Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-IX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Jagħrfu l-ġnus li m’hemmx Alla ħliefek.
Sir 36, 1-2a.5-6.13-19 (gr. 1.4-5a.10-17)

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Ikollok ħniena minna, Sidna, Alla tal-ħolqien kollu, u ħares lejna,
u niżżel fuq il-ġnus kollha l-biża’ tiegħek.
U jagħrfuk bħalma għarafniek aħna,
li m’hemmx Alla ħliefek, Mulej.
Uri sinjali ġodda u erġa’ agħmel għeġubijiet.
Iġma’ t-tribujiet ta’ Ġakobb,
u agħtihom wirthom bħalma għamilt fil-bidu.
Ikollok ħniena, Mulej, mill-poplu li jsejħulu b’ismek,
minn Iżrael, li int għaddejtu b’ibnek il-kbir.
Ħa tiġik ħasra mill-belt qaddisa tiegħek,
Ġerusalemm, il-post tal-mistrieħ tiegħek.
Imla ’l Sijon bl-għana ta’ tifħirek,
u t-tempju tiegħek bil-glorja tiegħek.
Ixhed għal dawk li int ħlaqt fil-bidu,
u temm il-profeziji li ngħataw f’ismek.
Agħti ħlashom lil dawk li jittamaw fik,
u hekk jitwemmnu l-profeti tiegħek.
Agħti widen, Mulej, għat-talba tal-qaddejja tiegħek,
skont il-barka ta’ Aron fuq il-poplu tiegħek.
U kull min hu fuq l-art jagħraf li int il-Mulej, o Alla ta’ dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 78 (79), 8.9.11 u 13

R/. (ara Sir 36, 1b): Uri lilna Mulej il-ħniena tiegħek

Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;
fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,
għax ninsabu mifnija għall-aħħar. R/.

Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,
f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna,
minħabba l-isem tiegħek. R/.

Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin;
fil-kobor ta’ qawwietek
salva ’l dawk li huma għall-mewt. R/.

U aħna, il-poplu tiegħek
u l-merħla tal-mergħa tiegħek,
niżżuk ħajr għal dejjem;
minn żmien għal żmien inxandru tifħirek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 10, 45

Hallelujah. R/. Hallelujah
Bin il-bniedem ġie biex jaqdi
u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba.
Mk 10, 32-45

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom; u huma kienu mgħaġġbin, u l-oħrajn li kienu mexjin warajhom kienu mbeżżgħin.

Raġa’ sejjaħ it-Tnax ħdejh, u beda jgħidilhom x’kien se jgħaddi minn għalih: “Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f’idejn il-pagani; dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”.

Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?”, staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.

Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. “Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu