10. Il-bniedem li jrid isir bħal Alla u jinsa li huwa biss kreatura


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  12/11/1986.

1. Il-konsiderazzjonijiet dwar id-dnub, magħmula fiċ-ciklu preżenti tal-katekeżi tagħna, jimponu fuqna li nerġgħu lura dejjem għal dak l-ewwel dnub li dwaru naqraw f’Ġen 3, San Pawl jitkellem dwar id-“diżubbidjenza” tal-ewwel Adam  (cf. Rm 5, 19), b’konnessjoni diretta ma dak il-ksur tal-kmandament tal-Ħallieq li jikkonċerna “s-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin”.

Ukoll jekk qari superfiċjali tat-test jistà jagħti l-impressjoni li dik il-projbizzjoni tirrigwarda ħaġa irrilevanti (“la tiklux mill-frott tas-siġra”), min jagħmel analiżi iktar profonda jikkonvinċi ruħu faċilment li l-kontenut apparentement irrilevanti tal-projbizzjoni jissimboleġġja kwestjoni għal kollox fundamentali. U dan jidher mill-kliem tat-tentatur, li, biex jipperswadi lill-bniedem biex jaġixxi kontra l-projbizzjoni tal-Ħallieq, iħajru b’dik l-istigazzjoni: “Meta intom tieklu, jinfetħulkom għajnejkom u ssiru bħal Alla, billi tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3, 5).

2. F’dan id-dawl irid ifisser li dik is-siġra tal-għarfien u l-projbizzjoni tal-ikel mill-frott tagħha kellhom l-iskop li jfakkru lill-bniedem li hu mhux “bħal Alla”, huwa biss krejatura!. Iva krejaturia partikolarment perfetta għaliex magħmula “xbiha u xebħ ta’ Alla”, u, xejn inqas, dejjem u biss krejatura. Din kienet il-verità fundamentali tal-esseri uman. Il-kmandament li l-bniedem irċieva fil-bidu kien jinkludi din il-verità espressa  f’forma ta’ twissija: Ftakar li int krejatura msejħa għall-ħbiberija ma’ Alla, li huwa biss il-Ħallieq tiegħek: la tippruvax tkun dak li mintix! La tippruvax tkun “bħal Alla”. Aġixxi skont dak li int, iktar u iktar meta dan huwa diġa kejl hekk għoli: il-kejl tax-“xbiha u xebħ ta’ Alla”. Dan jiddistingwik fost il-krejaturi tad-dinja viżibbli, ipoġġik fuqhom. Imma fl-istess ħin  il-kejl ta’ xbiha u xebħ ta’ Alla jobligak li taġixxi f’konformità ma’ dak li int. Kun mela fidil għall-patt li Alla ħallieq għamel miegħek , krejatura, sa mill-bidu.

3. Propju din il-verità, u allura il-bidu primordjali ta’ mġieba tal-bniedem, mhux biss kien iddubitat mill-kliem tat-tentatur irriferit f’ Ġen 3, 1 imma kien saħansitra “ikkontestat” radikalment. Waqt li ppronunzja dak il-kliem it-tentatur is-“serp l-antik”, kif inhu msejjaħ fl-Apokalissi (Ap 12, 9), jifformula għall-ewwel darba kriterju ta’ nterpretazzjoni li għaliha wara l-bniedem midneb jirrikorri tant drabi fit-tentattiv li jwettaq lilu nnifsu jew saħansitra li joħloq etika mingħajr Alla: il-kriterju jiġifieri skont liema Alla huwa “barrani” għall-bniedem, hekk li dan, jekk irid ikun hu nnifsu, irid iqattà l-karti ma’ Alla (cf. Feuerbach, Marx, Nietzsche).

4. Il-kelma “aljenazzjoni” tippreżenta diversi sfumaturi ta’ sinifikat. Fil-każijiet kollha tindika l-“użurpazzjoni” ta’ xi ħaġa li hija propjetà ta’ xi ħadd ieħor. It-tentatur ta’ Ġen 3 jgħid għall-ewwel darba li l-Ħallieq “użurpa” dak li jappartjeni għall-bniedem-krejatura! Attribut tal-bniedem ikun infatti li “jkun bħal Alla”, li allura jfisser l-esklużjoni ta’ kwalunkwè dipendenza minn Alla. Minn dan il-presuppost metafiżiku joħroġ loġikament ir-rifjut ta’ kull reliġjon bħala inkompatibbli ma dak li l-bniedem hu. Difatti l-filosifiji ateji (jew anti-tejisti) isostnu li r-reliġjon hija forma fundamentali ta’ aljenazzjoni permezz ta’ liema l-bniedem  jċaħħad lilu nnifsu jew iħalli lilu nnifsu jiġi esproprarjat minn dak li jappartjeni esklussivament lill-esseri uman tiegħu. Fl-istess ħin joħloq għalih innifsu idea ta’ Alla, il-bniedem  jiddisponi minnu nnifsu, għaliex jirrinunzja a favur ta’ Dak l-Esseri perfett u feliċi minnu mmaġinat, għal-dak li huwa oriġinarjament u prinċipalment propjetà tiegħu. Ir-reliġjon minn naħa tagħha taċċentwa, tikkonserva u talimenta dan l-istat ta’ awto-tneżżih a favur ta’ Alla ta’ ħolqien “idealistiku” u allura huwa wieħed mill-koefiċjenti ewlenin tal-“espropjazzjoni” tal-bniedem, tad-dinjità tiegħu, tad-drittijiet tiegħu.

5. Dwar din it-tejorija falza, hekk kuntrarja għad-dati tal-istorja u tal-psikoloġija reliġjuża, irrid inġegħlkom tinnutaw li tippreżenta analoġiji varji mar-rakkont bibbliku tat-tentazzjoni u tal-waqgħa. Huwa sinifikattiv li t-tentatur (“is-serp antik”) ta’ Ġen 3 ma jiddubitax l-eżistenza ta’ Alla, u linqas ma jinnega b’mod dirett ir-realtà tal-ħolqien; veritajiet li f’dak il-waqt storiku kienu għall-bniedem ferm ovvji. Għall-kuntrarju, minkejja din l-ovvjetà, it-tentatur – fl-esperjenza propja ta’ krejaturi ribelli b’għażla libera – ifittex li  jinfilsa fil-kuxjenza tal-bniedem, diġa “fil-bidu”, kważi fin-“nebbieta”, dak li jikkostitwixxi n-nukleju tal-idejoloġija tal-“aljenazzjoni”. U b’dan jopera inverżjoni radikali tal-verità dwar il-krejazzjoni fl-essernza l-iktar profonda tagħha. Minflok l-Alla li jgħaddi lid-dinja l-eżistenza, tal-Alla-Ħallieq, fil-kliem tat-tentatur f’ Ġen 3 jiġi ppreżentat Alla “użurpatur” u “għadu” tal-ħolqien, u b’mod speċjali tal-bniedem. Fir-realtà propju l-bniedem huwa d-destinatarju ta’  donazzjoni divina partikolari, billi kien maħluq “xbiha u xebħ” ta’ Alla. B’dan il-mod il-verità tiġi mwarrba min-non-verità; tiġi mibdula f’gidba, għaliex manipulata minn “missier il-gidba”, kif il-Vanġelu jsejjaħ lil dak  li opera din il-kontrafazzjoni fil-“bidu” tal-istorja umana: “Huwa kien omiċida sa mill-bidu . . . għaliex fih mhemmx verità. Meta jgħid il-falz, jitkellem minn tiegħu, għaliex huwa giddieb u missier il-gidba” (Ġw 8, 44).

6. Fit-tfittxija tas-sors ta’ din il-“gidba”, li tinsab fil-bidu tal-istorja bħala l-għerq tad-dnub fid-dinja tal-esseri maħluqa u ddotati bil-libertà bi xbiha tal-Ħallieq, jiġu mill-ġdid dejjem f’moħħna l-kliem tal-kbir Wistin: “amor sui usque ad contemptum Dei” (De Civitate Dei, XIV, 28: PL 41, 438). Il-gidba primordjali għandha s-sors tagħha fil-mibegħda li jġorr għad-disprezz ta’ Alla: “contemptus Dei”.

Dan il-kejl ta’ negattività morali li kien rifless fl-ewwel dnub tal-bniedem. Dan jippermetti li nifhmu aħjar dak li San Pawl jgħallem meta jikkwalifika d-dnub ta’ Adam bħala “diżubbidjenza” (Rm 5, 19). L-Appostlu ma jitkellimx dwar mibegħda diretta lejn Alla, imma dwar “diżubbidjenza”, dwar oppożizzjoni għar-rieda tal-Ħallieq. Tali jibqà l-karattru tad-dnub fl-istorja tal-bniedem. Taħt il-piż ta’ dan il-wirt ir-rieda tal-bniedem,  imdgħajfa u nklinata għall-ħażin, tibqà b’mod permanenti esposta għall-influwenza ta’ “missier il-gidba”. Dan nosservawh fid-diversi epoki tal-istorja. Jixhduh fi żminijietna l-ispeċi differenti ta’ negazzjonijiet ta’ Alla, minn anjostiċiżmu għall-atejiżmu, jew saħansitra għall-antitejiżmu. B’modi differenti tiġi nċiża fihom  l-idea tal-karattru “aljenanti” tar-reliġjon u tal-morali, li ssib fir-reliġjon l-għeruq tagħha, propju kif kien issuġġerixxa fil-bidu “missier il-gidba”.

7. Imma jekk irridu nħarsu lejn ir-realtà mingħajr preġudizzji u nsejħu l-ħwejjeġ b’isimhom, irridu ngħidu sinċerament li fid-dawl tar-rivelazzjoni u tal-fidi, it-tejorija tal-aljenazzjoni hemm bżonn li tinqaleb ta’ taħt fuq. Dak li jikkawża l-aljenazzjoni tal-bniedem huwa propju d-dnub, huwa unikament id-dnub! Huwa propju d-dnub li sa mill-“bidu” jagħmel iva li l-bniedem jiġi b’xi mod  “disereditat” mill-propja umanità. Id-dnub “jieħu” lill-bniedem, b’modi differenti, dak li jiddeċiedi mill-vera dinjità tiegħu: dik ta’ xbiha u xebħ ta’ Alla. Kull dnub b’ċertu mod “inaqqar” din id-dinjità! Iktar ma l-bniedem isir “ilsir tad-dnub” (Ġw 8, 34) tant inqas igawdi mil-libertà ta’ wlied Alla. Huwa ma jibqax ikun padrun tiegħu nnifsu, bhal ma titlob l-istruttura stess tal-fatt li hu persuna u allura ta’ krejatura razzjonali, libera u responsabbli.

L-Iskrittura Mqaddsa tenfasizza b’mod effikaċi dan il-kunċett a’ aljenazzjoni, waqt li turi dimensjoni tripla: l-aljenazzjoni tal-midneb minnu nnifsu (cf. Sal 57,4: alienati sunt peccatores ab utero), minn Alla (cf. 14, 7: [qui] alienatus fuerit a me; Ef 4, 18: alienati a vita Dei), mill-komunità (cf. Ef 2, 12: alienati a conversatione Israel).

8. Id-dnub huwa mela mhux biss “kontra” Alla, imma wkoll kontra l-bniedem. Bħal ma jgħallem il-Konċilju Vatikan II: id-dnub huwa . . . diminuzzjoni għall-bniedem stess, billi jimpedih li jibni l-milja tiegħu” (Gaudium et Spes, 13). Din hija verità li m’għanhiex bżonn tiġi ppruvata b’argumentazzjonijiet elaborati. Biżżejjed li wieħed sempliċement josservaha. Mill-bqija ma joffrux konferma elokwenti it-tant opri tal-letteratura, taċ-ċinema, tat-teejatru? Fihom il-bniedem jidher imdgħajjef, konfuż, nieqes minn ċentru intern, akkanit kontrih u kontra l-oħrajn,  vittma ta’ non-valuri, jistenna lil xi ħadd li ma jasal qatt, kważi bħala  konferma tal-fatt li, la darba mitluf il-kuntatt mal-Assolut, huwa jispiċċa biex jitlef ukoll lilu nnifsu.

Huwa għalhekk biżżejjed li wieħed jiftakar l-esperjenza, kemm dik interna, kif ukoll dik storiko-soċjali fil-forom tagħhom differenti, biex jikkonvinċi lilu nnifsu li d-dnub huwa  “qawwa qerrieda” terribbli: dan jeqred b’virulenza sottili u  inflessibbli it-tajjeb tal- ko-eżistenza bejn il-bnedmin u s-soċjetajiet umani. Propju minħabba dan wieħed jistà ġustament jitkellem dwar id-“dnub soċjali” (Reconciliatio et Paenitentia, 16). Però meta wieħed iqis li fil-bażi tad-dimensjoni soċjali tad-dnub hemm dejjem id-dnub personali, hemm bżonn b’mod speċjali li jenfasizza dak li d-dnub jeqred f’kull bniedem, suġġett u  awtur tiegħu, meqjus fil-konkretezza tiegħu ta’ persuna.

9. Għal dan il-għan ħaqqha li tkun imfakkra osservazzjoni ta’ San Tumas D’Aquino, skont liema, bl-istess mod li għal kull att moralment tajjeb il-bniedem bħala tali jsir aħjar, hekk għal kull att moralment ħażin il-bniedem bħala tali jsir agħar (cf. Summa Theol, I-II, q. 55, a. 3; q. 63, a. 2). Id-dnub mela jeqred fil-bniedem dak it-tajjeb li huwa essenzjalment uman, f’ċertu sens “jieħu” lill-bniedem dak it-tajjeb li hu propju tiegħu, “jużurpa” lill-bniedem minnu nnifsu. F’dan is-sens “kulmin jikkummetti d-dnub huwa lsir tad-dnub”, kif  jiddikjara Ġesù fil-Vamġelu ta’ Ġwanni (Gv 8, 34). Dan huwa preċiżament dak miġbur fil-kunċett tal-“aljenazzjoni”. Id-dnub mela huwa l-vera “aljenazzjoni” tal-esseri uman razzjonali u liberu. Lill-esseri razzjonali imiss li  li jżomm mal-verità u li jeżisti fil-verità. Fil-post tal-verità dwar it-tajjeb, id-dnub jintroduċi in-non-vrità: il-veru tajjeb jiġi minnu eliminati a favur ta’ tajjeb “apparenti”, li mhux tajjeb veru, billi dan it-tajjeb veru ġie eliminat a-favur dak li huwa “falz”.

L-aljenazzjoni li tieħu post fid-dnub tmiss l-isfera konoxxittiva, imma permezz tal-għarfien tilħaq ir-rieda. U dak li allura jiġri fuq l-art tar-rieda, jesprimieh forsi bil-mod l-iktar eżatt San Pawl, meta kiteb: “Jien ma nagħmilx it-tajjeb li rrid, imma l-ħażin li ma rridx. Issa jekk nagħmel dak li ma rridx, miniex iktar jien li nagħmlu, imma d-dnub li jgħammar fija . . . Meta rrid nagħmel it-tajjeb l-ħażin ikun maġembi . . . Jiena wieħed żvinturat” (Rm 7, 19-24).

10. Kif wieħed jistà jara, l-“aljenazzjoni” reali tal-bnieem – l-aljenazzjoni ta’ esseri magħmul xbiha ta’ Alla, razzjonali u liberu – mhi xejn għajr “id-dominju tad-dnub” (Rm 3, 9). U dan l-aspett tad-dnub jiġi nfasizzat b’kull qawwa mill-Iskrittura Mqadsa. Id-dnub huwa mhux biss “kontra” Alla, fl-istess ħin huwa hu “kontra” l-bniedem.

Iżda, jekk inhu minnu li d-dnub jinvolvi, skont l-istess loġika tiegħu u skont ir-rivelazzjoni, kastigi adegwati, l-ewwel minn dawn il-kastigi huwa kostitwit mid-dnub innifsu. Permezz tad-dnub il-bniedem jikkastiga lilu nnifsu! Fid-dnub diġa hemm il-kastig; xi ħadd iżid jgħid: hemm diġa l-infern, bħala ċaħda ta’ Alla! “Imma forsi  dawn in-nies joffendu lili – jistaqsi Alla permezz tal-profeta Ġeremija  (Ġer 7, 19) – jew mhux pjuttost lilhom infushom  b’mistħija tagħhom stess?” “ L-istess  ħażen tiegħek jikkastigak u r-ribelljonijiet tiegħek jikkastigawk” (Ġer 2, 19). U il-profeta Iżaija jilminta: “Ilkoll aħna niexfa bħal weraq, il-ħażen tagħna kaxkarna bħar-riħ . . . Inti ħbejt wiċċek minna,  esponejtna għall-ħażen tagħna” ( 64, 5-6).

11. Propju din is-“sottomissjoni” ( ul-awto-sottomissjoni) tal-bniedem  f’idejn il-ħażen tiegħu” tispjega bil-mod l-iktar elokwenti s-sinifikat tad-dnub bħala aljenazzjoni tal-bniedem. Madankollu il-ħażin mhux sħiħ jew almenu mhux rimedjabbli, sakemm il-bniedem mhux  konxju, sakemm  iżomm is-sens tad-dnub. Meta għall-kuntrarju ukoll dan jonqos, tkun prattikament inevitabbli l-waqgħa totali tal-valuri morali u jsir  terribilment imminenti ir-riskju tat-telfien definittiv. Huwa minħabba f’hekk li jiġi dejjem rikuperat u mmeditat b’attenzjoni kbira dak iil-kliem  serju ta’ Piju XII (espressjoni li saret kważi proverbjali): “Id-dnub tas-seklu huwa t-telfa tas-sens tad-dnub” (Discorsi e Radiomessaggi, VIII [1946], 288).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb