12. Alla ma jħallix il-bniedem fil-poter tal-mewt


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  17/12/1986.

1. Fir-rabà Talba ewkaristika (Missale Romanum, Prex Eucharistia IV) il-Knisja iddur lejn Alla bil-kliem li ġej: “Aħna nfaħħruk, Missier qaddis, għll-konor tiegħek; int għamilt kollox b’għerf u mħabba, Xbiha tiegħek ħloqt lill-bniedem, f’idejh ħaddiema afdajt l-univers sabiex b’ubbidjenza lejk, ħallieq tiegħu, iwettaq id-dominju fuq dak kollu maħluq. U meta, għad-diżubbidjenza tiegħu,  il-bniedem tilef l-ħbiberija tiegħek, inti ma tlaqtux fil-poter tal-mewt. . .”.

F’armonija mal-verità espressa f’din it-talba tal-Knisja, fil-katekeżi preċedenti kkonsidrajna l-kontenut kumpless tal-kliem ta’ Ġen 3 li jikkostitwixxi t-tweġiba ta’ Alla għall-ewwel dnub tal-bniedem. F’dak it-test naqraw dwar il-ġlieda kontra “il-qawwiet tad-dlamijiet”, li fiha kien imdeffes il-bniedem minħabba d-dnub sa mill-bidu tal-istorja tiegħu fuq l-art: imma fl-istess ħin jassikura li Alla ma jitlaqx lill-bniedem għal riħu, ma jitilqux fil-“poter tal-mewt”, ridott “għall-skjav tad-dnub” (Rm 6, 17). Infatti, waqt li jdur fuq is-serp-tentatur il-Mulej Alla jġħid hekk: “Jiena nqajjem gwerra bejnek u bejn il-mara, nislek u nisilha: dan jisħaqlek rasu u int tgħattanlu għarqubu” (Ġen 3, 15).

2. Dan il-kliem tal-Ġenesi jiġi definit bħala il-“protovanġelu”, jew aħjar bħala l-ewwel aħbar tal-Messija Feddej. Dan, infatti, iħalli jitfaċċa l-pjan feddej ta’ Alla lejn il-ġeneru uman, li wara d-dnub oriġinali sab ruħu fl-istat ta’ dekadenza li nafu (status naturae lapsae). Dan jgħid qabel xejn dak li fil-pjan feddej ta’ Alla jikkostitwixxi l-ġrajja ċentrali. Dik l-isess ġrajja li għaliha tirreferixxi r-rabà Talba ewkaristika, diġa kkwotata, meta jdur lejn Alla b’din il-professjoni ta’ fidi; “Missier qaddis, tant ħabbejt lid-dinja li bgħattilna, fil-milja taż-żmien, lill-uniku Ibnek bħala Feddej. Huwa sar bniedem bl-opra tal-Ispirtu Santu u twieled mill-Verġni Marija; qasam kollox magħna, għajr id-dnub, il-kundizzjoni umana tagħna”.

3. L-aħbar ta’ Ġen 3 tissejjaħ “protovanġelu”, għaliex hija sabet il-konferma tagħha u t-twettiq tagħha biss fir-rivelazzjoni tal-patt il-ġdid li huwa l-Vanġelu ta’ Kristu. Fil-patt il-qadim din l-aħbar kienet ġiet imfakkra b’mod kostanti f’diversi modi, fir-riti, fis-simboliżmi, fit-talb, fil-profeziji, fl-istess storja ta’ Iżrael bħala l-“poplu ta’ Alla” miġbud lejn tragward messjaniku, imma dejjem taħt il-veli tal-fidi mperfetta u proviżorja tat-Testment il-Qadim. Meta jseħħ it-twettiq tal-aħbar fi’ Kristu din ikollha r-rivelazzjoni sħiha tal-kontenut trinitarju u messjaniku impliċitu fil-monoteiżmu ta’ Iżrael. It-Testment il-Ġdid  iġiegħel jiskopri allura s-sinifikat sħiħ tal-kitbiet tat-Testment il-Qadim, skont l-aforiżma famuża ta’ Santu Wistin: “In vetere Testamento novum latet, in novo vetus patet” jiġifieri: “Fit-Testment il-Qadim hemm moħbi l-Ġdid, u f’dak il-Ġdid il-Qadim isir ċar” (Quaestiones in Heptateuchum, II, 73).

4. L-analiżi tal-“protovanġelu” iġegħlna mela nagħrfu, permezz tal-aħbar u l-wegħda fih miġbura, li Alla ma telaqx lill-bniedem fil-poter tad-dnub u tal-mewt. Ried jgħinu u jsalvah. U dan għamlu fil-mod tiegħu propju, b’qies tal-qdusija tiegħu traxxendenti, u fl-istess ħin b’qies ta’ tali “kondixxendenza”, li setà juriha biss Alla-Imħabba.

Il-kliem stess tal-“protovanġelu” jesprimi din il-kondixxendenza feddejja, meta jħabbar il-ġlieda (“inqajjem gwerra”) bejn dak li jirrapreżenta l-“qawwiet tad-dlamijiet” u Dak li l-Ġenesi  jsejjaħ “in-nsel tal-mara” (“in-nisel tagħha”). Din hija l-gwerra li tintemm bir-rebħa ta’ Kristu (“hu jisħaqlek rasek”). Però din se tkun r-rebħa miksuba bil-prezz tas-sagrifiċċju tas-salib (“u inti tgħattanlu għarqubu”). Il-“misteru tal-ħniena” iferrex il-“misteru tal-inikwità”. Difatti propju s-sagrifiċċju tas-salib iġegħlna nippenetraw fl-istess nukleju essenzjali tad-dnub, billi jippermettilna li nifhmu xi ħaġa mill-misteru tenebruż tiegħu. Jiggwidana b’mod partikolari San Pawl fl-Ittra lir-Rumani meta jikteb: “ . . . kif minħabba d-diżubbidjenza ta’ wieħed biss ilkoll sirna midimbin, hekk ukoll minħabba l-ubbidjenza ta’ wieħed biss ilkoll sirna ġusti” (Rm 5, 19). “Kif . . . minħabba l-ħtija ta’ wieħed biss issawbet fuq il-bnedmin kollha l-kundanna, hekk ukoll bl-opra ta’ ġustizzja ta’ wieħed biss tissawwab fuq il-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni li tagħti l-ħajja” (Rm 5, 18).

5. Fil-“protoevanġelu” f’ċertu sens il-Kristu jiġi mħabbar għall-ewwel darba bħala “l-Adam il-ġdid” (1 Kor 15, 45). Anzi r-rebħa tiegħu fuq id-dnub, miksuba permezz tal-“ubbidjenza sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8), se tinvolvi tali abundanza ta’ maħfra u ta’ grazzja feddejja, li tissupera bla ebda qies il-ħażin tal-ewwel dnub u tad-dnubiet kollha tal-bnedmin. Jikteb mill-ġdid San Pawl: “Jekk minħabba l-waqgħa ta’ wieħed biss inmutu lkoll,  ferm iktar il-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti minħabba bniedem wieħed, Ġesù Kristu, ġew imsawba b’abbundanza fuq il-bnedmin kollha” (Rm 5, 15).

Ukoll jekk nibqgħu fuq il-pass tal- “protovanġelu”, wieħed jistà jiskopri li dwar ix-xorti tal-bniedem imwaqqà (“status naturae lapsae”) tiġi diġa ntrodotta l-prospettiva tal-fidwa futura  (“status naturae redemptae”).

6. L-ewwel tweġiba tal-Mulej Alla għad-dnub tal-bniedem, miġbura f’Ġen 3, 1 tippermettilna mela li nagħrfu sa mill-bidu kemm Alla huwa ġust b’mod infinit u fl-istess ħin ħanin b’mod infinit. Huwa sa minn l-ewwel aħbar juri ruħu bħala dak l-Alla li “tant ħabb id-dinja li ta  lil Ibnu uniġenitu” (Ġw 3, 16); li “bagħat lil Ibnu bħala vittma tas-sagrifiċċju għall-dnubietna” (1 Ġw 4, 10); li “ma ħafirhiex lill-istess Ibnu imma tah għalina lkoll” (Rm 8, 32).

Hekk għandna ċ-ċertezza li Alla, li, fil-qdusija traxxendenti tiegħu, jobgħod id-dnub, jikkastiga lill-midneb b’mod ġust, imma fil-ħniena ineffabbli tiegħu kontemporanjament iħaddnu bl-imħabba feddejja tiegħu. Il-“protovanġelu” diġa jħabbar din ir-rebħa fedejja tat-tajjeb fuq il-ħażin, li turi ruħha fil-Vanġelu permezz tal-misteru paskwali ta’ Kristu msallab u rxuxtat.

7. Huwa ta’ min jinnota kif fil-kliem ta’ Ġen 3, 15 “Jien inqajjem gwerra bejnek u bejn il-mara” f’ċertu sens hemm imwiegħda fl-ewwel post il-mara: “Jien inqajjem gwerra bejnek u bejn il-mara”. Mhux: bejnek u bejn ir-raġel, imma propju bejnek u bejn il-mara. Il-kummentaturi sa miż-żminijiet l-iktar qodma jenfasizzaw li hawn jiġi operat paralelliżmu sinifikattiv. It-tentatur – “is-serp antik” – indirizza, skont Ġen 3, 4, l-ewwel lill-mara u permezz tagħha kiseb ir-rebħa tiegħu. Minn naħa tiegħu l-Mulej Alla, waqt li jħabbar il-Feddej, jikkostitwixxi l-Mara l-ewwel “għadu” tal-prinċep tad-dlamijiet. Hija għandha tkun, f’ċertu sens, l-ewwel destinatarja tal-patt definittiv, li fih il-qawwiet tal-ħażen jiġu mirbuħa mill-Messija, Ibnu (“in-nisel tagħha”).

