejjes u mis-santwarji, bl-iskop  li jikkonċentraw l-attenzjoni kollha fuq Kristu.

3. It-tieni Konċilju ta’ Niċea ma jillmitax ruħu biex  jiddikjara l-leġittimità tax-xbihat, imma jfittex li juri l-utilità għall-ħniena nisranja: «Infatti, kemm iktar frekwentement dawn ix-xbihat jiġu kkontemplati, tant iktar dawk li jarawhom jitwasslu għat-tifkira u x-xewqa tal-mudelli oriġinarji u biex juruhom, waqt li jbusuhom, rispett u qima».5

Dawn huma ndikazzjonijiet li jiswew b’mod partikolari għall-kult tal-Verġni. Ix-xbihat, l-ikoni u l-istatwi tal-Madonna preżenti fid-djar, fil-postijiet pubbliċi, u fi knejjes u kappelli bla numru, jgħinu lill-fidili biex isejħu l-preżenza kostanti tagħha u l-ħarsien ħanin tagħha fid-diversi ċirkostanzi tal-ħajja. Waqt li jirrendu pożittiva u kważi viżibbli l-ħlewwa materna tal-Verġni, huma jistiednu biex iduru lejha, biex jitolbuha b’fiduċja u biex jimitawha fl-ilqugħ b’mod ġeneruż tar-rieda divina.

Ebda waħda mix-xbihat magħrufa ma tirriproduċi l-wiċċ awtentiku ta’ Marija, bħal ma diġa kien jaf Santu Wistin;6 bdanakollu dawn jgħinu biex tkun stabbilita relazzjoni iktar ħajja magħha. Ikun inkuraġġit, konsegwentement, l-użu biex ikunu esposti x-xbihat ta’ Marija fil-postijiet tal-kult u fil-bini l-ieħor, biex tkun tistà tinħass l-għajnuna fid-diffiultajiet u  s-sejħa mill-ġdid għal ħajja dejjem iktar qaddisa u fidila lejn Alla.

4. Biex jippromwovi l-użu rett tax-xbihat sagri, il-Konċilju Niċen ifakkar li «l-qima mogħtija lix-xbihat, fir-realtà tappartjeni lil dak li jkun irreapreżentat; u min iqim x-xbiha, iqim fir-realtà lil min fiha jkun riprodott».7

Hekk waqt li jaduraw fix-xbiha ta’ Kristu l-Persuna tal-Verb Inkarnat, il-fidili jwettqu att ġenwin ta’ kult, li m’għandu xejn komuni mal-idolatrija.

B’mod analogu, waqt li jqim xbiha ta’ Marija, dak li jemmen iwettaq att iddestinat fl-aħħar minn l-aħħar biex jonora l-persuna ta’ Omm Ġesù.

5. Il-Vatikan II iħeġġeġ, però, lit-tejoloġi u lill-predikaturi biex jastjenu ruħhom kemm mill-esaġerazzjonijiet daqs kemm minn atteġġjamenti minimalisti fil-konsiderazzjoni tad-dinjità singolari ta’ Omm Alla. U jżid: «Bl-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa tas-Santi Padri u tad-Dutturi u tal-liturġiji tal-Knisja, immexxi taħt il-gwida tal-Maġisteru, juru b’mod rett id-dmirijiet u l-privileġġi tal-BeataVerġni, li dejjem għandhom bħala fini Kristu, oriġni ta’ kull verità, qdusija u devozzjoni».8

Id-duttrina marjana awtentika hija assikurata mill-fedeltà lejn l-Iskrittura u lejn it-Tradizzjoni, kif ukoll lejn it-testi liturġiċi u lejn il-Maġisteru. 

Il-karatteristika  essenzjali tagħha hija r-riferiment għal Kristu: kollox, infatti f’Marija jiġi minn Kristu u  huwa orjentat lejh.

6. Il-Konċilju joffri, fl-aħħar nett, lil dawk li jemmnu xi kriterji biex jgħixu b’mod awtentiku r-rapport filjali tagħhom ma’ Marija:  «Il-fidili minn naħa tagħhom jiftakru li l-vera devozzjoni ma tikkonsistix la f’sentiment sterili u passiġġier, linqas fi kredulità vojta, imma għall-kuntrarju  toħroġ mill-fidi vera, li minnha nitwasslu biex nagħrfu s-superjorità ta’ Omm Alla, u nkunu mbuttati lejn imħabba filjali lejn Ommna u lejn l-imitazzjoni tal-virtujiet tagħha».9

B’dan il-kliem is-Santi Padri konċiljari  javzawna kontra l- «kredulità vojta» u l-predominju tas-sentiment. Huma jimmiraw speċjalment [698]biex mill-ġdid jiddikjaraw li  d-devozzjoni marjana awtentika, timbotta għall-imħabba filjali lejha u  tqajjem  l-intenzjoni soda tal-imitazzjoni tal-virtujiet tagħha waqt li tipproċedi mill-fidi u l-għarfien amoruż tad-dnjità ta’ Marija.

NOTI

1 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Luiljarmen gentium, 67.
2 Ibidem.
3 Cf. Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 33.
4 Denz.-Schön., 600.
5 Denz.-Schön., 601.
6 Sant’Agostino, De Trinitate, 8, 7.
7 Denz.-Schön., 601. 
8 Conc. Ecum. Vat. II, Costituzione dogmatica Lumen gentium, 67. 
9 Ibidem.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 695-698.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb