2. Id-Dnub fl-Iskrittura Mqaddsa


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  03/09/1986.

1. Jekk is-Simboli tal-fidi huma ferm moderati fil-kliem dwar id-dnub, fl-Iskrittura Mqaddsa iżda it-terminu u l-kunċett tad-“dnub” huma fost dawk li jiġu ripetuti bi frekwenza kbira.

Dan juri li l-Iskrittura Mqaddsa hija, iva, il-ktieb ta’ Alla u dwar Alla, imma hija wkoll ktieb kbir dwar il-bniedem, meħud hekk kif inhu fil-kundizzjoni eżistenzjali tiegħu bħal ma jirriżulta mill-esperjenza. Id-dnub  infatti jappartjeni lill-bniedem u lill-istorja tiegħu: għalxejn ifittex li jinjorah jew li jagħti lil din r-realta misterjuża ismijiet oħra, interpretazzjonijiet oħra, bħal ma seħħ fi żmien l-illuminiżmu jew tas-sekulariżmu. Jekk wieħed jammetti d-dnub, jagħraf fl-istess ħin rabta profonda tal-bniedem ma’ Alla, għaliex ‘il barra minn dan ir-rapport bniedem-Alla, il-ħażen tad-dnub ma jidhirx fil-vera dimensjoni tiegħu, minkejja li ovvjament ikompli jkun preżenti fil-ħajja tal-bniedem u fl-istorja. Id-dnub ferm iktar  jiżen fuq il-bniedem bħal realtà misterjuża u fatali meta tiġi magħrufa inqas fl-essenza ta’ rifjut u oppożizzjoni tagħha quddiem Alla. Suġġett u artefiċi ta’ din l-għażla huwa b’mod naturali l-bniedem, li jistà jwarrab l-amar tal-propja kuxjenza ukoll bla ma jirreferi b’mod espress lil Alla; imma dan il-ġest tiegħu miġnun u fatali jakkwista s-sinifikat negattiv kollu tiegħu biss jekk  wieħed jarah fuq l-isfond tar-rapport tal-bniedem ma’ Alla.

2. Minħabba dan fl-Iskrittura Mqaddsa l-ewwel dnub huwa deskritt fil-kuntest tal-misteru tal-ħolqien. Fi kliem ieħor: id-dnub imwettaq fil-bidu tal-istorja umana huwa ppreżentat fuq l-isfond tal-ħolqien.  Jew aħjar  mid-donazzjoni tal-eżistenza minn naħa ta’ Alla, Il-bniedem fil-kuntest tad-dinja viżibbli, jirċievi b’rigal l-eżistenza bħala “xbiha u xebħ ta’ Alla”, jew aħjar f’livell li jkun razzjonali, iddotat b’intelliġenza u rieda: u f’tali livell ta’ donazzjoni ħallieqa minn naħa ta’ Alla tispjega ruħha wkoll l-essenza tad-dnub  tal-“bidu”, bħala għażla mwettqa mill-bniedem bl-użu ħażin ta’ tali fakultà.

Jiġi waħdu li hawn m’aħniex nitkellmu mill-bidu tal-istorja hekk bħal ma hu deskritt – ipotetikaament – mix-xjenza, imma dwar il-“bidu” bħal ma jidher permezz tal-paġni tal-Iskrittura. Din tiskopri f’tali “bidu” l-oriġni tal-ħażen morali, li dwaru l-umanità tagħmel esperjenza bla ma taqtà u tidentifikah bħala “dnub”.

3. Il-Ktieb tal-Ġenesi, fl-ewwel rakkont tal-opra tal-ħolqien  (Ġen 1, 1-28), li huwa b’mod kronologiku  wara r-rakkont ta’ Ġen 2, 4-15), jenfasizza t-“tjubija” oriġinali tal-ħolqien kollu, u b’mod partikolari t-“tjubija” tal-bniedem, maħluq minn Alla bħala “maskju u femmina” (Ġen 1, 27). Diversi drabi fid-deskrizzjoni tal-ħolqien tiġi mdaħħla l-osservazzjoni: “Alla ra li kienet ħaġa tajba”, u fl-aħħar wara l-ħolqien tal-bniedem: “Alla ra dak kollu li kien għamel, u hekk hu, din kienet ħaġa tassew tajba”  (Ġen 1, 12. 18. 21. 25. 31). Ġaladarba din kienet dwar l-esseri maħluq xbiha ta’ Alla, jiġifieri razzjonali u ħieles, is-sentenza tindika t-“tjubija” li hija propja ta’ tali esseri skont il-pjan tal-Ħallieq.

4. Hawn tissejjes il-verità tal-fidi, mgħallma mill-Knisja, dwar l-innoċenza oriġinali tal-bniedem, il-ġustizzja oriġinali tiegħu, bħal ma tirriżulta mid-deskrizzjoni li l-Ġenesi jagħmel tal-bniedem maħruġ minn idejn Alla u jgħix f’familjarità sħiħa miegħu; ukoll il-ktieb ta’ Qoelet  (Qo 7, 29) jgħid li “Alla għamel il-bniedem rett”. Jekk il-Konċilju ta’ Trento jgħallem li l-ewwel Adam tilef il-qdusija u l-ġustizzja li fihom kien  magħmul (DS 1511), dan ifisser li qabel id-dnub il-bniedem kien jappartjeni għall-grazzja santifikanti bid-doni kollha soprannaturali li jirrendu l-bniedem “ġust” quddiem Alla. B’espressjoni konċiża dan kollu jistà jkun espress billi ngħidu li, fil-“bidu”, il-bniedem kien fi ħbiberija ma’ Alla.

5. Fid-dawl tal-Bibbja, l-istat tal-bniedem qabel id-dnub jidher bħala kondizzjoni ta’ perfezzjoni oriġinali, espressa b’xi mod fix-xbiha tal-“ġenna”, li joffrilna l-Ġenesi. Jekk nistaqsu lilna nfusna liema kien is-sors ta’ din il-perfezzjoni, it-tweġiba hija li dan jinsab b’mod speċjali fil-ħbiberija ma’ Alla permezz tal-grazzja santifikanti u f’dawk id-doni l-oħra, imsejħa fil-lingwaġġ tejoloġiku “preternaturali” li ntilfu permezz tad-dnub. Grazzi għal tali doni divini l-bniedem li kien jinsab magħqud fi ħbiberija u armonija mal-Bidu tiegħu, kien jippossiedi u  kien  iżomm fih innifsu l-ekwilibriju ntern,  kien ikkonċernat mill-prospettiva tad-dekadiment u tal-mewt. Id-“dominju” fuq id-dinja, li Alla kien ta lill-bniedem sa mill-bidu, kien jirrejalizza ruħu qabel xejn fil-bniedem innifsu bħala dominju tiegħu stess. U f’dan l-awtodominju u ekwilibriju kellu l-“integrita” tal-eżistenza fis-sens li l-bniedem kien intatt u ordnat fl-esseri kollu tiegħu għaliex ħieles mill-konkupixxenza tripla, li  tiġbdu lejn il-pjaċiri tas-sensi, għar-regħba tal-ħwejjeġ terreni u għat-twettiq tiegħu nnifsu kontra t-twiddib tar-raġuni.

Minħabba dan kien hemm ordni wkoll fir-rapport mal-ieħor, f’dik l-għaqda u l-intimità li tirrendi kuntenti: bħal fir-rapport inizjali bejn raġel u mara, Adam u Eva, l-ewwel koppja kif ukoll l-ewwel nukleju tas-soċjetà umana. Tassew elokwenti minn dan il-punt di vista donnha hija dik is-sentenza qasira tal-Ġenesi “Issa t-tnejn li huma kienu mneżżà, ir-raġel u martu, imma ma kienu jħossu ebda mistħija” (Ġen 2, 25).

6. Il-preżenza tal-ġustizzja oriġinali u tal-perfezzjoni tal-bniedem, maħluq        xbiha ta’ Alla, li nafu mir-rivelazzjoni, ma kinitx teskludi li dan il-bniedem, bħala krejatura  mżejna bil-libertà, kienet  suġġetta, bħall-esseri spiritwali l-oħra, sa mill-bidu għall-prova tal-libertà! L-istess rivelazzjoni li tgħarrafna l-istat ta’ ġustizzja oriġinali tal-bniedem qabel id-dnub, bis-saħħa tal-ħbiberija tiegħu m’ Alla, li minnha kienet tirriżulta l-kuntentizza tal-eżistenza, tgħarrafna bil-prova fundamentali riservata għall-bniedem u li fiha huwa falla.

7. Fil-Ġenesi din il-prova tiġi deskritta taħt forma ta’ projbizzjoni tal-ikel tal-frott “tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin”. Hawn hu t-test: “Il-Mulej Alla amar lill-bniedem: «Int tistà tiekol mis-siġar kollha tal-ġnien, imma mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin m’għandekx tiekol; għaliex, meta int tiekol minnha, bla ebda dubju ta’ xejn inti tmut»” (Ġen 2, 16-17). Dan ifisser li l-Ħallieq, sa mill bidu, irrivela lil esseri razzjonali u ħieles kif l-Alla tal-patt u allura tal-ħbiberija u tal-kuntentizza, imma wkoll bħala sors tat-tajjeb u allura tad-distinzjoni tat-tajjeb u tal-ħażin fis-sens morali.

Is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin tfakkar b’mod simboliku l-limitu  insurmontabbli li l-bniedem, minħabba li hu krejatura, għandu jagħraf u jirrispetta. Il-bniedem jiddependi mill Ħallieq u huwa suġġet għal-liġijiet li fuqhom il-Ħallieq sawwar l-ordni tad-dinja minnu maħluqa, l-ordni essenzjali tal-eżistenza (ordo rerum); u allura wkoll għan-normi morali li jirregolaw l-użu tal-libertà. Il-prova primordjali hija mela ndirizzata għar-rieda ħielsa tal-bniedem, għal-libertà tiegħu. Min jaf jekk il-bniedem jikkonfermax mal-kondotta tiegħu l-ordni fundamentali tal-ħolqien u jagħraf l-verità li huwa hu nnifsu maħluq? Il-verità tad-dinjità li hija propja tiegħu  bħala xbiha ta’ Alla, imma wkoll il-verità tal-limiti krejaturali tiegħu?  

Sfortunatament nafu  r-riżultat tal-prova; il-bniedem falla. Dan tgħidulna r-rivelazzjoni. Hija bdanakollu tagħtina din l-aħbar ta’ dwejjaq fil-kuntest tal-verità tal-fidwa, hekk li tippermettilna nħarsu b’fiduċja lejn il-Ħallieq u Mulej ħanin tagħna.

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb