6. Il-konsegwenzi tad-dnub fuq l-umanità


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar id-dnub. Udjenza Ġenerali –  01/10/1986.

1. Il-Konċilju ta’ Trentu ifformula f’test sollenni tal-fidi tal-Knisja dwar id-dnub oriġinali. Fil-katekeżi preċedenti kkonsdrajna t-tagħlim konċiljari relattiv għad-dnub personali tal-proġenituri. Issa rridu nirriflettu dwar dak li l-Konċilju jgħid dwar il-konsegwenzi li dak id-dnub kellu għall-umanità. Dwar dan ir-rigward, it-test tad-digriet tridentin jagħmel l-ewwel dikjarazzjoni.

2. Id-dnub ta’ Adam għadda fid-dixxendenti kollha tiegħu, jiġifieri fil-bnedmin kollha minħabba li ġej mill-proġenituri, u l-werrieta tagħhom fin-natura umana, issa mċaħħda mill-ħbiberija ma’ Alla.

Id-digriet tridentin (cf. DS 1512) jiddikjara dan b’mod espliċitu: id-dnub ta’ Adam ġab ħsara mhux biss lilu, imma għad-dixxendenti kollha tiegħu. Il-ġustizzja u l-qdusija oriġinali, frott tal-grazzja santifikanti, ma ntilfux minn Adam biss  għalih innifsu, imma wkoll “għalina” (“nobis etiam”). Għalhekk huwa ttrażmetta lill-ġeneru uman kollu mhux biss il-mewt tal-ġisem u pieni oħra (konsegwenzi tad-dnub), imma wkoll id-dnub stess bħala mewt tar-ruħ (“Peccatum, quod mors est animae”).

3. Hawn il-Konċilju ta’ Trentu jirrikorri għal osservazzjoni ta’ San Pawl fl-Ittra lir-Rumani, li għaliha jagħmel referenza diġa s-Sinodu ta’ Kartaġni, billi jerġà jaqbad tagħlim sadattant imferrex sewwa fil-Knisja. Fit-traduzzjoni tallum it-test pawlin jinstemà hekk: “Bħalma minħabba bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja u mad-dnub il-mewt, hekk ukoll il-mewt laħqet lill-bnedmin kollha, għaliex ilkoll dinbu” (Rm 5, 12). Fl-oriġinali Grieg naqraw:  “eph’o pantes emarton”, espressjoni li fil-Volgata Latina antika kienet tradotta: “in quo omnes peccaverunt”, “li fih (bniedem uniku) ilkoll dinbu”; bdanakollu l-Griegi, sa mill-bidunett, kienu jifhmu b’mod ċar dak li l-Volgata tittraduċi “in quo” bħala “għaliex” jew “in kwantu”, sens  issa milqugħ b’mod komuni mit-traduzzjonijiet moderni. Bdanakollu din id-diversità ta’ interpretazzjoni tal-espressjoni ma tbiddilx il-verità bażika miġbura fit-test ta’ San Pawl, li jiġifieri d-dnub ta’ Adam (tal-proġenituri) kellu konsegwenzi għall-bnedmin kollha. Mill-bqija fl-istess kapitolu tal-Ittra lir-Rumani l-Appostlu jikteb: “minħabba d-diżubbidjenza ta’ wieħed ilkoll ġejna magħmulin midimbin”. U fil-versett preċedenti: “minħabba l-ħtija ta’ wieħed biss kienet mtfugħa fuq il-bnedmin kollha l-kundanna” (Rm 5, 19. 18). San Pawl jgħaqqad mela s-sitwazzjoni tad-dnub tal-umanità kollha mal-ħtija ta’ Adam.

4. Id-dikjarazzjonijiet ta’ San Pawl, li għadna kemm ikwotajna u li lilhom fakkar il-maġisteru tal-Knisja, jilluminaw mela l-fidi tagħna dwar il-konsegwenzi li d-dnub ta’ Adam għandu għall-bnedmin kollha. Minn dan it-tagħlim se jkunu dejjem orjentati l-esiġeti u t-tejoloġi kattoliċi biex  japprezzaw, bil-għerf tal-fidi, l-ispjegi li x-xjenza toffri dwar l-oriġini tal-umanità.

B’mod partikolari juru ruħhom bħala validi u stimolanti ta’ riċerki ulterjuri f’dan ir-rigward il-kliem indirizzati mill-Papa Pawlu VI lil simposju ta’ tejoloġi u xjenzjati: “Huwa evidenti li se jkunu irrikonċiljabbli mad-duttrina kattolika ġenwina l-ispjegi li tad-dnub orignali jagħtu ċerti awturi moderni, li, waqt li jitilqu mill-presuppost, li ma ġiex muri, tal-poliġeniżmu, jiċħdu, b’mod iktar jew inqas ċar,  li d-dnub, li minnu ġej tant taħlit ta’ ħażen fl-umanità, kienet qabel xejn id-diżubbidjenza ta’ Adam “l-ewwel bniedem”, figura ta’ dak il-futur, imwettqa fil-bidu tal-istorja”. (Insegnamenti di Paolo VI, IV [1966] 366)

5. Dikjarazzjoni oħra hija miġbura fid-digriet tridentin: id-dnub ta’ Adam jgħaddi fid-dixxendenti kollha, minħabba l-oriġni tagħhom minn, u mhux biss tal-eżempju ħażin. Id-digriet jenfasizza: “Dan id-dnub ta’ Adam,  minħbba l-oriġni huwa uniku u trażmess permezz ta’ ġenerazzjoni naturali. Din il-konvinzjoni tal-Knisja hija ndikata wkoll mill-prattika tal-magħmudija lit-trabi ġodda, li għaliha  jirreferi d-digriet konċiljari. It-trabi, inkapaċi li jikkommettu dnub personali, bdanakollu jirċievu, skont it-tradizzjoni sekolari tal-Knisja, il-magħmudija ftit wara t-twelid  għall-maħfra tad-dnubiet. Id-digriet jgħid: “jiġu ġenwinement mgħammda għall-maħfra tad-dnubiet, sabiex ikunu  ippurifikat fir-riġenerazzjoni dak li jkunu ttebbgħu bih fil-ġenerazzjoni” (DS 1514).

F’dan il-kuntest jidher ċar li d-dnub oriġinali fl-ebda dixxendent ta’ Adam ma jippossiedi l-karattru ta’ ħtija personali. Dan huwa l-privazzjoni mill-grazzja santifianti f’natura li, bil-ħtija tal-proġenitur, ġiet mgħawġa mill-għan soprannaturali tagħha, Dan huwa “dnub tan-natura”, rapportabbli biss b’mod analogu mad-“dnub tal-persuna”. Fl-istat ta’ ġustizzja oriġinali, qabel id-dnub, il-grazzja santifikanti kienet bħad-“dota” soprannaturali  tan-natura umana. Fil-“loġika” interna tad-dnub, li huwa rrifjutat mir-rieda ta’ Alla, regalatur ta’ dan id-don , hemm kontenuta t-telfa tiegħu.  Il-grazzja santifikanti ma baqgħetx tikkostitwixxi l-arrikiment soprannaturali ta’ dik in-natura, li l-proġenituri għaddew lid-dixxendenti kollha tagħhom fl-istat  li kienet tinsab meta taw bidu għall-ġenerazzjonijiet umani. Għalhekk il-bniedem jitnissel u jitwieled mingħajr il-grazzja santifikanti. Propju dan l-“istat inizjali” tal-bniedem, marbut mal-oriġni tiegħu, jikkostitwixxi l-essenza tad-dnub oriġinali bħala wirt  (“peccatum originale originatum”, bħal ma ngħidu).

6. Ma nistgħux nagħlqu din il-katekeżi mingħajr ma nikkonfermaw dak li ddikjarajna fil-bidu taċ-ċiklu preżenti: jiġifieri li aħna hemm bżonn, nikkunsidraw id-dnub ooriġinali b’referenza kostanti għall-misteru tal-fidwa mwettqa minn Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, li “għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna . . . sar bniedem”. Dan l-artikolu tas-Simbolu dwar il-finalità feddejja tal-Inkarnazzjoni jirreferi b’mod ewlieni u fundamentali għad-dnub oriġinali. Ukoll id-digriet tal-Konċilju ta’ Trentu huwa kollu kemm hu kompost b’referenza għal din il-finalità, waqt li jinfilsa ruħu fit-tagħlim ta’ kollha kemm hi t-Tradizzjoni, li jsib il-punt tat-tluq tiegħu fl-Iskrittura Mqaddsa, u qabel kollox fl-hekk imsejjaħ “protovanġelu”, jiġifieri l-wegħda ta’ rebbieħ ta’ satana futur u ħellies tal-bniedem, diġa mogħtija fil-Ktieb tal-Ġenesi  (Ġen 3, 15) u mbagħad f’tant testi oħra, sal-espressjoni hekk sħiħa ta’ din il-verità li tahielna San Pawl fl-Ittra lir-Rumani. Skont l-Appostlu, infatti, Adam huwa “figura ta’ dak li kellu jiġi” (Rm 5, 14). “Jekk infatti minħabba l-waqgħa ta’ wieħed biss mietu kollha, ferm iktar il-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti grazzi għal bniedem wieħed Ġesù Kristu, ġew imsawba b’abbundanza fuq il-bnedmin kollha” (Rm 5, 15).

“Similment, bħal ma minħabba d-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed ilkoll kienu magħmula midimbin, hekk ukoll minħabba l-ubbidjenza ta’ bniedem wieħed ilkoll ikunu magħmulin ġusti” (Rm 5, 19). “Mela kif minħabba l-ħtija ta wieħed biss ġiet imsawba fuq il-bnedmin kollha l-kundanna, hekk ukoll minħabba l-opra ta’ ġustizzja ta’ wieħed biss tiġi msawba fuq il-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni li tagħti l-ħajja” (Rm 5, 18).

Il-Konċilju ta’ Trentu jirreferi b’mod partikolari għat-test pawlin tal-Ittra lir-Rumani 5, 12 bħala l-pedament tat-tagħlim tiegħu, waqt li jara ddikjaratha fih l-universalità tad-dnub, imma wkoll l-universalità tal-fidwa. Il-Konċilju jfakkar ukoll il-prattika tal-magħmudija tat-trabi mwielda, u dan jagħmlu minħabba r-referenza stretta tad-dnub oriġinali – bħala eredità universali miksuba bin-natura mill-proġenituri – għall-verità tal-fidwa universali f’Ġesù Kristu.

Miġjub għallMalti mit-Taljan minn Emanuel Zarb