8. Dan – nirrepeti – huwa partkular estremament sinifikattiv, jekk wieħed iqis li fl-istorja tal-patt Alla jdur qabel kollox lejn l-irġiel (Noè, Abraham, Mosè). F’dan il-każ il-preċedenza donnha tappartjeni lill-Mara, naturalment fir-rigward tad-dixxendent tagħha Kristu. Infatti, il-biċċa l-kbira tas-Santi Padri u tad-Dutturi tal-Knisja jaraw fil-Mara mħabbra fil-“protovanġelu” lill-Omm ta’ Kristu, Marija. Hija hi wkoll dik li hi l-ewwel li għandha parti f’dik ir-rebħa fuq id-dnub miksuba minn Kristu: infatti hija ħielsa mid-dnub oriġinali u minn kull dnub ieħor, kif fuq il-passi tat-Tradizzjoni, diġa enfasizza l-Konċilju ta’ Trentu  (cf. DS 1516. 1573) u, fejn jidħol id-dnub oriġinali, Piju IX iddefinixxa b’mod sollenni, meta pproklama d-domma tal-Immakulata Konċezzjoni  (cf. DS 2803).

“Mhux ftit Santi Padri antiki”, kif jgħid il-Konċilju Vatikan II (Lumen Gentium, 56), fil-predikazzjoni tagħhom jippreżentaw f’Marija, Omm Kristu, l-Eva l-ġdida (hekk kif Kristu huwa l-Adam il-ġdid, skont Saan Pawl). Marija tieħu l-post u tikkostitwixxi l-oppost ta’ Eva, li hija “l-omm tal-ħajjin kollha” (Ġen 3, 20), imma wkoll il-ħtija, ma’ Adam, tal-waqgħa universali fid-dnub, waqt li Marija hija għal kulħadd “causa salutis” minħabba l-ubbidjenza tagħha fil-koperazzjoni ma’ Kristu fil-fidwa tagħna (cf. Ireneo, Adv. haereses, III, 22, 4).

9. Manifika hija s-sintesi li dwar din id-duttrina jagħmel il-Konċilju, li għalissa se nillimitaw ruħna li nirreferu test li jistà jkun l-aħjar siġill għall-katekeżi dwar id-dnub, li żvolġejna fid-dawl tal-fidi l-qadima u t-tama fil-ġrajja tal-Feddej: “L-aċċettazzjoni tal-omm predestinata ġiet qabel l-inkarnazzjoni għaliex hekk bħala mara kkontribwiet biex tagħti l-mewt, mara tikkontribwixxi biex tagħti l-ħajja.  Dan jgħodd b’mod tassew straordinarju għal Omm Ġesù, li tat lid-dinja l-ħajja stess, li ġgedded kollox . . . Ebda għaġeb mela jekk fost is-Santi Padri  stabilixxa ruħu l-użu li jsejħu lil Omm Alla il-kollha qaddisa u ħielsa minn kull tebgħa tad-dnub, mill-Ispirtu Santu kważi magħġuna u magħmula krejatura ġdida” (Lumen Gentium, 56).

“Imżejna sa minn l-ewwel waqt tal-konċezzjoni tagħha bl-isplenduri ta’ qdusija għal kollox singolari, il-Verġni ta’ Nażżaret hija, b’amar ta’ Alla, imsellma mill-anġlu ħabbar bħal “mimlija bil-grazzja” u lill-messaġġier ċelesti hija twieġbu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek”. Hekk Marija, bint Adam, waqt li aċċettat il-kelma divina, saret omm Ġesù, u waqt li ħaddnet, b’ruħha kollha u mingħajr ebda piż ta’ dnub, ir-rieda feddejja ta’ Alla, ikkonsagrat ruħha totalment bħala l-qaddejja tal-Mulej lill-persuna u lill-opra ta’ Ibnu, waqt li qdiet il-misteru tal-fidwa taħtu u miegħu, bil-grazzja ta’ Alla Omnipotenti” (Lumen Gentium, 56).

F’Marija u għal Marija, hekk inqalbet is-sitwazzjoni tal-umanità u tad-dinja, li b’xi mod reġgħu daħlu fl-isplendur tal-għodwa tal-ħolqien.

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb