11. Il-verità tad-dnub u l-loġika tal-fidi


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  10/12/1986.

1. Fl-introduzzjoni għall-kostituzzjoni Gaudium et Spes (Gaudium et Spes, 2) tal-Konċilju Vatikan II naqraw: “Id-dinja li [il-Konċilju] għandu quddiemu hija dik tal-bnedmin, jew aħjar il-familja kollha umana fil-kuntest ta’ dawk ir-realtajiet kollha li fihom hija tgħix; id-dinja li hija tejatru tal-istorja tal-ġeneru uman, u ġġib is-sinjali tal-isforzi tiegħu, tat-telfiet tiegħu u tar-rebħiet tiegħu, id-dinja li l-insara jemmnu maħluqha u konservata fl-eżistenza tal-imħabbaa tal-Ħallieq, dinja bla ebda dubju imqiegħda taħt l-iskjavitù tad-dnub, imma  mill-Kristu msallab u rxuxtat, bit-telfa tal-Ħażin, meħlusa u ddestinata, skont il-ħsieb divin, biex tittrasforma ruħha u biex tilħaq it-twettiq tagħha”.

2. Din hija d-dinja li għandna quddiem għajnejna f’dawn il-katekeżi tagħna. Dawn jirrigwardaw, kif tafu, ir-realtà tal-ħażin, jiġifieri tad-dnub, kemm fil-bidu, kif ukoll tul l-istorja kollha tal-familja umana.  Fit-tiftix biex nibnu mill-ġdid xbiha sintetika tad-dnub, ninqdew ukoll b’dak kollu li tgħid dwaru l-esperjenza varja tal-bniedem tul il-korsa tas-sekli.Ma ninsewx però li d-dnub fih innifsu huwa misteru ta’ inikwità, li l-bidu tagħha fl-istorja, u wkoll fl-iżvilupp suċċessiv, ma jistgħux ikunu mifhuma għal kollox mingħajr referenza għall-misteru ta’ Alla-Ħallieq, u b’mod partikolari tal-Ħallieq tal-esseri li saru xbiha tiegħu. Il-kliem ta’ Vatikan II diġa kkwotat, jgħid li l-misteru tal-ħażen, il-“mysterium iniquitatis”, ma jistax ikun mifhum mingħajr referenza għall-misteru tal-fidwa, għall-“mysterium paschale” ta’ Ġesù Kristu, bħal ma osservajna sa minn l-ewwel katekeżi ta’ dan iċ-ċiklu. Propju din il-“loġika” ta’ fidi tesprimi ruħha diġa fl-iktar simboli qodma.

3. F’tali kwadru tal-verità dwar id-dnub, ipprofessata u mħabbra kostantament mill-Knisja, niġu ntrodotti diġa minn l-ewwel tħabbira ta’ fidwa li nsibu fil-Ġenesi. Infatti, wara li kiser l-ewwel kmandament, li fuqu l-Alla-Ħallieq sejjes l-iktar patt qadim tiegħu mal-bniedem, il-Ġenesi jġibilna dan id-djalogu li ġej: “Imma l-Mulej Alla sejjaħ lill-bniedem u qallu: «Fejn int?». Wieġbu: «Smajt il-pass tiegħek fil-ġnien: bżajt, għaliex jien għarwien, u staħbejt ». Reġà staqsieh:  «Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li amartlek biex ma tikolx? ». Wieġeb il-bniedem: «Il-mara li inti poġġejtli maġembi tatni mis-siġra u jiena kilt». Il-Mulej Alla qal lill-mara: «X’għamilt?». Wieġbet il-mara: «Is-serrp daħak bija u jiena kilt»” (Ġen 3, 9-13).

“Allura il-Mulej Alla qal lis-serp: «Talli int għamilt dan tkun misħut . . . Jien inqajjem gwerra bejnek u l-mara, bejn nislek u nisilha: dan jisħaqlek rasek u int tgħattannlu għarqubu »” (Ġen 3, 14-15).

4. Dan il-pass tal-Ġenesi 3 jinserixxi ruħu b’mod armonjuż fil-kuntest “Jahwista” li minnu jifforma parti, għal dak li jirrigwarda kemm l-istil kif ukoll il-mod kif jippreżenta l-verità, li nafu diġa mill-eżami tal-kliem tat-tentatur, u mid-deskrizzjoni tal-ewwel dnub. Minkejja l-apparenza li l-istil tar-rakkont bibblku jistà joħloq, il-veritajiet essenzjali huma fih leġibbli b’mod suffiċjenti. Dawn jippermettulna niġbru u nifħmu fihom infushom, u ferm iktar fil-kuntest ta’ dak kollu li dwar din it-tema tgħid il-Bibbja, mill-bidu sal-aħħar, permezz tas-sens l-iktar sħiħ tal-Iskrittura Mqaddsa (“sensus plenior”).

Hekk mela l-pass ta’ Ġen 3, 9-15 (u wkoll wara dan il-kapitolu) fih it-tweġiba ta’ Alla għall-ewwel dnub tal-bniedem. Din hija tweġiba diretta għall-ewwel dnub, u fl-istess ħin tweġiba bi prospettiva, għaliex tirreferi għall-istorja kollha futura tal-bniedem fuq l-art, sat-tmiem tiegħu. Bejn il-Ġenesi u l-Apokalissi teżisti kontinwità vera u flimkien koerenza profonda fil-verità rivelata minn Alla. Għal din il-koerenza armonjuża tar-Rivelazzjoni tikkorrispondi l-parti tal-bniedem, li temmen konsapevolment, “il-loġika tal-fidi”, Il-verità dwar id-dnub terġà tidħol fl-iżvilupp ta’ din il-loġika.

5.Skont Ġen 3, 9-15, l-ewwel dnub tal-bniedem jiġi deskritt qabel xejn bħala “diżubbidjenza” jiġifieri oppożizzjoni kontra l-kmandament li jesprimi r-rieda tal-Ħallieq. Dan rajnieh. Il-bniedem (maskju u femmina) huwa responsabbli ta’ dan l-att, minħabba li Adam kien kompletament konsapecoli u liberu li jagħmel dak li jagħmel. L-istess responsabbiltà issib ruħha f’kull dnub personali fl-istorja tal-bniedem, li jaġixxi għal skop. Huwa sinifikattiv għal dan ir-rigward dak li jgħarrafna l-Ġenesi, jiġifieri li l-Mulej Alla jistaqsi lit-tnejn – l-ewwel lir-raġel imbagħad lill-mara – il-mottiv tal-imġieba tagħhom: “Għaliex għamiltu hekk?” ninnutaw li l-importanza sinifikanti tal-att hija b’riferenza għal dan il-mottiv, jiġifieri għall-iskop tal-aġir. Fil-mistoqsija divina l-“għaliex” tfisser għal-liema mottiv?, imma tfisser ukoll għal-liema skop? U hawn il-mara (mar-raġel) tfakkar l-istigazzjoni tat-tentatur: “Is-serp daħak bija”. Minn din it-tweġiba hemm bżonn niddeduċu li l-mottiv issuġġerit mis-serp: “Tkunu . . . bħal Alla” ikkontribwixxa b’mod deċiżiv għall-ksur tal-projbizzjoni tal-Ħallieq u ta dimensjoni essenzjali lill-ewwel dnub. Tali mottiv mhuwiex meħud direttament minn Alla fis-sentenza tiegħu tal-kastig: imma bla ebda dubju ta’ xejn huwa preżenti u jiddomina x-xenarju kollu bibbliku u storiku bħala tifkira tal-gravità u tan-nuqqas ta’ għaqal tal-pretensjoni li jopponi u li jissostitwixxi lil Alla, bħala indikazzjoni tad-dimensjoni l-iktar essenzjali u profonda tad-dnub oriġinali u ta’ kull dnub li għandu fih l-ewwel għerq tiegħu.

6. Huwa għalhekk sinifikattiv u ġust li f’dak li jsegwi tat-tweġiba għall-ewwel dnub tal-bniedem, Alla jdur b’mod attent lejn it-tentatur, lejn is-“serp l-antik”, li dwaru l-awtur tal-Apokalissi jgħid li “jittenta d-dinja kollha” (Ap 12, 9: “li jisseduċi l-art kollha”). Skont il-Ġenesi, infatti, il-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt dan, tkun misħut”. Il-kliem tas-saħta indirizzat lis-serp jirrigwarda lil dak li Kristu jsejjaħ: “missier il-gidba” (cf. Ġw 8, 44). Imma fl-istess ħin, f’dik it-tweġiba ta’ Alla għall-ewwel dnub, hemm l-aħbar tal-ġlieda, li matul l-istorja kollha tal-bniedem tiżvolġi ruħha bejn l-istess “missier il-gidba” u l-Mara u n-Nisel tagħha.

7. Il-Konċilju Vatikan II jippronunzja ruħu dwar din it-tema b’mod l-iktar ċar: L-istorja umana kollha kemm hi ispirata minn glieda tremenda kontra l-qawwiiet tad-dlamijiet, ġlieda li bdiet sa mill-bidu tad-dinja, li se ddum, kif jgħid il-Mulej, sal-aħħar jum. Imdeffes f’din il-battalja, il-bniedem irid jikkumbatti bla waqfien biex ikun jistà jibqà magħqud mat-tajjeb,  bla ma jistà jikseb l-għaqda interna tiegħu jekk mhux bi prezz ta’ tbatijiet kbar, bil-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla” (Gaudium et Spes, 37). F’pass ieħor il-Konċilju jesprimi b’mod ferm iktar espliċitu, waqt li jitkellem dwar il-ġlieda “bejn it-tajjeb u l-ħażin” li qed issir f’kull bniedem: “Il-bniedem isib ruħu mhux kapaċi waħdu jissupera b’mod effikaċi l-attakki tal-ħażen, hekk li kull wieħed iħoss ruħu bħal inkatenat”. Imma għal din l-espressjoni qawwija l-Konċilju jimponi l-verità  dwar il-fidwa bi stqarrija ta’ fidi xejn inqas qawwija u deċiża: “Il-Mulej innifsu ġie biex jeħles lill-bniedem u biex jagħtih qawwa, billi jġeddu fl-intimu, u billi jkeċċilu minnu “lill-prinċep ta’ din id-dinja” li kien qiegħed iżommu skjav tad-dnub” (Gaudium et Spes, 13).

8. Dawn l-osservazzjonijiet tal-maġisteru tal-Knisja tallum itenni b’mod preċiż u omoġenju l-verità dwar id-dnub u dwar il-fidwa, espressa inizjalment f’Ġen 3, 15 u wara fl-Iskrittura Mqaddsa kollha. Nerġgħu nisimgħu l-(Gaudium et Spes, 13): “Magħmul minn Alla . . . il-bniedem sa mill-bidu tal-istorja abbuża mil-libertà tiegħu, billi ħadha kontra Alla u billi xxennaq ħalli jsegwi l-għan tiegħu ‘il hemm minn Alla”. Evidentement dan huwa dnub fis-sens strett tal-kelma: kemm fil-każ tal-ewwel dnub kif ukoll f’dak ta’ kull dnub ieħor tal-bniedem. Imma l-Konċilju ma jonqosx li jfakkar li dak l-ewwel dnub kien imwettaq mill-bniedem “ittentat mill-Malinn”. Bħal ma naqraw fil-Ktieb tal-Għerf (Sap 2, 24): “. . . il-mewt daħlet fid-dinja minħabba l-għira tax-xitan; u jesperjenzjawha dawk li jappartjienu lilu”. Jidher li f’dan il-każ “il-mewt” tfisser kemm id-dnub innifsu ( il-mewt tar-ruħ bħala telfa tal-ħajja divina imsawba mill-grazzja santifikanti), kif ukoll il-mewt korporali mneżżà mit-tama tal-qawmien mill-imwiet glorjuż. Il-bniedem li kiser il-liġi rigward “is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin”, ġie, mill-Mulej Alla, imbiegħed  mis-“siġra tal-ħajja” (Ġen 3, 22), fil-prospettiva tal-istorja terrena kollha tiegħu.

9. Fit-test tal-Konċilju, bit-tifkira tal-ewwel dnub, u għall-wirt tiegħu fl-istorja umana, jagħlaq il-prospettiva tal-ġlieda mħabbra mill-kliem attribwit lil Alla f’Ġen 3, 15: “Jien inqajjem ġlieda”. Minn dan joħroġ li jekk id-dnub huwa sa mill-bidu marbut mar-rieda ħielsa u mar-responsabbiltà tal-bniedem u jiftaħ kwestjoni “drammatika” bejn il-bniedem u Alla, huwa wkoll minnu li l-bniedem, minħabba d-dnub, huwa nserit (kif jesprimi ruħu b’mod ġust il-Vatikan II) “fi ġlieda tremenda kontra l-qawwiet tad-dlamijiet” (Gaudium et Spes, 37). Huwa mdeffes u “bħal inkatenat” (dejjem skont il-Konċilju) fid-dinamiżmu oskur ta’ dak il-“mysterium iniquitatis”, li hu ikbar minnu u mill-istorja terrena tiegħu.

Dwar dan titkellem sewwa l-Ittra lill-Efesin: “Il-battalja tagħna mhix kontra krejaturi magħmulin mid-demm, imma kontra l-Prinċipati u l-Qawwiet, kontra d-dominaturi ta’ din id-dinja ta’ dlam, kontra l-ispirti tal-ħażen li jabitaw fir-reġjunijiet ċelesti” (Ef 6, 12). Imma wkoll il-ħsieb tar-realtà enormi tad-dnub li jagħfas fuq l-istorja kollha tiegħu b’konsiderazzjoni partikolari għal żmenijietna, jerġà jimbuttana lejn il-verità tremenda ta’ dak il-kliem bibbliku u konċiljari dwar il-bniedem . . .  imdeffes fil-ġlieda tremenda kontra l-qawwiet tad-dlamijiet!”  Ma rridux però ninsew li dwar dan il-misteru ta’ dlam jixgħel sa mill-bidu dawl li jeħles l-istorja mill- ħolma kerha ta’ kundanna  inflessibbli: l-aħbar tal-Feddej.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb