69. It-talb lil Marija

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  05/11/1997.

1. Matul is-sekli l-kult marjan għadda minn żvilupp ma jaqtà xejn. Dan ra jiffjoroxxi, maġemb il-festi liturġiċi tradizzjonali ddedikati lill-Omm il-Mulej , espessjonijiet bla numru ta’ ħniena, spiss approvati u nkuraġġiti mill-Maġisteru tal-Knisja.

Bosta devozzjonijiet u talb marjan jikkostitwixxu titwil tal-istess liturġija u kultant ikkontribwew biex jarrikkixxu l-impjant, bħal fil-każ tal-Uffiċċju ad unur tal-Beata Verġni u ta’ kompożizzjonijiet oħra twajba li daħlu jagħmlu parti mill-Brevjar. 

L-ewwel invokazzjoni marjana magħrufa tmur lura għas-seklu tlieta u tibda bil-kliem: «Taħt il-protezzjoni tiegħek (Sub tuum praesidium) infittxu kenn, Qaddisa Omm Alla…». Madankollu mis-seklu XIV, hija l-«Ave Maria» t-talba lill-Verġni l-iktar komuni fost l-insara.

Din, waqt li tieħu l-ewwel kliem indirizzati lil Marija mill-anġlu, tintroduċi lill-fidili għall-kontemplazzjoni tal-misteru tal-Inkarnazzjoni. Il-kelma Latina «Ave» li tittraduċi l-vokabulu Grieg «Chaire»: tikkostitwixxi stedina għall-ferħ u tistà tiġi tradotta bħala «Ifraħ». L-innu orjentali «Akáthistos» jiddikjara mill-ġdid b’insistenza din l-«ifraħ». Fl-Ave Maria il-Verġni tissejjaħ «mimlija bil-grazzja» u hekk magħrufa fil-perfezzjoni u fis-sbuħija ta’ ruħha. 

L-espressjoni «Il-Mulej miegħek» tirrivela r-relazzjoni personali speċjali bejn Alla u Marija, li ssib ruħha fil-pjan kbir tal-patt ta’ Alla mal-umanità kollha. Imbagħad il-frażi «Imbierka fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesù», tiddikjara l-attwazzjoni tal-pjan divin fil-ġisem verġinali ta’ Bint Sion.

Waqt li jsejħu «Qaddisa Marija, Omm Alla», l-insara jitolbu lil Dik li bi privileġġ singolari hija l-immakulata Omm il-Mulej: «Itlob għalina midimbin», u jafdaw ruħhom lilHa fis-siegħa ta’ issa u f’dik suprema tal-mewt.

2. Ukoll it-talba tradizzjonali tal-«Angelus» tistieden biex nimmedtaw il-misteru tal-Inkarnazzjoni billi tħeġġeġ lill-insara biex jieħdu lil Marija bħala punt ta’ riferenza fil-waqtiet differenti tal-jum tagħhom biex jimitawha fid-disponibultà tagħha biex twettaq il-pjan divin tal-fidwa. Din it-talba kważi ġgibna ngħixu l-ġrajja l-kbira tal-istorja tal-umanità, l-Inkarnazzjoni, li għaliha diġa kull «Ave Maria» tagħmel riferenza. Huwa hawn  il-valur u s-sbuħija tal- «Angelus», tant drabi espress mhux biss mit-tejoloġi u r-rgħajja, imma wkoll minn poeti u pitturi.

Fid-devozzjoni marjana sab post għoli r-Rużarju, li permezz tar-ripetizzjoni tal- «Ave Maria» jwassal biex nimmeditaw il-misteri tal-fidi. Ukoll din it-talba sempliċi, waqt li żżid l-imħabba tal-poplu nisrani għal Omm Alla, tordna b’mod iktar ċar t-talba marjana għall-iskop tagħha: il-glorifikazzjoni ta’ Kristu.

Il-Papa Pawlu VI, bħall-predeċessuri tiegħu, b’mod speċjali Ljun XIII u Ġwanni XXIII, żamm  f’konsiderazzjoni kbira l-prattika tar-Rużarju u xtaq it-tixrid tagħħa fil-familji. Barra minn hekk, fl-Eżortazzjoni apostolika  Marialis cultus, wera din id-duttrina, billi fakkar li din hija «talba evanġelika, iċċentrata fil-misteru tal-Inkarnazzjoni feddejja», u billi ddikkjara mill-ġdid l-«orjentament għal kollox kristoloġiku».1

Għar-Rużarju huma spiss magħqudin mill-ħniena popolari l-litaniji, li fosthom l-iktar magħrufin huma dawk użati fis-Santwarju ta’ Loreto u msejħin għalhekk «lawretani».

B’invokazzjonijiet l-iktar sempliċi, dawn jgħinu biex nikkonċentraw irwieħna fuq il-persuna ta’ Marija biex nilqgħu l-għana spiritwali imsawba fuqha mill-imħabba tal-Missier.

3. Bħal ma juru l-liturġija u l-ħniena nisanija, il-Knisja dejjem żammet f’konsiderazzjoni kbira l-kult lejn Marija, billi żammitu  b’mod li ma jinħallx marbut mal-fidi fi Kristu. Dan, infatti, jsib is-sisien tiegħu fil-pjan tal-Misser, fir-rieda tal-Feddej u fl-azzjoni ispiratriċi tal-Paraklitu.

Waqt li rċeviet mingħand Kristu l-fidwa u l- grazzja, il-Verġni hija msejħa biex tiżvolġi rwol rilevanti fil-fidwa tal-umanità. Bid-devozzjoni marjana l-insara jagħrfu l-valur tal-preżenza ta’ Marija fil-mixja lejn il-fidwa waqt li jirrikorru lejHa biex jiksbu kull tip ta’ grazzji. Huma b’mod speċjali jafu li jistgħu jorbtu fuq l-interċessjoni materna tagħħa biex jirċievu mingħand il-Mulej dak li hu meħtieġ għall-iżvilupp tal-ħajja divina  u għall-kisba tal-fidwa eterna.

Bħal ma jiċċertifikaw t-titli bla numru mogħtija lill-Verġni u l-pellegrinaġġi ma jaqtgħu xejn lejn is-santwarji marjani, il-fiduċja tal-fidili lejn Omm Ġesù timbuttahom biex isejħulha fil-bżonnijiet ta’ kuljum.

Huma ċerti li l-qalb materna tagħha ma tistax tibqà bla ma tħoss għall-miżerji materjali u spiritwali ta’ wliedha. 

Hekk id-devozzjoni lejn Omm Alla, waqt li tinkuraġġixxi għall-fiduċja u għall-ispontanjetà, tikontribwixxi biex tikkalma l-klima tal-ħajja spiritwali u tgħin lill-fidili biex javanzaw fit-triq esiġenti tal-beatitudni.

4. Irridu fl-aħħarnett infakkru li d-devozzjoni lejn Marija, waqt li tenfasizza d-dimensjoni umana tal-inkarnazzjoni, tgħin biex niskopru aħjar il-wiċċ ta’ Alla li jaqsam il-ferħ u t-tbatijiet tal-umanità, l- «Alla magħna»,li Hija kkonċepiet bħala bniedem f’ġufha purissimu, iġġenerat, assistit u segwit b’imħabba li ma tistax titfisser sa mill-jiem ta’ Nażżaret u ta’ Betlem sa dawk tas-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet.

NOTI

1 Paolo VI, Esortazione apostolica Marialis cultus, 46.

Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX/2 (1997) p. 737-739.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading